Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej - Jum il-Ħajja Kkonsagrata

Omelija fil-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej,
Jum il-Ħajja Kkonsagrata
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

img_0021.jpg

BIEX INKUNU PAĊI MA’ ALLA

Kif mhux possibbli li wieħed jidħol fl-ilma u ma jixxarrabx, hekk ukoll mhux minnu min jgħid li jkun iltaqa’ ma’ Ġesù u jibqa’ ma jinbidilx. Meta l-Kelma ta’ Alla tasal f’widnejna u f’qalbna, hija tagħtina skoss qawwi u tqabbad fina moviment. Meta dan ma jseħħx, ifisser li l-kelma hija mejta – li mhix il-Kelma ta’ Alla. Imma bħal Xmun fit-Tempju aħna wkoll għandna bżonn tal-għajnuna biex nisimgħu tidwi f’qalbna din il-Kelma u nħalluha ġġib il-konverżjoni tagħna. L-Ispirtu s-Santu li għen lil Xmun, jassisti lilna wkoll. Fil-fatt, fir-rakkont tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, San Luqa jgħidilna li l-Ispirtu s-Santu kien fuq Xmun u li dan kien imnebbaħ u mqanqal mill-Ispirtu s-Santu. Fil-magħmudija aħna rċivejna dan l-istess Spirtu s-Santu u għalhekk ma nibqgħux lura milli nsejħulu biex jgħinna nfasslu ħajjitna fuq il-Kelma. Neħtieġu t-tnebbiħ tal-Ispirtu biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Għalhekk San Pawl jistedinna biex “nistħarrġu l-Ispirti” (1 Kor 12:10) u San Ġwann jiktbilna li “mhux kull xorta ta’ spirti għandkom temmnu. L-Ispirti stħarrġuhom biex taraw ikunux ġejjin minn Alla” (1 Ġw 4:1). Imma biex nagħmlu dan id-dixxerniment spiritwali, neħtieġu l-akkumpanjament tad-direttur jew direttriċi spiritwali.

Dan id-dixxerniment neħtiġuh ilkoll kemm aħna – saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi Nsara. Permezz tad-dixxerniment spiritwali, li huwa differenti minn dak morali, aħna nagħmlu kuntatt mal-Ispirtu s-Santu li hemm fina – nagħmlu esperjenza tal-mogħdija tal-Ispirtu s-Santu fina. Dan huwa li għandna bżonn niskopru: li jkollna lil xi ħadd li jgħinna ngħarblu u nifhmu t-tqanqil tal-Ispirtu.

Min ma għandux fidi u jrid jgħix sewwa, jafda fir-raġuni. Il-Lhud għandhom il-Liġi ta’ Alla. Imma għalina li rċivejna l-Ispirtu s-Santu mingħand Ġesù, il-liġi mhix biss dik mogħtija minn Alla (liġi pożittiva divina), imma hija Alla nnifsu li jgħammar fina. L-Ispirtu ma jgħidilna xejn li jmur kontra l-liġi miktuba. Dak li huwa jnebbaħ jaqbel mal-liġi. Imma billi t-tnebbiħ tiegħu jseħħ fil-ġewwieni tagħna (il-ħajja interjuri), dan jista’ jkollu sfumaturi u preċiżazzjoni li jkunu jaqblu mas-sitwazzjoni kumplessa ta’ ħajjitna. Għax meta ngħidu li rridu nagħmlu r-rieda ta’ Alla, ma jfissirx li rridu bilfors nagħmlu “t-tajjeb” b’mod ġenerali, imma t-tajjeb possibbli f’dik iċ-ċirkustanza.

Huwa minnu li Alla għandu pjan universali, imma billi jaf lil kull wieħed u waħda minna b’isimna u jaf l-istorja tagħna, huwa għandu sejħa partikulari għal kull wieħed u waħda minna. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħinna nagħrfu din is-sejħa partikulari f’waqtiet partikulari ta’ ħajjitna u jgħinna naslu għal deċiżjoni sinċiera quddiem Alla u nagħmlu l-akbar ġid possibbli. Id-dixxerniment jgħinna naslu għal dawn l-għażliet.

img_0106.jpg

Sant’Injazju ta’ Loyola joffrilna ċerti regoli dwar kif għandu jsir id-dixxerniment. Illum ser insemmi tnejn minnhom.

Fid-dixxerniment jgħinna nagħżlu bejn dak li qed jgħidilna l-Ispirtu ta’ Alla u dak li jkun ġej mill-ispirtu tagħna nfusna (l-egoiżmu), jew mill-ispirtu tad-dinja, jew mill-ispirtu ħażin. Dawn tal-aħħar ixekklu l-ħbiberija tagħna ma’ Alla. Għalhekk id-dixxerniment ma jsirx billi tfaqqa’ subgħajk, imma jitlob proċess mifrux fuq iż-żmien fejn bl-għajnuna tal-Knisja neżaminaw jekk dak li nkunu qegħdin inħossu jkunx ġej minn Alla jew minn xi kawża oħra. Id-dixxerniment ma jfissirx li wieħed jagħmel fattih, imma li wieħed jixtarr sewwa u għal ċertu żmien il-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja u jieħu deċiżjoni. Dan huwa eżerċizzju impenjattiv.

Biex niżguraw ruħna li l-konklużjoni li nkunu wasalna għaliha tkun dak li Alla jrid minna f’dak il-waqt tal-istorja ta’ ħajjitna, Sant’Injazju jipprovdilna dan il-kriterju. Huwa jgħid li min jiltaqa’ ma’ Ġesù jġarrab konsolazzjoni kbira – iħoss ċerta paċi, ferħ u trankwillità. Dan tant jikber fil-fiduċja li jintelaq aktar f’idejn Alla. Mhux eskluż li frott ta’ din il-ħbiberija ma’ Alla, wieħed jibki bil-ferħ.

Min-naħa l-oħra, meta l-għażla li jagħmel il-bniedem ma tkunx f’sintonija mar-rieda ta’ Alla, huwa jġarrab ċerta deżolazzjoni. Xi ħaġa fil-ġewwieni tiegħu ma tħallihx kwiet għax tfakkru li mhux f’postu. F’sitwazzjoni bħal din il-bniedem ma jibbastax jegħleb id-dwejjaq u l-biża’.

Ħadd ma hu ser jidħak bih innifsu. Forsi naslu biex ngħaddu biż-żmien lis-saċerdot jew lill-komunità Nisranija, naslu biex nabbużaw mis-sagramenti, imma fil-qiegħ nett ta’ qalbna nkunu nafu x’inhuma l-mozzjonijiet jew it-tqanqil tal-Ispirtu ġewwa fina. Jekk l-għażla tkun skont ir-rieda ta’ Alla għalina, ikollna l-konsolazzjoni – anki jekk din l-għażla fiha nfisha ma tkunx taqbel eżatt mal-kwadri li tagħtina l-liġi pożittiva. Imma jekk flok ir-rieda ta’ Alla aħna nagħmlu l-kapriċċi tagħna, jekk aħna nxekklu l-Ispirtu ta’ Alla li hemm fina, qatt ma hu ser ikollna paċi f’ħajjitna – qatt ma naslu biex niggustaw il-preżenza ta’ Alla.

Dan kollu jikkonferma li d-dixxerniment huwa eżerċizzju li jieħu ż-żmien. Dixxerniment serju ma jsirx f’ħakka t’għajn. Sinċerament nirringrazzjaw lil Alla jekk insibu min hu lest li jerfa’ r-responsabbiltà li jgħinna ndawlu l-kuxjenza tagħna. Meta xi ħadd jitlobni ngħinu fid-dixxerniment, jien nersaq lejh bil-biża’ u t-tregħid għax kull persuna hija art imqaddsa – bid-dixxerniment irrid ngħinu jisma’ l-vuċi tal-Ispirtu ta’ Alla li hemm fih u jweġibha b’ġenerożità.

Jekk l-Insara kollha għandhom bżonn tad-dixxerniment, dan jgħodd b’mod partikulari għall-persuni kkonsagrati. Jekk irridu nilqgħu kontra l-faqar fil-ħajja saċerdotali u kkonsagrata, inħoss li huwa urġenti li aħna nieħdu b’aktar serjetà u impenn id-direzzjoni spiritwali fil-ħajja personali tagħna. Id-dixxerniment ma jsirx biss meta nirċievu l-ordinazzjoni jew nagħmlu l-professjoni, imma għalina dan għandu jkun eżerċizzju kontinwu biex kuljum nikbru fix-xebh tagħna ma’ Kristu.

Dan id-dixxerniment ma għandux isir biss fil-ħajja personali, imma wkoll bħala istituti reliġjużi u sekulari. Il-komunitajiet reliġjużi tagħna ma jistgħux ma jistaqsux x’inhu jgħidilna l-Ispirtu ta’ Alla llum, inkella nitilfu l-istess raġuni tal-eżistenza tagħna u mmutu. Meta aħna nitħarrġu f’dan l-eżerċizzju, inkunu nistgħu ngħinu lil ħutna jagħmlu d-dixxerniment. Dan huwa s-servizz appostoliku li jeħtieġ il-bniedem tal-lum. Ħa jkunu l-kunventi tagħna miftuħa biex nilqgħu u nakkumpanjaw lil dawk li huma mxennqin biex jisimgħu l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu. Hija prijorità fl-għażliet tagħna bħala Knisja lokali li jkollna persuni, partikularment saċerdoti u reliġjużi, imħejjija biex jakkumpanjaw lill-bniedem fid-dixxerniment.

Bħalma Xmun, taħt l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, għaraf fit-tarbija lil Ġesù Kristu, nemmen li l-istess Spirtu s-Santu jgħin lilna biex nagħrfu lil Ġesù u hekk jabilitana biex inkunu nistgħu ngħinu lil ħutna jagħmlu dan l-istħarriġ tal-Ispirti.