Is-Sorijiet Karmelitani: 60 Sena fil-Qasam Edukattiv f’Għawdex (1957-2017)

st-theresa-school-pic.jpg

Waqt li jfakkru s-sittin sena tal-preżenza tagħhom fid-Djoċesi ta’ Għawdex, is-Sorijiet Karmelitani ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù qed jiċċelebraw ukoll is-sittin sena mill-inawgurazzjoni tal-Iskola Santa Tereża, immexxija minnhom f’Ta’Kerċem.

Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Marzu 2017, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ser imexxi Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-knisja parrokkjali Ta’ Kerċem biex tfakkar il-ġurnata tal-1 ta’ Marzu 1957, meta l-Iskola Santa Tereża fetħet il-bibien tagħha għall-ewwel studenti.

bishop-in-kinder-1.jpg

Wara, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, isegwu diversi attivitajiet u ċelebrazzjonijiet oħra biex ifakkru ħidmet is-Sorijiet Karmelitani f’Għawdex f’dawn l-aħħar sittin sena, kif jidher f’dan il-programm:

23 ta’ Marzu 2017: Pellegrinaġġ mill-Iskola Santa Tereża għall-knisja tal-Lunzjata. Sittin tifel u tifla jakkumpanjaw xbieha żgħira tal-Verġni Marija Annunzjata b’sittin xemgħa ħamra f’idejhom li jissimbolizzaw il-mixja ta’ sittin sena tal-iskola tagħhom fir-raħal Ta’ Kerċem. Fil-knisja tal-Lunzjata ssir quddiesa minn Mons. Karm Borg, Direttur Spiritwali tal-Iskola.

April: Tnedija ta’ kompetizzjoni ta’ pittura bi premijiet għal kull klassi (Yr 1 sa Yr 6) tal-Iskola Santa Tereża, bis-suġġett: “Episodji varji mill-ħajja ta’ Santa Tereżina, Patruna tal-Iskola”.

23 ta’ Mejju: Ċelebrazzjoni Marjana Karmelitana.

Ġunju: Wirja bix-xogħlijiet tat-tfal li jkunu ddistingwew ruħhom fil-kompetizzjoni tal-arti dwar Santa Tereżina.

5 ta’ Ġunju: Ġurnata Ewkaristika. Adorazzjoni solenni u talb għall-vokazzjonijiet fil-kappella ta’ Santa Tereżina li tintemm bil-purċissjoni bis-Sagrament. Ikunu mistiedna wkoll il-ġenituri tat-tfal tal-Iskola.

Ġunju: Ċelebrazzjoni Ewkaristika-Marjana bis-sehem tat-Terzjarji Karmelitani.

4 ta’ Lulju, Tifkira Liturġika tal-Beata M. Crocifissa Curcio: L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, imexxi Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-knisja parrokkjali Ta’ Kerċem bħala konklużjoni taċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru s-sittin sena tal-preżenza tas-Sorijiet Karmelitani f’Għawdex u mill-inawgurazzjoni tal-Iskola Santa Tereża. Fl-istess okkażjoni ssir it-tnedija tal-ktieb L-Iskola Santa Tereża f’Ta’ Kerċem. 60 Sena ta’ Servizz fil-Qasam Edukattiv f’Għawdex, kitba ta’ Mons. Karm Borg. Fi tmiem il-quddiesa, Mons. Isqof iqassam il-premijiet lill-istudenti rebbieħa fil-kompetizzjoni tal-arti mnedija għall-okkażjoni tas-sittin sena tal-Iskola Santa Tereża.