Niżżel kopja tan-Newsheet minn hawn: newsheet-dicembru-2015.pdf
Archive for November, 2015
“Nagħmlu mod li ċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Mqaddsa tkun għal kull min jemmen tabilħaqq żmien ta’ laqgħa mal-ħniena ta’ Alla. Fil-fatt, hi xewqa tiegħi li l-Ġublew ikun esperjenza ħajja ta’ kemm il-Missier hu qrib tagħna, hekk li bħal donnu jrid imissina b’idu ħelwa, biex isaħħaħ il-fidi ta’ kull min jemmen u hekk titqawwa dejjem iżjed ix-xhieda li jagħti… Nixtieq li l-Indulġenza tal-Ġublew tasal għand kull wieħed u waħda bħala esperjenza ġenwina tal-ħniena ta’ Alla, li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd bil-wiċċ tal-Missier li jilqa’ fi ħdanu u jaħfer, waqt li jinsa għalkollox id-dnub imwettaq”. Continue reading >>
Omelija fil-Ftuħ tal-Viżta Pastorali fil-Belt Victoria
Bażilika ta’ San Ġorġ / Katidral tal-Assunta
Il-Ħadd 15 ta’ Novembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
L-ARLOĠĠ TAL-PARROĊĊA
Illum wieħed mhux lakemm jgħaddi mingħajr arloġġ. Meta ninsieh warajja, ninfixel. Ma nistax nimmaġina l-bniedem li ma għandux il-kejl taż-żmien. F’ċertu sens, il-ħin sar tirann. Il-bniedem dejjem ġlieda mal-ħin. Aħna dejjem attenti kif ser jirnexxilna nagħmlu razzjon tal-ħin. Nibżgħu kemm nibżgħu għall-ħin, spiss jiġrilna li jkollna nħallu ċerti ħwejjeġ barra – anki ħwejjeġ importanti – u lil min għandna nagħtuh ħin, nittraskurawh. Continue reading >>
Omelija waqt Quddiesa b’suffraġju
tas-saċerdoti li ħadmu fl-Oratorju Don Bosco
Oratorju Don Bosco, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
NAĦSBU BARRA MILL-KAXXA
Illum ftaqarna fil-ħsieb. Ftit huma dawk li jħossuhom ħielsa li jaħsbu b’moħħhom. Meta wieħed jirrifjuta li jelabora l-ħsieb tiegħu, hu jkun qed jirrinunzja għal-libertà. Qegħdin ngħixu fi żmien immarkat minn dak li jissejjaħ il-ħsieb uniku jew il-ħsieb dominanti. Hemm ir-riskju li naqgħu f’dik il-kategorija li xi ħadd iddeskriva bħala “victims of group thinking”. Għaldaqstant illum il-ħsibijiet, l-ideat u l-għażliet tagħna ftaqru ħafna għax, minflok, hemm ir-riskju li nitkellmu u naġixxu bla ma naħsbu. Qed naċċettaw li flok ma nkunu aħna li nagħtu d-daqqa fuq l-inkwina tal-ħajja, niddelegaw lil ħaddieħor isawrilna ħajjitna. Dan narah jiġri fil-ħajja personali tagħna, fil-familja u fis-soċjetà. Għalhekk għandna bżonn il-kuraġġ biex naħsbu “barra mill-kaxxa”, fis-sens li nkunu kapaċi noħorġu ’l barra mill-iskemi u l-programmi tas-soltu. Dan jgħodd ukoll għalina fil-Knisja meta niġu biex nagħmlu l-għażliet pastorali tagħna. Continue reading >>
Il-Ħadd li għadda, 22 ta’ Novembru 2015, filgħodu, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech kixef Mafkar ta’ Don Bosco fil-Biċentinarju minn twelidu, mal-faċċata tal-Kappella tal-Oratorju Don Bosco, il-Belt Victoria.
Fl-10.30am, l-Isqof Grech mexxa Quddiesa fil-Kappella tal-Oratorju u dritt wara inawgura l-monument.
Is-Sena Biċentinarja mit-Twelid ta’ Don Bosco qed tasal fi tmiemha. F’din l-okkażjoni, l-Oratorju Don Bosco ta’ Għawdex ried Mafkar ġdid ta’ Don Bosco li tqiegħed mal-faċċata tal-kappella li tagħti għall-grawnd tal-Oratorju.
Dan il-Mafkar, xogħol tal-artist Għawdxi John Grima, huwa replika fil-fajber tal-monument li kien inawgurat Turin f’Mejju li għadda u li sar biex ifakkar liż-żewġ saċerdoti Għawdxin li, ispirati minn Don Bosco, ħadmu f’Turin mat-tfal u ż-żgħażagħ: Dun Joe Galea u Dun Joshua Muscat. Din ir-replika saret grazzi għall-Kumitat li kien twaqqaf apposta Għawdex biex ifakkar lil dawn iż-żewġ saċerdoti.
Il-Mafkar, li sar Għawdex minn Manwel Grech, għandu l-għan ukoll li jfakkar lil dawk is-saċerdoti li, ispirati minn Don Bosco u s-sistema preventiva tiegħu, ħadmu u għadhom jaħdmu mat-tfal u maż-żgħażagħ f’Għawdex. Fil-fatt il-monument ġie inawgurat fl-anniversarju li jfakkar il-mewt ta’ Dun Pawl Micallef, fundatur tal-istess Oratorju, u fil-ħamsin anniversarju mill-bini ta’ din l-istess kappella tal-Oratorju.
Ritratt: Ħajr lil Joseph Borg