L-Indulġenza tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena

gublew-tal-hniena-logo.jpg“Nagħmlu mod li ċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Mqaddsa tkun għal kull min jemmen tabilħaqq żmien ta’ laqgħa mal-ħniena ta’ Alla.  Fil-fatt, hi xewqa tiegħi li l-Ġublew ikun esperjenza ħajja ta’ kemm il-Missier hu qrib tagħna, hekk li bħal donnu jrid imissina b’idu ħelwa, biex isaħħaħ il-fidi ta’ kull min jemmen u hekk titqawwa dejjem iżjed ix-xhieda li jagħti…  Nixtieq li l-Indulġenza tal-Ġublew tasal għand kull wieħed u waħda bħala esperjenza ġenwina tal-ħniena ta’ Alla, li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd bil-wiċċ tal-Missier li jilqa’ fi ħdanu u jaħfer, waqt li jinsa għalkollox id-dnub imwettaq”.

X’għandek tagħmel biex taqla’ l-Indulġenza fil-Ġublew tal-Ħniena

L-Indulġenza Plenarja tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena tinkiseb b’dawn il-kundizzjonijiet:
-    Pellegrinaġġ qasir lejn il-Bieb Imqaddes, miftuħ f’kull Katidral jew fil-knejjes stabbiliti mill-Isqof Djoċesan bħala Knejjes Ġubilari, u fl-erba’ Bażiliċi Papali ta’ Ruma, bħala sinjal tax-xewqa profonda għal konverżjoni vera.
-    Nersqu lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (il-Qrar).
-    Nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija mqaddsa (il-Quddiesa) b’riflessjoni fuq il-ħniena.
-    Nagħmlu l-Istqarrija tal-Fidi (il-Kredu).
-    Nitolbu għall-Papa u skont il-fehmiet li jġorr f’qalbu għall-ġid tal-Knisja u tad-dinja kollha.

Għall-morda u l-anzjani li ma jistgħux joħorġu
“Il-morda u l-persuni anzjani u li jinsabu waħidhom, spiss f’qagħda li ma jistgħux joħorġu mid-dar, jistgħu jiksbu l-Indulġenza jekk il-mard u t-tbatija jgħixuhom bħala esperjenza qrib tal-Mulej li fil-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu jgħallimna t-triq biex nagħtu sens lit-tbatija u s-solitudni.  Jekk jgħixu bil-fidi u t-tama hienja dan il-waqt ta’ prova, jitqarbnu jew jieħdu sehem fil-Quddiesa u fit-talb komunitarju, anki permezz tad-diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, dan ikun għalihom il-mod kif jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew”.

Għall-ħabsin
“Fil-kappelli tal-ħabsijiet jistgħu jiksbu l-indulġenza, u kull darba li jgħaddu mill-bieb taċ-ċella tagħhom, bi ħsiebhom u t-talb tagħhom merfugħ lejn il-Missier, ħa jkun għalihom dan il-ġest il-passaġġ tagħhom mill-Bieb Imqaddes, għax il-ħniena ta’ Alla, li tista’ tibdel il-qlub, għandha l-ħila wkoll tibdel il-grada taċ-ċella f’esperjenza ta’ libertà”.

L-Opri tal-Ħniena
“Jien sejjaħt lill-Knisja biex f’dan iż-żmien tal-Ġublew tiskopri mill-ġdid l-għana li hemm fl-opri ta’ ħniena li jmissu l-ġisem u r-ruħ…  Kull darba li l-fidili jgħixu waħda jew iżjed minn dawn l-opri huma stess, żgur li jkunu qed jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew”.

Għall-Erwieħ tal-Purgatorju
“L-Indulġenza tal-Ġublew tista’ tinkiseb ukoll għall-għeżież mejtin tagħna.  Magħhom aħna mxierka fix-xhieda ta’ fidi u mħabba li ħallewlna.  Kif niftakru fihom fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, hekk nistgħu, fil-misteru kbir tax-xirka tal-Qaddisin, nitolbu għalihom, biex il-wiċċ ħanin tal-Missier jeħlishom minn kull fdal ta’ ħtija u jagħfashom mal-qalb tiegħu fl-hena ta’ bla tmiem”.

L-assoluzzjoni mill-abort
“Iddeċidejt li għal din is-Sena tal-Ġublew nagħti lis-saċerdoti kollha l-fakultà li jagħtu l-assoluzzjoni mid-dnub tal-abort lil dawk kollha li wettquh u, niedma minn qalbhom, qed jitolbu l-maħfra tiegħu”.

Mill-Ittra li biha l-Q.T. il-Papa Franġisku jagħti l-Indulġenza fl-okkażjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, 1 ta’ Settembru 2015.