Archive for the 'Messages' Category

Messaġġ tal-E.T. Mons. Mario Grech lill-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Vella

opr0604201914.jpg

Messaġġ ta’ awguri lill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta
fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu u tal-ewwel żjara uffiċjali f’Għawdex
Kurja Veskovoli ta’ Għawdex, il-Belt Victoria
Is-Sibt 6 ta’ April 2019
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

AWGURI BIEX IKOLLNA LAJĊITÀ SANA U UMANIŻMU REALISTA

Mustafa Cerić, il-Mufti tal-Bożnja fl-2009, kien għamel din l-osservazzjoni dwar il-Punent: “Id-dinja tal-Punent għandha tmien dnubiet kbar: benessri mingħajr xogħol; edukazzjoni mingħajr morali; negozju mingħajr etika; divertiment mingħajr kuxjenza; politika mingħajr prinċipji; xjenza mingħajr responsabbiltà; soċjetà mingħajr familja; fidi mingħajr sagrifiċċju. Is-soluzzjoni għal dan hija li flok il-kelma mingħajr inqiegħdu u, allura: benessri u xogħol; edukazzjoni u morali; negozju u etika; divertiment u kuxjenza; politika u prinċipji; xjenza u responsabbiltà; soċjetà u familja; fidi u sagrifiċċju”. Continue reading >>

Il-Ministeru ta’ “Parrinu”

Kelmtejn mill-qalb lill-adoloxxenti
li fix-xhur li ġejjin ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof

Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar
Il-Ħadd 10 ta’ Frar 2019, Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

 prezentazzjoni-tal-kandidati-ghall-grizma-tal-isqof-munxar-100220192.jpg

Nieħu gost narakom, għaliex l-“iva” tagħkom tfisser ħafna: intom qegħdin tistqarru quddiem din il-ġemgħa li tridu tkunu ħbieb ta’ Ġesù. Dan lilna jimliena bil-ferħ.

Nieħu gost narakom, għax f’kull wieħed u waħda minnkom qed nara l-familja. Intom wasaltu s’hawn għax warajkom hemm is-sapport tal-familja li timbuttakom (f’sens tajjeb) biex tkomplu l-mixja tagħkom wara Ġesù. Għeżież familji, grazzi talli tressqu lil uliedkom għas-sagramenti. Continue reading >>

“Ix-xiħ huwa skular tal-esperjenza li hija l-aqwa għalliema” - L-Isqof Grech

 dar-guzepp-debono-2019.jpg

Messaġġ fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Dar Ġużeppa Debono
Dar Ġużeppa Debono, Għajnsielem
Il-Ġimgħa 8 ta’ Frar 2019
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-ANZJANI FAVUR IL-ĦAJJA

Biex fis-soċjetà tagħna tissaħħaħ il-kultura favur il-ħajja umana, nipproponi li jkun hemm aktar impenn li jġib ’il quddiem id-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija dik li toħlom, filwaqt li l-anzjani huma dawk li ħadmu biex raw il-ħolm tagħhom; fosthom, imma, hemm dawk li jgħallmuna biex fil-ħajja ma noħolmux bil-ftajjar! Għax xi drabi, frott l-entużjażmu u n-nuqqas ta’ esperjenza, il-ħolm taż-żgħożija jaf ikun frott l-idealiżmi!

Kif jgħid il-Malti, kliem ix-xiħ żomm fih! Għax ix-xiħ huwa skular tal-esperjenza li hija l-aqwa għalliema. Ix-xjuħ huma dawk li rnexxielhom jgħumu l-baħar tal-ħajja, u għax kienu jafu jaqdfu anki kontra l-kurrent, wasslu l-familja tagħhom fil-kenn tal-port. Ix-xiħ huwa mogħni bl-għerf li l-ħajja taf tikkomunika. Min jista’ jqis l-għerf li għandhom l-anzjani fil-konfront tal-ħajja?

Żgur li hemm anzjani li quddiem ix-xewqa li jnisslu ħajja, qalbhom imtliet bil-beżgħat imma rnexxielhom jirbħuhom. Hemm anzjani li minkejja l-faqar li kellhom, xorta kienu ġenerużi mal-ħajja, u għax ittamaw, messew b’idejhom il-Providenza. Hemm anzjani li għandhom memorji sbieħ tal-ferħ li tnissel familja numeruża. Hemm anzjani li ġarrbu t-tbatija ta’ min tilef it-tarbija fil-ġuf kemm b’mod naturali jew b’għażla. Hemm anzjani li maż-żmien irnexxielhom ifiqu mill-ġerħa tal-abort u llum tgħallmu mill-iżbalji tal-ħajja. Hemm anzjani li bkew ma’ wliedhom u għal uliedhom, imma għax ipperseveraw f’dak li huwa tajjeb, in-niket tagħhom inbidel f’ferħ.

Tajjeb li ngħinu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tiskopri din ir-riżorsa prezzjuża li għandna fl-anzjani tagħna. Jekk nagħrfu nakkumpanjaw liż-żgħażagħ jagħmlu l-patt mal-anzjani, l-esperti fil-ħajja, indirettament inkunu qegħdin ngħinu biex fil-ġenerazzjonijiet li telgħin ikun hawn aktar reverenza quddiem il-ħajja sa mill-bidu tat-tnissil. L-anzjani tagħna huma konfessuri tal-għaġeb tal-ħajja. Billi jafu x’inhi l-ħajja u stinkaw biex jgħixu, huma difensuri tal-ħajja. Ħafna minnhom ħallsu prezz għoli biex għexu, u għalhekk jafu kemm tiswa l-ħajja. Jekk huwa ż-żmien li jsajjar il-bajtar, huwa ż-żmien li jimmatura l-bniedem anki fl-apprezzament u l-għożża tal-ħajja.

Dan id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet mhux biss jgħin biex fostna jikber il-ħarsien tal-ħajja, imma jnissel fina wkoll ir-rispett lejn il-ħajja tal-anzjani. Għax jekk il-qtil tat-tarbija fil-ġuf huwa ikrah, daqshekk ieħor hija mneżżgħa minn kull dinjità umana t-temma volontarja tal-ħajja tal-marid u tal-anzjani.

Filwaqt li nirringrazzja lil Dar Ġużeppa Debono u l-Komunità Anawim għall-ħidma tagħhom favur il-ħajja kemm fid-Djoċesi tagħna u kemm ’il barra minn xtutna, nistedinkom biex tirriflettu dwar x’jista’ jsir biex inqarrbu liż-żgħażagħ lejn din l-għajn sapjenzjali li għandna fl-anzjani.

Messaġġ tal-Milied tal-Isqof Mario Grech

Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf

Messaġġ fiċ-Ċelebrazzjoni tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Is-Sibt 23 ta’ Ġunju 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

tberik-tat-tarbija-fil-guf-11.jpeg

ĦABBARA TAL-ĠMIEL TAL-ĦAJJA

Il-festa li qegħdin niċċelebraw illum, it-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista, toffrilna l-opportunità li nagħmlu riflessjoni fuq l-esperjenza sabiħa li qegħdin tgħixu intom, għeżież koppji, li, misjuqin mill-fidi Nisranija tagħkom, illum ġejtu fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu biex nitolbu l-barka ta’ Alla kemm fuq it-tarbija li hemm fil-ġuf tagħkom l-ommijiet u kemm fuqkom bħala ġenituri. Continue reading >>

Mons. Isqof Mario Grech fil-Laqgħa Plenarja tal-COMECE

Aqra l-intervent li għamel l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Laqgħa Plenarja tal-COMECE li nżammet fil-Belt tal-Vatikan il-ġimgħa li għaddiet.

Ir-ritratt juri d-delegazzjoni tal-Konferenza Episkopali Maltija li attendiet għall-Kungress organizzat f’Ruma mill-COMECE u s-Santa Sede fl-okkażjoni tas-sittin anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma (ritratt: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja ta’ Malta).

comece-rome-2017.jpg

Għal Ewropa iżjed soċjali
Intervent tal-Isqof Mario Grech fil-Laqgħa Plenarja tal-COMECE
26 ta’ Ottubru 2017, Ruma

L-Ewropa waslilha ż-żmien biex tagħmel eżami serju tal-kuxjenza fuq ir-rwol tagħha f’soċjetà fejn ir-rata tal-faqar bla dubju qiegħda tikber jum wara l-ieħor. Skont l-aħħar rapport tal-Ewrostat, ċittadin Ewropew fuq erbgħa għaddej minn żmien diffiċli: dħul baxx ħafna, esklużjoni soċjali, għajnuna ta’ xejn. L-ispejjeż qed jagħmluhom mhux biss l-anzjani, imma anki t-tfal, 27% minnhom jgħixu f’familji foqra. Il-faqar fost it-tfal issa sar fenomenu dejjem jikber anki fil-pajjiżi sinjuri, bħal Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit. Continue reading >>

Messaġġ ta’ Mons. Isqof Mario Grech dwar il-Linji-gwida

Kummentarju fuq Radju RTK
Is-Sibt 21 ta’ Jannar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

mario_grech_pope_francis.pngBħal-lum ġimgħa, flimkien mal-Arċisqof Charles J. Scicluna, pope_bishop_scicluna_.jpgippubblikajna l-linji-gwida  dwar l-applikazzjoni ta’ Kapitlu VIII tal-Eżortazzjoni Il-ferħ tal-Imħabba. Permezz ta’ dan id-dokument qed noffru kriterji dwar kif f’isem Kristu u l-Knisja nistgħu nkissru l-vażett tal-balzmu fuq il-ġerħat ta’ dawk il-persuni li għandhom diffikultajiet kbar fil-ħajja affettiva tagħhom u għaldaqstant fir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla, bħalma huma dawk li tilfu l-ewwel żwieġ u issa jinsabu fit-tieni relazzjoni. Continue reading >>

Ftuħ ta’ “Dar il-Ġublew tal-Ħniena”

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjoni tal-Persuni b’Diżabilità, nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru 2016, ġiet inawgurata “Dar il-Ġublew tal-Ħniena”, proġett tal-Fondazzjoni Arka għall-ħajja indipendenti ta’ persuni b’diżabbiltà fil-komunità. Id-dar f’Għajnsielem diġà qed tilqa’ fiha numru żgħir ta’ residenti.

ftuh-dar-il-gublew-tal-hniena-1.jpg

Kelmtejn fil-Ftuħ ta’ Dar il-Ġublew tal-Ħniena mill-Fondazzjoni Arka
Għajnsielem
Is-Sibt 3 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ftuh-dar-il-gublew-tal-hniena-5.jpg

INIZJATTIVA FAVUR IL-ĦAJJA

Permezz ta’ din l-inizjattiva li jkollna dar għall-ħajja indipendenti ta’ persuni b’diżabbiltà, il-Knisja f’Għawdex permezz tal-Fondazzjoni Arka trid tibgħat messaġġ favur il-ħajja. Ftit jiem ilu kont f’laqgħa organizzata mill-Federazzjoni tal-Għaqdiet tal-Persuni b’Diżabbiltà f’Għawdex u smajt b’attenzjoni omm li għandha tarbija b’diffikultajiet serji fix-xewka tad-dahar. Din l-omm ikkummentat li llum il-ġurnata ma hawnx aktar persuni bi spina bifida għax hemm min, meta jsir jaf li t-tarbija fil-ġuf għandha din l-għamla ta’ diżabbiltà, jagħżel li ma jħallihiex titwieled. Kliem bħal dan jinkwetani qatigħ għax hawnhekk qed nitkellmu fuq temma ta’ ħajja umana, meta kull ħajja umana, anki dik li mhix perfetta, hija sagra u aħna għandna d-dmir etiku li ngħinuha tgħix. Continue reading >>