- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Tiftaħ il-Viżta Pastorali fiż-żewġ parroċċi tar-Rabat

Posted By admin On November 26, 2015 @ 12:49 am In Homilies | Comments Disabled

Omelija fil-Ftuħ tal-Viżta Pastorali fil-Belt Victoriaclock.JPG
Bażilika ta’ San Ġorġ / Katidral tal-Assunta
Il-Ħadd 15 ta’ Novembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-ARLOĠĠ TAL-PARROĊĊA

Illum wieħed mhux lakemm jgħaddi mingħajr arloġġ. Meta ninsieh warajja, ninfixel. Ma nistax nimmaġina l-bniedem li ma għandux il-kejl taż-żmien. F’ċertu sens, il-ħin sar tirann. Il-bniedem dejjem ġlieda mal-ħin. Aħna dejjem attenti kif ser jirnexxilna nagħmlu razzjon tal-ħin. Nibżgħu kemm nibżgħu għall-ħin, spiss jiġrilna li jkollna nħallu ċerti ħwejjeġ barra – anki ħwejjeġ importanti – u lil min għandna nagħtuh ħin, nittraskurawh.

Ir-referenza li Ġesù jagħmel għax-xemx li tiddallam, il-qamar li jitlef id-dija tiegħu u li l-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema (Mk 13:14) tista’ tingħata interpretazzjoni apokalittika; imma meta nqis li Ġesù kien qed jitkellem ma’ soċjetà agrikola li ma kellhiex arloġġi bħal tagħna u allura kienet tkejjel iż-żmien billi taqra l-movimenti tan-natura (sal-lum għadek issib min jimxi max-xemx u jħares lejn il-qamar biex ikejjel l-istaġuni), jiġini ngħid li hawn Ġesù kien qiegħed jgħidilhom biex jibdlu “l-arloġġ”. Ġesù qed jgħidilhom biex jiskandaljaw iż-żmien mhux aktar bl-“arloġġ tan-natura”, imma b’arloġġ ġdid: il-persuna tiegħu stess. Ġesù Kristu hu s-Sid taż-żmien. Iż-żmien jieħu t-tifsira tiegħu biss fi Kristu.

Dan huwa s-sigriet tal-ħajja tan-Nisrani. Mingħajr arloġġ ma ngħaddux; mela kemm iktar ma ngħaddux mingħajr Kristu li sar bniedem “fil-milja taż-żmien”! Aħna l-arloġġ neħtiġuh biex inkejlu ż-żmien, inpoġġu t-termini ta’ ħajjitna u nosservaw is-suċċessjoni tal-ġrajjiet. Fi kliem ieħor, l-arloġġ għandna bżonnu għall-kronoloġija u l-istorja. Imma b’daqshekk x’jiswa ladarba kollox għandu t-tmiem tiegħu… ladarba l-arloġġ personali tagħna xi darba għandu jieqaf?  Huwa Ġesù biss li bħala Alla jista’ jagħti tifsira u sens liż-żmien u lill-ħajja tagħna. Għalhekk il-punt ta’ riferiment għal ħajti ma għandux ikun l-arloġġ jew il-kalendarju, imma l-persuna ta’ Ġesù. Dan jgħodd għall-ħajja personali tagħna, il-ħajja tal-familja, il-ħajja soċjali, u l-bqija.

B’dan il-mod, is-suċċessjoni tal-ġrajjiet ta’ ħajjitna ma tkunx kronoloġija, imma żmien ta’ “kairos” – ħajjitna ssir esperjenza ta’ grazzja, esperjenza ta’ Alla li tibda f’din id-dinja u tkompli fl-eternità. Propju għalhekk imbagħad Ġesù jgħid li ma għandniex għalfejn inkunu nafu l-jum u s-siegħa, għaliex kull mument ta’ ħajjitna huwa opportunità biex ngħixu f’għaqda intima ma’ Ġesù. Nifhem għalhekk għaliex ċerti persuni ta’ ħajja spiritwali intensa,  kuntrarjament għal diversi minna li waqt it-talb dejjem inkunu qisna fuq ix-xwiek u moħħna fl-arloġġ, ma jħarsux lejn l-arloġġ meta jkunu fil-preżenza ta’ Ġesù.

Sakemm l-arloġġ jaħdem sewwa, ħajjitna tkun arloġġ; imma xi drabi jiġrilna li l-arloġġ jieqaf… jew ħaddieħor iħawwadhulna u jibda jimmarka ħażin.

Għalhekk matul din il-Viżta Pastorali nixtieq li naraw kif qiegħed jaħdem l-arloġġ tal-parroċċa. Forsi hemm bżonn nagħtuh ftit żejt biex jaħdem aħjar. Naraw jekk huwiex Kristu l-arloġġ tal-komunità parrokkjali – huwiex Kristu li qed jiskandalja l-movimenti tal-parroċċa. Hija xewqa tiegħi li matul din il-Viżta Pastorali niltaqa’ mhux biss ma’ dawk li l-arloġġ tagħhom qed jaħdem mhux ħażin, imma wkoll ma’ dawk il-persuni jew koppji li l-arloġġ tagħhom tħarbat jekk mhux ukoll waqaf għalkollox. Nixtieq ukoll niltaqa’ mal-gruppi ekkleżjali, għax anki bħala Knisja ma aħniex meħlusa mir-riskju li l-arloġġ veru tagħna jitqiegħed fil-ġenb biex inpoġġu arloġġ ieħor; lanqas ma hija eskluża l-possibbiltà li l-arloġġ tagħna bħala Knisja jibda jimxi bil-mod u allura jmur lura u għalhekk jimmarka ħażin.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/11/26/tiftah-il-vizta-pastorali-fiz-zewg-parrocci-tar-rabat/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.