IL-MONUMENT TA’ DON BOSCO FIL-BIĊENTINARJU MIT-TWELID TIEGĦU

inawgurazzjoni-monument-don-bosco-ritratt-joseph-borg.jpgIl-Ħadd li għadda, 22 ta’ Novembru 2015, filgħodu, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech kixef Mafkar ta’ Don Bosco fil-Biċentinarju minn twelidu, mal-faċċata tal-Kappella tal-Oratorju Don Bosco, il-Belt Victoria.

Fl-10.30am, l-Isqof Grech mexxa Quddiesa fil-Kappella tal-Oratorju u dritt wara inawgura l-monument.

Is-Sena Biċentinarja mit-Twelid ta’ Don Bosco qed tasal fi tmiemha.  F’din l-okkażjoni, l-Oratorju Don Bosco ta’ Għawdex ried Mafkar ġdid ta’ Don Bosco li tqiegħed mal-faċċata tal-kappella li tagħti għall-grawnd tal-Oratorju.

Dan il-Mafkar, xogħol tal-artist Għawdxi John Grima, huwa replika fil-fajber tal-monument li kien inawgurat Turin f’Mejju li għadda u li sar biex ifakkar liż-żewġ saċerdoti Għawdxin li, ispirati minn Don Bosco, ħadmu f’Turin mat-tfal u ż-żgħażagħ: Dun Joe Galea u Dun Joshua Muscat.  Din ir-replika saret grazzi għall-Kumitat li kien twaqqaf apposta Għawdex biex ifakkar lil dawn iż-żewġ saċerdoti.

Il-Mafkar, li sar Għawdex minn Manwel Grech, għandu l-għan ukoll li jfakkar lil dawk is-saċerdoti li, ispirati minn Don Bosco u s-sistema preventiva tiegħu, ħadmu u għadhom jaħdmu mat-tfal u maż-żgħażagħ f’Għawdex.  Fil-fatt il-monument ġie inawgurat fl-anniversarju li jfakkar il-mewt ta’ Dun Pawl Micallef, fundatur tal-istess Oratorju, u fil-ħamsin anniversarju mill-bini ta’ din l-istess kappella tal-Oratorju.

Ritratt: Ħajr lil Joseph Borg