Archive for January, 2014

Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċi - Frar 2014

Niżżel kopja tan-Newsheet minn hawn:

newsheet-frar-2014.pdf

Papa Franġisku jagħraf il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita De Brincat

madre-margerita-de-brincat.JPG

Dalgħodu (27 ta’ Jannar 2014), il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, f’udjenza mal-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Angelo Amato sdb, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin, laqa’ l-parir pożittiv ta’ din il-Kongregazzjoni - mogħti iktar kmieni l-ġimgħa l-oħra - dwar il-virtujiet erojċi tal-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, u awtorizza lill-istess Kongregazzjoni toħroġ id-digriet li jiddikjaraha uffiċjalment Venerabbli!  L-aħbar qiegħda fuq il-bullettin tal-aħbarijiet ta’ kuljum tal-Vatikan:http://press.vatican.va/content/salastampa/en/bollettino/pubblico/2014/01/27/0062/00128.html.

Eventwalment, fil-jiem li ġejjin, jiġi ffirmat u ppromulgat dan id-Digriet.  Imma fiha nfisha din hi aħbar pożittiva li waslet fi żmien qasir ħafna wara li ħarġet l-aħbar tal-parir pożittiv tal-Kongregazzjoni.

Ritratt: Statwa tal-Venerabbli Madre Margerita De Brincat li tinsab fil-Knisja tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, fil-Casa Madre tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria, Għawdex. L-istatwa hi propjetà tal-Kumitat tal-Festi tal-Kunċizzjoni (Victoria).

Messaġġ tal-Isqof Grech fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, patrun tal-ġurnalisti

quddiesa-ghall-operaturi-tal-midja-ghawdxin-25jan2014.jpg

Messaġġ lil dawk impenjati fil-Midja

KELLMUNA WKOLL DWAR ALLA

Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Mhux lakemm wieħed ikejjel il-ġid li l-mezzi tal-komunikazzjoni jagħmlu lis-soċjetà. Ħadd ma jista’ jiċħad li dawn il-mezzi saru kanali li permezz tagħhom illum għandna aċċess għal minjieri ta’ tagħrif li jagħni lill-bniedem. Meta huma wżati bil-galbu dawn il-mezzi jgħinu lill-bniedem isib it-tweġibiet għal għadd ta’ mistoqsijiet li jista’ jkollu, inklużi dawk eżistenzjali. Għalhekk, f’ċertu sens, jista’ jingħad li llum il-midja huma strument validu li jgħin lill-bniedem jissawwar f’diversi oqsma importanti għall-ħajja, bħalma hija l-edukazzjoni, il-kultura, ix-xjenza, l-ekonomija u l-politika, eċċ. Ma nistax nimmagina ġurnal jew bullettin tal-aħbarijiet li ma jitkellmux dwar dawn is-suġġetti. Jekk editur ifettillu ma jħallix spazju għal dak li qed jiġri fid-dinja tal-politika, huwa ovvju li ngħidu li dan l-editur ma jafx x’inhuma l-aspirazzjonijiet tal-qarrejja jew is-semmiegħa.

Għalkemm normalment il-mezzi tal-komunikazzjoni ta’ pajjiżna qed iwieġbu tajjeb għall-ħtiġijiet tas-soċjetà għax jagħlfu lill-udjenzi tagħhom, xi drabi forsi anke żżejjed, b’materjal li għandu x’jaqsam ma’ dawn is-suġġetti, inħoss li hemm settur li jista’ jkun indirizzat aħjar: qed nitkellem dwar id-dimensjoni spiritwali ta’ kull persuna. Continue reading >>

It-tmin anniversarju mill-konsagrazzjoni episkopali tal-Isqof Mario Grech

L-Isqof ħabbar tal-qawmien ta’ Kristu

Omelija tal-Isqof Mario Grech
Quddiesa tat-Tmien Anniversarju tal-Ordinazzjoni Episkopali
Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Victoria, 22 ta’ Jannar 2014

“Fil-Vanġelu li tħabbrilna (Mark 3,1-6), smajna li kien il-jum tas-Sibt meta Ġesù daħal fis-Sinagoga u fejjaq raġel li kellu idu niexfa. Dan ifisser li għal Ġesù l-jum tas-Sibt kien jum li fih ħeles lill-bniedem. Il-messaġġ li jaslilna permezz tal-fejqan ta’ din persuna huwa li, proprju fil-jum tas-Sibt, Alla juri lilu nnifsu bħala dak li jrodd lura l-ħajja u li lil dak li kien imġenneb jerġa’ jpoġġih fiċ-ċentru. Barra minn hekk, ir-rakkont ta’ San Mark jurina li fil-jum tas-Sibt seħħ miraklu mal-komunità, għax jekk ir-raġel kien b’idu niexfa, il-komunità kellha “qalb iebsa” biex tilqa’ l-qawwa ta’ Alla li dehret fi Kristu.
Dan huwa Vanġelu li jgħinna nirriflettu dwar is-sejħa u l-missjoni kemm tal-Knisja kif ukoll tiegħi bħala Isqof tagħkom. Aħna msejħin biex kontinwament ngħixu bħala “in-nies tas-Sibt”, li mhuwiex biss il-jum tal-mirakli imma l-jum tal-ikbar miraklu. Fis-sens bibbliku, is-Sibt għandu tifsira li tmur ’l hinn mid-dimensjoni kronoloġika. Għal-Lhud il-jum tas-Sibt huwa sagru għax ifakkarhom fix-Shabbat, il-jum li fih Alla lesta l-ħolqien (Ġen. 2:2). Għalhekk il-poplu Lhudi ried li ż-żmien tiegħu jkun imqassam b’mod li jkun hemm waqtiet fejn mhux biss jammira l-ġmiel tal-ħolqien imma wkoll jieħu sehem fil-ħidma kreattiva ta’ Alla.

Kif insibu fil-Levitiku, is-sena sabbatika sservi biex wara sitt snin li matulhom kien ikun hemm il-ħsad u ġbir tal-għeneb, fis-seba’ sena mbagħad il-bniedem kien jistrieħ hu u jħalli kemm il-bhejjem kif ukoll l-art jistrieħu. Biex jagħmlu esperjenza ta’ xi jfisser li Alla huwa s-Sid taż-żmien u tal-istorja u għajn ta’ kull ġid, il-Lhud kienu jafdaw fil-provvidenza divina. Barra minn hekk, matul is-sena sabbatika kienet terġa’ tiġi stabbilita l-ordni f’soċjetà mgerrfxa. Din is-sena kienet isservi wkoll biex jiġi stabbilit ċertu ekwilibriju fil-ħajja u hekk kienu jiġu evitati ċerti qagħdiet estremi u ċerti żbilanċi fis-soċjetà. Infatti, il-bniedem kien iħalli l-art tistrieħ u terġa’ tiġġenera lilha nnifisha, kienet issir il-ġustizzja u l-ħwejjeġ misruqa jintraddu lura, kien ikun hemm maħfra tad-djun, u fuq kollox l-iskjavi kienu jingħataw il-ħelsien. Dan kollu kien jgħin biex ikun hemm “ħolqien” ta’ soċjetà ġdida! Continue reading >>

Signing of the Third Additional Protocol between the Holy See and the Republic of Malta

Download press release from here:

11-third-additional-protocol-eng.pdf

Bullettin tal-Ħadd - 26 ta’ Jannar 2014

Niżżel kopja tal-bullettin minn hawn:

bullettin-2014-jan26.jpg

Id-Djoċesi ta’ Għawdex tiċċelebra t-8 anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-Isqof Mario Grech

mons-isqof-grech-ifakkar-it-tmien-anniversarju-mill-konsagrazzjoni-tieghu.JPG

Ilbieraħ, l-Erbgħa 22 ta’ Jannar, fil-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria, fis-6.00pm, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mexxa Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Radd il-Ħajr f’għeluq it-tmien anniversarju tal-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu.

Sintesi tal-omelija:

F’dinja mgħaġġla bħal tagħna fejn ħafna drabi ma għandna żmien għal ħadd, illum hija missjoni tal-Knisja li tgħin lill-bniedem jgħożż aktar id-dimensjoni reliġjuża taż-żmien. Il-jum tas-Sibt huwa sagru għal-Lhud għax ifakkarhom fis-Shabbat, il-jum li fih Alla lesta l-ħoqlien. Infatti s-sena sabbatika sservi biex il-Lhud jimpenjaw ruħhom biex jerġgħu  jagħrfu l-primat ta’ Alla bħala s-Sid tal-ħajja u tal-istorja, jġibu l-ordni fil-ħajja u jiksbu ċertu ekwilibriju fil-ħajja.

Huwa fatt evidenti li llum għandna bżonn nerġgħu nqiegħdu lil Alla fiċ-ċentru tal-istorja tagħna, li jerġa’ jkollna aktar ordni morali fil-ħajja personali, familjari u soċjali, u fuq kollox li jerġa’ jkollna aktar armonija bejnietna u bejna u l-ambjent.

Bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu Ġesù Kristu jagħti tifsira aktar profonda tas-Sibt, għaliex għalkemm il-Ġimgħa huwa kien maqtul, bil-qawmien tiegħu mill-mewt mat-tbexbix tal-Ħadd Ġesù inawgura ħolqien ġdid fejn Hu jixxotta kull demgħa li tinżel fuq ħaddejn il-bniedem, partikularment il-bniedem dgħajjef.

Għalhekk ma hemmx lok għal dawk l-Insara li, għal xi raġuni jew oħra, ikollhom qalbhom tqila u jieħdu l-bixra li kellhom d-dixxipli nhar is-Sibt qabel il-Għid: dawn ħasbu li Alla kien miet, ġarrbu t-toqol tas-skiet ta’ Alla, tnikktu minħabba li ħasbu li Ġesù ħareġ tellief, billi l-Imgħallem ma kienx magħhom tferrxu u nħbew. Xi drabi din hija l-attitudni ta’ diversi Nsara llum li, minħabba ċerti żvillppi li qed iseħħu fis-soċjetà tagħna, huma ttentati jaħsbu li Alla għeb u siket u għalhekk jagħżlu li jirtiraw mill-kamp pubbliku.

Għalhekk hija l-missjoni tal-Isqof li bħala ragħaj tal-merħla għandu jistinka biex il-komunità Nisranija tkun komunità li tgħix l-ispirtu tal-jum tas-Sibt (il-Ħadd) fid-dawl tal-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. Għalina dan huwa l-jum li fih seħħ l-ikbar miraklu u għadhom iseħħu l-mirakli. Fuq kollox, il-komunità Nisranija, li għandha bħala l-qofol tagħha l-misteru tal-Għid ta’ Kristu, hija komunità li tqawwi t-tama f’min huwa dgħajjef u tagħti viżjoni u futur lil min ma għandux.

Madre Margerita De Brincat se tiġi ddikjarata Venerabbli

Il-vot tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin dwar Madre Margerita De Brincat hu pożittiv
Il-fundatriċi Għawdxija tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù dalwaqt tkun Venerabbli

madre-margherita.jpg

Dalgħodu, kummissjoni ta’ Kardinali u Isqfijiet fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin iltaqgħet f’sessjoni ordinarja biex tat ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex, bħala Venerabbli.  Din is-sessjoni tmexxiet mill-Kardinal James M. Harvey u għaliha kien preżenti l-Postulatur tal-Kawża, Patri Gianni Califano OFM.

Il-vot tal-lum dwar il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita sar fuq il-proposti mogħtija minn kummissjoni ta’ disa’ konsulturi teologi f’April li għadda.  L-eżitu tal-vot kien wieħed pożittiv, u għalhekk il-pass li jmiss issa hu li l-Kongregazzjoni tressaq ir-riżultat tal-vot tagħha quddiem il-Papa Franġisku biex, fuq parir tal-istess Kongregazzjoni, jiffirma d-Digriet uffiċjali li bih jiddikjara lil Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli.  F’dak l-istadju, ikun jonqos biss l-approvazzjoni ta’ miraklu bl-interċessjoni tal-Venerabbli De Brincat biex hi tiġi ddikjarata Beata.

F’Velja ta’ Talb li nżammet ilbieraħ fil-Knisja tas-Sorijiet fi Triq Palma, il-Belt Victoria, fejn hemm il-Casa Madre li fiha għexet għal tant snin u mietet Madre Margerita, u fejn tinsab midfuna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech sejħilha “vulkan li jarmi enerġija umana u evanġelika”.  Hu żied jgħid li dan hu “jum storiku għall-Knisja f’Għawdex” għaliex għall-ewwel darba fl-istorja, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex tinsab daqshekk qrib il-glorja tal-altari.

Madre Margerita De Brincat (1862-1952), minn Ta’ Kerċem, Għawdex, hi l-Fundatriċi tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Fir-ritratt jidher Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ma’ Madre Vitaliana Zammit, Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, u ma’ Patri Gianni Califano, Postulatur tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni.

madre-generali-sr-vitaliana-zammmit-l-isqof-grech-u-patri-ganni-califano-postulatur-sm.jpg