- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Madre Margerita De Brincat se tiġi ddikjarata Venerabbli

Posted By admin On January 21, 2014 @ 8:49 pm In Press Releases | Comments Disabled

Il-vot tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin dwar Madre Margerita De Brincat hu pożittiv
Il-fundatriċi Għawdxija tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù dalwaqt tkun Venerabbli

[1] madre-margherita.jpg

Dalgħodu, kummissjoni ta’ Kardinali u Isqfijiet fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin iltaqgħet f’sessjoni ordinarja biex tat ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex, bħala Venerabbli.  Din is-sessjoni tmexxiet mill-Kardinal James M. Harvey u għaliha kien preżenti l-Postulatur tal-Kawża, Patri Gianni Califano OFM.

Il-vot tal-lum dwar il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita sar fuq il-proposti mogħtija minn kummissjoni ta’ disa’ konsulturi teologi f’April li għadda.  L-eżitu tal-vot kien wieħed pożittiv, u għalhekk il-pass li jmiss issa hu li l-Kongregazzjoni tressaq ir-riżultat tal-vot tagħha quddiem il-Papa Franġisku biex, fuq parir tal-istess Kongregazzjoni, jiffirma d-Digriet uffiċjali li bih jiddikjara lil Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli.  F’dak l-istadju, ikun jonqos biss l-approvazzjoni ta’ miraklu bl-interċessjoni tal-Venerabbli De Brincat biex hi tiġi ddikjarata Beata.

F’Velja ta’ Talb li nżammet ilbieraħ fil-Knisja tas-Sorijiet fi Triq Palma, il-Belt Victoria, fejn hemm il-Casa Madre li fiha għexet għal tant snin u mietet Madre Margerita, u fejn tinsab midfuna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech sejħilha “vulkan li jarmi enerġija umana u evanġelika”.  Hu żied jgħid li dan hu “jum storiku għall-Knisja f’Għawdex” għaliex għall-ewwel darba fl-istorja, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex tinsab daqshekk qrib il-glorja tal-altari.

Madre Margerita De Brincat (1862-1952), minn Ta’ Kerċem, Għawdex, hi l-Fundatriċi tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Fir-ritratt jidher Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ma’ Madre Vitaliana Zammit, Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, u ma’ Patri Gianni Califano, Postulatur tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni.

[2] madre-generali-sr-vitaliana-zammmit-l-isqof-grech-u-patri-ganni-califano-postulatur-sm.jpg


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/01/21/madre-margerita-de-brincat-se-tigi-ddikjarata-venerabbli/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/01/madre-margherita.jpg
[2] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/01/madre-generali-sr-vitaliana-zammmit-l-isqof-grech-
u-patri-ganni-califano-postulatur-sm.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.