Ilbieraħ, l-Erbgħa 22 ta’ Jannar, fil-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria, fis-6.00pm, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mexxa Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Radd il-Ħajr f’għeluq it-tmien anniversarju tal-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu.
Sintesi tal-omelija:
F’dinja mgħaġġla bħal tagħna fejn ħafna drabi ma għandna żmien għal ħadd, illum hija missjoni tal-Knisja li tgħin lill-bniedem jgħożż aktar id-dimensjoni reliġjuża taż-żmien. Il-jum tas-Sibt huwa sagru għal-Lhud għax ifakkarhom fis-Shabbat, il-jum li fih Alla lesta l-ħoqlien. Infatti s-sena sabbatika sservi biex il-Lhud jimpenjaw ruħhom biex jerġgħu jagħrfu l-primat ta’ Alla bħala s-Sid tal-ħajja u tal-istorja, jġibu l-ordni fil-ħajja u jiksbu ċertu ekwilibriju fil-ħajja.
Huwa fatt evidenti li llum għandna bżonn nerġgħu nqiegħdu lil Alla fiċ-ċentru tal-istorja tagħna, li jerġa’ jkollna aktar ordni morali fil-ħajja personali, familjari u soċjali, u fuq kollox li jerġa’ jkollna aktar armonija bejnietna u bejna u l-ambjent.
Bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu Ġesù Kristu jagħti tifsira aktar profonda tas-Sibt, għaliex għalkemm il-Ġimgħa huwa kien maqtul, bil-qawmien tiegħu mill-mewt mat-tbexbix tal-Ħadd Ġesù inawgura ħolqien ġdid fejn Hu jixxotta kull demgħa li tinżel fuq ħaddejn il-bniedem, partikularment il-bniedem dgħajjef.
Għalhekk ma hemmx lok għal dawk l-Insara li, għal xi raġuni jew oħra, ikollhom qalbhom tqila u jieħdu l-bixra li kellhom d-dixxipli nhar is-Sibt qabel il-Għid: dawn ħasbu li Alla kien miet, ġarrbu t-toqol tas-skiet ta’ Alla, tnikktu minħabba li ħasbu li Ġesù ħareġ tellief, billi l-Imgħallem ma kienx magħhom tferrxu u nħbew. Xi drabi din hija l-attitudni ta’ diversi Nsara llum li, minħabba ċerti żvillppi li qed iseħħu fis-soċjetà tagħna, huma ttentati jaħsbu li Alla għeb u siket u għalhekk jagħżlu li jirtiraw mill-kamp pubbliku.
Għalhekk hija l-missjoni tal-Isqof li bħala ragħaj tal-merħla għandu jistinka biex il-komunità Nisranija tkun komunità li tgħix l-ispirtu tal-jum tas-Sibt (il-Ħadd) fid-dawl tal-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. Għalina dan huwa l-jum li fih seħħ l-ikbar miraklu u għadhom iseħħu l-mirakli. Fuq kollox, il-komunità Nisranija, li għandha bħala l-qofol tagħha l-misteru tal-Għid ta’ Kristu, hija komunità li tqawwi t-tama f’min huwa dgħajjef u tagħti viżjoni u futur lil min ma għandux.