- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Messaġġ tal-Isqof Grech fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, patrun tal-ġurnalisti

Posted By admin On January 26, 2014 @ 9:49 pm In Messages | Comments Disabled

[1] quddiesa-ghall-operaturi-tal-midja-ghawdxin-25jan2014.jpg

Messaġġ lil dawk impenjati fil-Midja

KELLMUNA WKOLL DWAR ALLA

Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Mhux lakemm wieħed ikejjel il-ġid li l-mezzi tal-komunikazzjoni jagħmlu lis-soċjetà. Ħadd ma jista’ jiċħad li dawn il-mezzi saru kanali li permezz tagħhom illum għandna aċċess għal minjieri ta’ tagħrif li jagħni lill-bniedem. Meta huma wżati bil-galbu dawn il-mezzi jgħinu lill-bniedem isib it-tweġibiet għal għadd ta’ mistoqsijiet li jista’ jkollu, inklużi dawk eżistenzjali. Għalhekk, f’ċertu sens, jista’ jingħad li llum il-midja huma strument validu li jgħin lill-bniedem jissawwar f’diversi oqsma importanti għall-ħajja, bħalma hija l-edukazzjoni, il-kultura, ix-xjenza, l-ekonomija u l-politika, eċċ. Ma nistax nimmagina ġurnal jew bullettin tal-aħbarijiet li ma jitkellmux dwar dawn is-suġġetti. Jekk editur ifettillu ma jħallix spazju għal dak li qed jiġri fid-dinja tal-politika, huwa ovvju li ngħidu li dan l-editur ma jafx x’inhuma l-aspirazzjonijiet tal-qarrejja jew is-semmiegħa.

Għalkemm normalment il-mezzi tal-komunikazzjoni ta’ pajjiżna qed iwieġbu tajjeb għall-ħtiġijiet tas-soċjetà għax jagħlfu lill-udjenzi tagħhom, xi drabi forsi anke żżejjed, b’materjal li għandu x’jaqsam ma’ dawn is-suġġetti, inħoss li hemm settur li jista’ jkun indirizzat aħjar: qed nitkellem dwar id-dimensjoni spiritwali ta’ kull persuna.

Peress li kull bniedem, anke dak li jiddikjara li ma jemminx, ixerref kemm bil-miftuħ kif ukoll bil-mistur biex isib is-sens u t-tifsira aħħarija tal-ħajja, id-diskors dwar Alla għad fadallu postu anke fis-soċjetà sekularizzata tal-lum. Ix-xewqa għal dak li huwa assolut u traxxendenti tinsab fil-qalb ta’ kull ċittadin. Għalhekk ma jkunux joħorġu barra minn triqthom u lanqas ma jxellfu l-lajċità tagħhom, jekk l-għodod medjatiċi jirriservaw ftit spazju għal Alla u jindirizzaw dan il-bżonn spiritwali tal-klijenti tagħhom. Qabel ma għandha tifsira Kristjana, il-kelma “spiritwalità” għandha kontenut uman għax il-bniedem mhuwiex biss materja imma huwa wkoll spirtu u għandu bżonnijiet spiritwali, bħalma hija l-għożża tal-imħabba, ta’ dak li huwa sabiħ, ta’ dak li huwa veru u tajjeb. Propju għalhekk nistgħu ngħidu li kemm il-lajċisti kif ukoll l-ateisti, minħabba l-ħajja interjuri tagħhom, għandhom bżonn tal-ispiritwalità.

Ma nistax ma naqbilx ma’ min jgħid li l-mezzi tal-komunikazzjoni f’pajjiżna diġà għandhom spazju għall-aħbarijiet reliġjużi u speċifikament dawk dwar il-Knisja Kattolika. Imma meta qed ngħid li nixtieq nara aktar spazju għal Alla f’dawn il-mezzi, mhux qed ngħid li għandna nżidu aktar it-tagħrif dwar il-ġrajjiet kurrenti fil-Knisja, imma qed nirreferi għal dik ir-riflessjoni spiritwali li taf tnissel in-nostalġija ta’ Alla, li aħna l-Insara nemmnu li deher fostna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Aktar milli jgħaddu kontenut moralistiku jew etiku, nistenna li permezz tal-arti medjatika tingħata aktar possibbiltà li wieħed jixtarr dak il-patrimonju spiritwali li jserraħ il-qalb tqila tagħna u jgħin ħalli jinstab mod prattiku kif nibnu relazzjonijiet bis-sens bejnietna u ma’ Alla.

Meta l-bniedem jissodisfa dan il-bżonn interjuri mhux biss ikun aktar awtentikament spiritwali imma jkun ukoll awtentikament uman. Imbagħad ikun inqas diffiċli għalih li jagħmel ħiltu biex jgħix f’armonija ma’ sħabu u mal-ambjent ta’ madwaru. Fi kliem ieħor, il-bniedem li jirnexxilu jimla l-baħħ spiritwali tiegħu jkun f’qagħda li jagħti s-sehem tiegħu għat-tisħiħ tal-ġid komuni.

Filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha li għandhom sehem fil-kamp medjatiku għall-ġid li qed jagħmlu lis-soċjetà, nistedinhom jirriflettu ftit dwar din il-proposta li tmiss il-qalba ta’ kull ċittadin, kemm bħala individwu kif ukoll bħala kollettività.

25 ta’ Jannar 2014

+ Mario Grech

(Ritratt: Leo Mike Farrugia)


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/01/26/messagg-tal-isqof-grech-fl-okkazjoni-tal-festa-ta-san-frangisk-de-sales-patrun-tal-gurnalisti/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/01/quddiesa-ghall-operaturi-tal-midja-ghawdxin-25jan2
014.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.