Archive for December, 2013

Messaġġ tal-Isqof Grech lill-familji

MESSAĠĠ LILL-FAMILJI

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, nintebaħ kemm il-familji tagħna jixbhu lill-Familja ta’ Nazaret, li għaddiet minn waqtiet ta’ insigurtà u qtigħ il-qalb.

Il-familja nixtequha tkun miexja fuq ir-rubini, imma l-verità hija xorta oħra: pjuttost fil-familja ngħixu għadd ta’ tensjonijiet, kemm minħabba d-diffikultajiet minn ġewwa, bħal fil-każ ta’ relazzjonijiet bejn l-istess membri fi ħdan il-familja, u kemm minħabba l-isfidi li ġejjin minn barra, bħalma huma l-pressjonijiet li jsiru mill-qasam ekonomiku.  Jekk noħolmu familja mingħajr din it-tbatija, ma nkunux b’saqajna mal-art!

Minkejja dawn il-mumenti iebsin, ħafna familji jibqgħu wieqfa fuq riġlejhom, u ta’ dan jien inħossni ħafna rikonoxxenti.  Għandna familji li jafu jbatu għal xulxin.  Fl-istess waqt ma nistax ninsa lil dawk il-familji li ċedew taħt xi pressjoni jew oħra – għandi f’moħħi lil dawk il-familji fejn hemm in-nuqqas ta’ ftehim, fejn hemm diffikultajiet ekonomiċi, fejn hemm il-mard, u tant oħrajn.  Hemm ukoll dawk il-koppji miżżewġa li nfirdu u forsi wkoll daħlu fit-tieni relazzjoni.  Niftakar ukoll f’dawk li għażlu li jagħmlu esperjenza ta’ għamla ta’ familja differenti mill-mudell tal-Familja ta’ Nazaret.

F’dawn is-sitwazzjonijiet hemm persuni li huma maħbubin minn Alla.  Insib interessanti li l-Familja ta’ Nazaret ukoll kellha l-esperjenza tal-“lejl” mudlam…  Alla ma ndaħalx biex Marija, Ġużeppi u t-tarbija ma jġarrbux it-toqol tal-lejl, imma Alla kien magħhom matul il-lejl!  Hekk ukoll jagħmel Alla mal-familji tagħna li jinsabu fid-dlam tal-ħajja – Alla qiegħed hemm u bil-Vanġelu tal-familja jibqa’ jibgħatilna d-dawl.

Illum, 29 ta’ Diċembru 2013, festa tal-Familja Mqaddsa.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Bullettin tal-Ħadd - 29 ta’ Diċembru 2013

Niżżel il-Bullettin minn hawn:

bullettin-2013-dic29.jpg

Messaġġ tal-Milied tal-Isqof Mario Grech

MESSAĠĠ TAL-MILIED
Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

http://www.youtube.com/watch?v=6NaHuEDFqwc

Il-festa tal-Milied tfakkarna li Alla tant ħabbna li tana lil Ġesù, Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fiħ ikollu l-ħajja. Jekk għal Ġesù nistgħu ngħidu flimkien ma’ San Pawl li “dak li kien għani ftaqar, biex bil-faqar tiegħu nistgħanu aħna”, l-istess jappilka għall-Missier: hu ftaqar billi tana lil Ibnu, biex permezz tiegħu aħna nistgħu negħlbu l-miżerja tagħna.Fid-dawl ta’ din il-verità, fl-okkażjoni ta’ dawn il-festi nagħmel sejħa biex nieqfu naħsbu ftit fuq l-eżempju li qed jagħtina Alla u ma nkunux daqshekk xħaħ li nżommu l-ġid li għandna għalina imma nħaddmu u ninvestu l-ġid li għandna b’tali mod li ngħinu lill-foqra ta’ żminijietna.

F’dan il-kuntest, jien konvint li ħafna jaħsbu dwar l-għotjiet ta’ karità li nistgħu nagħmlu. F’dawn il-ġranet isiru ħafna appelli għall-karità. Il-karità hija għemil tajjeb u qaddis u għandna nagħtu kull support lil dawn l-iniżjattivi ta’ karità. Imma l-karità hija għamla waħda kif nistgħu ngħinu lill-oħrajn. Continue reading >>

Ċirkulari tal-Isqof dwar il-kwestjonarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet

36/2013

ITTRA ĊIRKULARI
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Kwestjonarju fuq il-Familja
bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi, Persuni Kkonsagrati u Lajċi Nsara.

F’Ottubru 2014 il-Q.T. il-Papa Franġisku se jsejjaħ Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet biex jiddiskuti l-isfidi pastorali li jolqtu l-familja. Bi tħejjija għas-Sinodu, il-Papa xtaq li l-Insara kollha jsemmu d-diffikultajiet tagħhom u jagħtu l-ideat tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-familja u kif il-Knisja tista’ tkun ta’ għajnuna. Għal dan il-għan tħejja kwestjonarju li qed jitqassam fid-djar kollha ta’ Malta. Jinsab ukoll fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Nixtieq inħeġġeġ lil kulħadd (Kunsilli Pastorali Parrokkjali, Għaqdiet u Movimenti Kattoliċi u individwi) biex twieġbu dan il-kwestjonarju. Jista’ jkun li tħossu li xi mistoqsijiet huma ftit tqal. Jekk ikollkom diffikultà, aqbżuha u għaddu għal mistoqsija oħra.

Il-kwestjonarju mimli jitqiegħed f’kaxxa li tħejjiet apposta fil-knisja. Min jista’ jimlieh minn fuq il-websajt ikun qed iħaffef ix-xogħol lill-Istitut ta’ Riċerka Discern fil-ħidma tiegħu biex jiġbor ir-rapport tat-tweġibiet. Dan ir-rapport se jintbagħat lis-Santa Sede bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir fuq l-istess suġġett f’Ottubru li ġej. It-tweġibiet iridu jaslu sal-aħħar ta’ Diċembru.

Nieħu l-okkażjoni biex nagħti lil kulħadd l-awguri għal Milied Qaddis u Sena Ġdida ta’ barka u risq.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, nhar l-Erbgħa 18 ta’ Diċembru 2013.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċillier

Niżżel kopja PDF minn hawn:  36-2013-kwestjonarju-sinodu-isqfijiet.pdf

Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċi - Jannar 2014

Niżżel id-dokument minn hawn:

newsheet-jannar-2014.pdf

Bullettin tal-Ħadd - 22 ta’ Diċembru 2013

Niżżel il-bullettin minn hawn:

bullettin-2013-dic22.jpg

Żewġ Akkoliti ġodda għad-Djoċesi ta’ Għawdex

Press Release 19 ta’ Diċembru 2013:

joseph-attard-u-mario-curmi-flimkien-mal-isqof-mario-grech.JPG

Nhar il-Ħadd li għadda, 15 ta’ Diċembru, it-tielet Ħadd ta’ l-Avvent, fil-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ta l-Ministeru tal-Akkolitat lil żewġ seminaristi tad-Djoċesi ta’ Għawdex: Joseph Attard mill-parroċċa taż-Żebbuġ u Mario Curmi mill-parroċċa tax-Xagħra.

Il-Ministeru tal-Akkolitat jingħata lil dawk il-lajċi, normalment f’mixja ta’ formazzjoni lejn is-saċerdozju, li l-Knisja tagħtihom il-fakultà li jgħinu fit-Tqarbin Imqaddes waqt il-Liturġija kif ukoll fid-djar tal-morda. Continue reading >>

Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet dwar il-Familja: Kwestjonarju

Sindou tal-Isqfijiet

KWESTJONARJU
“L-isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni”
(5-19 ta’ Ottubru 2014)

Fid-9 ta’ Ottubru li għadda l-Papa Franġisku ħabbar li f’Ottubru 2014 se tinżamm it-Tielet Assemblea Genrali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, fejn se jiġi diskuss is-suġġett “L-isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni”.

Bi tħejjija għal dan is-Sinodu, is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet ħejjiet KWESTJONARJU biex jimtela minn kull min jixtieq. Min jixtieq jimla l-kwestjonarju bil-Malti online, iżur dan is-sit: http://maltadiocese.org/posts/detail/sinodu2014

Tista’ tniżżel kopja tal-kwestjonarju minn hawn:

134i-kwestjonarju-sinodu-tal-isqfijiet-mlt.pdf

134ii-kwestjonarju.pdf

III EXTRAORDINARY GENERAL ASSEMBLY

PASTORAL CHALLENGES TO THE FAMILY
IN THE CONTEXT OF EVANGELIZATION
Preparatory Document, Vatican City, 2013

http://www.vatican.va/roman_curia/synod/documents/rc_synod_doc_20131105_iii-assemblea-sinodo-vescovi_en.html