EBDA PERSUNA MA HIJA ĠEBLA SKARTATA
Diskors tal-Isqof Mario Grech li sar it-Tnejn 9 ta’ Diċembru 2013 waqt Konferenza organizzata mill-Federazzjoni Għawdxija għall-Persuni b’Diżabbiltà fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabbiltà.
“Biex nifhmu liema direzzjoni nixtiequ nagħtu lis-soċjetà f’dak li għandu x’jaqsam mal-persuni b’diżabbiltà, hu importanti li nżommu quddiem għajnejna minn fejn tlaqna – għax mhux dak kollu li nkiseb fis-snin li għaddew huwa garantit li jibqa’.
Per eżempju, fi Sparta, tfajjel li kien ikollu xi nuqqas kien jinqatel; imbagħad f’kulturi oħra – anke dawk aktar reċenti – persuna b’diżabbiltà kienet tiġi skartata u moħbija. Irridu nammettu li llum mhux biss għad għandna ħjiel ta’ din il-kultura li termaġina lill-persuni b’diżabbiltà – kultura li tkaxkar saqajha biex tagħraf id-drittijiet fundamentali ta’ dawn iċ-ċittadini bi bżonnijiet speċjali; imma saħansitra qed jerġa’ jerfa’ rasu l-ispettru tal-qerda tal-ħajja li, skont ċerti kalkoli, titqies li mhix perfetta! Biżżejjed insemmu l-proposta ta’ liġi approvata dan l-aħħar mis-Senat tal-Belġju li tirrikonoxxi d-dritt tal-ewtanasja lill-minuri li jkunu f’qagħda ta’ tbatija fiżika, inkurabbli u f’fażi terminali. F’dawn il-każijiet, il-kunsens tal-minuri jrid ikun akkumpanjat b’ċerifikat tal-psikologu li jiċċertifika li l-minuri għandnu “kapaċità ta’ ġudizzju”. Naqbel ma’ min sejjaħ din il-liġi bħala “qabża lura fil-livell taċ-ċiviltà.” Continue reading >>