Messaġġ tal-Isqof Grech lill-familji

MESSAĠĠ LILL-FAMILJI

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, nintebaħ kemm il-familji tagħna jixbhu lill-Familja ta’ Nazaret, li għaddiet minn waqtiet ta’ insigurtà u qtigħ il-qalb.

Il-familja nixtequha tkun miexja fuq ir-rubini, imma l-verità hija xorta oħra: pjuttost fil-familja ngħixu għadd ta’ tensjonijiet, kemm minħabba d-diffikultajiet minn ġewwa, bħal fil-każ ta’ relazzjonijiet bejn l-istess membri fi ħdan il-familja, u kemm minħabba l-isfidi li ġejjin minn barra, bħalma huma l-pressjonijiet li jsiru mill-qasam ekonomiku.  Jekk noħolmu familja mingħajr din it-tbatija, ma nkunux b’saqajna mal-art!

Minkejja dawn il-mumenti iebsin, ħafna familji jibqgħu wieqfa fuq riġlejhom, u ta’ dan jien inħossni ħafna rikonoxxenti.  Għandna familji li jafu jbatu għal xulxin.  Fl-istess waqt ma nistax ninsa lil dawk il-familji li ċedew taħt xi pressjoni jew oħra – għandi f’moħħi lil dawk il-familji fejn hemm in-nuqqas ta’ ftehim, fejn hemm diffikultajiet ekonomiċi, fejn hemm il-mard, u tant oħrajn.  Hemm ukoll dawk il-koppji miżżewġa li nfirdu u forsi wkoll daħlu fit-tieni relazzjoni.  Niftakar ukoll f’dawk li għażlu li jagħmlu esperjenza ta’ għamla ta’ familja differenti mill-mudell tal-Familja ta’ Nazaret.

F’dawn is-sitwazzjonijiet hemm persuni li huma maħbubin minn Alla.  Insib interessanti li l-Familja ta’ Nazaret ukoll kellha l-esperjenza tal-“lejl” mudlam…  Alla ma ndaħalx biex Marija, Ġużeppi u t-tarbija ma jġarrbux it-toqol tal-lejl, imma Alla kien magħhom matul il-lejl!  Hekk ukoll jagħmel Alla mal-familji tagħna li jinsabu fid-dlam tal-ħajja – Alla qiegħed hemm u bil-Vanġelu tal-familja jibqa’ jibgħatilna d-dawl.

Illum, 29 ta’ Diċembru 2013, festa tal-Familja Mqaddsa.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex