Ċirkulari tal-Isqof dwar il-kwestjonarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet

36/2013

ITTRA ĊIRKULARI
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Kwestjonarju fuq il-Familja
bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi, Persuni Kkonsagrati u Lajċi Nsara.

F’Ottubru 2014 il-Q.T. il-Papa Franġisku se jsejjaħ Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet biex jiddiskuti l-isfidi pastorali li jolqtu l-familja. Bi tħejjija għas-Sinodu, il-Papa xtaq li l-Insara kollha jsemmu d-diffikultajiet tagħhom u jagħtu l-ideat tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-familja u kif il-Knisja tista’ tkun ta’ għajnuna. Għal dan il-għan tħejja kwestjonarju li qed jitqassam fid-djar kollha ta’ Malta. Jinsab ukoll fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Nixtieq inħeġġeġ lil kulħadd (Kunsilli Pastorali Parrokkjali, Għaqdiet u Movimenti Kattoliċi u individwi) biex twieġbu dan il-kwestjonarju. Jista’ jkun li tħossu li xi mistoqsijiet huma ftit tqal. Jekk ikollkom diffikultà, aqbżuha u għaddu għal mistoqsija oħra.

Il-kwestjonarju mimli jitqiegħed f’kaxxa li tħejjiet apposta fil-knisja. Min jista’ jimlieh minn fuq il-websajt ikun qed iħaffef ix-xogħol lill-Istitut ta’ Riċerka Discern fil-ħidma tiegħu biex jiġbor ir-rapport tat-tweġibiet. Dan ir-rapport se jintbagħat lis-Santa Sede bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir fuq l-istess suġġett f’Ottubru li ġej. It-tweġibiet iridu jaslu sal-aħħar ta’ Diċembru.

Nieħu l-okkażjoni biex nagħti lil kulħadd l-awguri għal Milied Qaddis u Sena Ġdida ta’ barka u risq.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, nhar l-Erbgħa 18 ta’ Diċembru 2013.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċillier

Niżżel kopja PDF minn hawn:  36-2013-kwestjonarju-sinodu-isqfijiet.pdf