Messaġġ tal-Milied tal-Isqof Mario Grech

MESSAĠĠ TAL-MILIED
Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

http://www.youtube.com/watch?v=6NaHuEDFqwc

Il-festa tal-Milied tfakkarna li Alla tant ħabbna li tana lil Ġesù, Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fiħ ikollu l-ħajja. Jekk għal Ġesù nistgħu ngħidu flimkien ma’ San Pawl li “dak li kien għani ftaqar, biex bil-faqar tiegħu nistgħanu aħna”, l-istess jappilka għall-Missier: hu ftaqar billi tana lil Ibnu, biex permezz tiegħu aħna nistgħu negħlbu l-miżerja tagħna.Fid-dawl ta’ din il-verità, fl-okkażjoni ta’ dawn il-festi nagħmel sejħa biex nieqfu naħsbu ftit fuq l-eżempju li qed jagħtina Alla u ma nkunux daqshekk xħaħ li nżommu l-ġid li għandna għalina imma nħaddmu u ninvestu l-ġid li għandna b’tali mod li ngħinu lill-foqra ta’ żminijietna.

F’dan il-kuntest, jien konvint li ħafna jaħsbu dwar l-għotjiet ta’ karità li nistgħu nagħmlu. F’dawn il-ġranet isiru ħafna appelli għall-karità. Il-karità hija għemil tajjeb u qaddis u għandna nagħtu kull support lil dawn l-iniżjattivi ta’ karità. Imma l-karità hija għamla waħda kif nistgħu ngħinu lill-oħrajn.

F’dan il-Milied nixtieq nagħmel proposta lil dawk li l-Bambin ipprovdilhom u maż-żmien irnexxielhom jgezzu ftit tal-ġid sewwa, bħala huma l-imprendituri, il-kumpaniji, il-banek, eċċ., biex jinvestu l-ġid tagħhom b’mod li jonqos il-faqar ta’ pajjiżna. Jekk noqogħdu nistennew kollox min-naħa tal-Gvern hija xewqa illużorja u irresponsabbli! Xieraq li l-imprendituri ma jimxux biss bil-kejl tal-qliegħ, imma jħaddmu wkoll il-prinċipji tas-solidarjetà u tal-gratuwità. Kif Alla għamel magħna, hekk nagħmlu aħna mal-oħrajn.

F’era bħal tagħna, fejn hawn kriżi ekonomika internazzjonali li ħafna drabi ġġiegħel lil kulħadd, imma b’mod speċjali li dawk li jerfgħu xi responsabbiltà, iħokk rasu quddiem l-isfida tal-impjiegi, l-appell tiegħi huwa biex dawk li għandhom il-mezzi jaraw x’jistgħu jikkontribwixxu biex jipprovdu xogħol dinjituż, partikularment lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna. Hawnhekk inħossni fid-dmir li nsemmi lill-persuni b’diżabbiltà li huma wkoll għandhom dritt li jkollhom l-ispazji tagħhom fid-dinja tax-xogħol.

F’dan il-kuntest ma nistax ma nsemmix xi ħaġa li tinkwetani ħafna: qed nirreferi għall-prassi ta’ imġiba korrotta. Fejn hemm riħa ta’ korruzzjoni, speċjalment biex wieħed iħaxxen butu, din tagħmel ħafna deni li jmermer it-tessuti soċjali. F’termini reliġjużi, il-korruzzjoni hija dnub kontra l-bniedem u kontra Alla. Għalhekk kull attività mgħarrqa bil-korruzzjoni għandha tiġi denunzjata u rimedjata, mhux biss għax kull akkwist miksub b’dan il-mezz immorali huwa inġust, imma wkoll għax hekk tkompli tikber id-distanza bejn min għandu u min ma għandux.

Ġesù, l-Iben ta’ Alla, tneżża’ minn kollox biex lilna l-bnedmin libbisna bid-dinjità ta’ wlied Alla. Għalhekk nawgura li x-xewqat ta’ Milied tajjeb insarrfuhom f’din l-attenzjoni ġeneruża li naqsmu l-ġid ma’ min ma għandux ħalli hekk min hu fqir isir għani bil-faqar tagħna.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex