Archive for the '2012' Category

Dħul fil-Form 1 fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex

AVVIŻ
MIS-SEMINARJU MINURI U MILL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-KONSERVATORJU TAL-ISQOF TAD-DJOĊESI  T’GĦAWDEX

Il-ġenituri/kustodji tal-Istudenti ta’ Year 6 illi:-
a. jattendu fl-iskejjel Primarji tal-Knisja f’Għawdex; jew
b. jattendu fl-iskejjel Primarji tal-Gvern f’Għawdex imma li huma:-
i. subien li ħuthom jattendu fis-Seminarju jew bniet li ħuthom jattendu fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof;
ii. subien li xi ġenitur tagħhom jaħdem/taħdem fis-Seminarju Minuri jew bniet li xi ġenitur tagħhom jaħdem/taħdem fil-Konservatorju tal-Isqof
mitluba jirreġistraw lil uliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof nhar l-Erbgħa u l-Ħamis, 1 u 2 ta’ Frar mid-9:00 a.m. sal-11.30 a.m.

L-applikazzjonijiet għat-tfal subien jimtlew fis-Seminarju Minuri waqt li għat-tfal bniet jimtlew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof (dħul mill-parkeġġ tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex). Min japplika mitlub jieħu miegħu: Ċertifikat oriġinali tat-Twelid tat-tifel/tifla kif ukoll żewġ ritratti riċenti tal-passaport tiegħu/tagħha.  Tkun mitluba wkoll il-Karta tal-Identita’ tal-Ġenituri.  It-tfal iridu jkunu mwielda bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2001.  Isir ħlas ta’ €10 mal-applikazzjoni.

Aktar ‘il quddiem toħroġ applikazzjoni oħra għal dawk li jattendu fil-Year 6 fl-Iskejjel Primarji tal-Gvern f’Għawdex sabiex jimtlew il-postijiet vaganti li jkun għad fadal fis-Seminarju Minuri t’Għawdex jew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof.

Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati

Messaġġ tal-Papa Benedittu XVI għall-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati (15 ta’ Jannar 2012)

Il-Migrazzjoni u l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida

Għeżież Ħuti,

Ix-xandir ta’ Ġesù Kristu, il-Feddej uniku tad-dinja “jikkostitwixxi l-missjoni essenzjali tal-Knisja.  Hija ħidma u missjoni li t-tibdiliet vasti u profondi tas-soċjetà tal-lum jagħmluha dejjem aktar urġenti” (Evangelii Nuntiandi, 14).  Fil-fatt, illum aħna nħossu l-ħtieġa urġenti li nagħtu imbuttatura  ġdida lill-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u nħaddmu metodi ġodda f’dinja fejn it-tneħħija tal-fruntieri u l-proċessi l-ġodda tal-globalizzazzjoni qed iressqu l-individwi u l-poplu dejjem eqreb ta’ xulxin.   Dan hu hekk kemm b’riżultat tal-iżvilupp tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali u wkoll b’effett tal-frekwenza u l-faċilità li bihom in-nies individwali u fi gruppi llum jistgħu jimxu minn banda għal oħra.

F’din il-qagħda ġdida hemm bżonn li f’kull wieħed u waħda minna nqajmu mill-ġdid l-entusjażmu u l-kuraġġ li immotivaw l-ewwel komunitajiet Insara biex ikunu ħabbara bla biża’ tal-ħwejjeġ ġodda li hemm fil-Vanġelu, b’mod li fi qlubna nnisslu eku ta’ dak li qal San Pawl: “Jekk jiena nxandar l-Evanġelu ma għandix biex niftaħar; jiena obbligat nagħmlu dan.  Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelu!” (1 Kor 9:16). Continue reading >>

Quddiesa għall-Gurnalisti Għawdxin

Nhar it-Tlieta, 24 ta’ Jannar 2012 taħbat il-festa ta’ San Franġisk de Sales, Isqof ta’ Ginevra u Patrun tal-Gurnalisti u Kittieba.  Għal din l-okkażjoni. Mons Isqof Mario Grech se jqaddes u jipprietka għall-Gurnalisti u kittieba Għawdxin fil-5pm fil-knisja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Gesu’ fi triq Palma Victoria.  Il-kittieba, xandara u ġurnalisti Għawdxin huma mħeġġa li jżommu u jonoraw dan l-appuntament anwwali mal-Isqof t’Għawdex li wara l-quddiesa jieqaf għal ftit jitkellem ma’ dawk preżenti f’waħda mis-swali tal-kunvent ta’ dawn is-sorijiet li ta’ kull sena jilqgħu din l-okkażjoni organizzata mill-Għaqda Ġurnalisti Għawdxin imwaqqfa lura fis-sena 1960 mill-Kav Koli Apap u l-Isqof Mons Nikol Cauchi.

Kav Joe M Attard
Segretarju
Għaqda Ġurnalisti Għawdxin

Preżentazzjoni tat-Trabi lill-Madonna Ta’ Pinu

AZZJONI KATTOLIKA
Dar Ċentrali - Triq Sir Arturo Mercieca
Victoria
Media Release

Preżentazzjoni tat-Trabi lill-Madonna Ta’ Pinu

Ċerimonja organizzata kull sena mill-Azzjoni Kattolika f’Għawdex fis-Santwarju Ta’ Pinu sejra ssir nhar is-Sibt 28 ta’ Jannar, bħas-soltu qrib il-festa tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju (il-Gandlora).
Il-ġenituri huma mistiedna għal Liturġija tal-Kelma mmexxija mill-Isqof Mario Grech fl-4.30pm, li matulha se jiġu preżentati lill-Madonna uliedhom mgħammda. Imħeġġin iġibu xemgħa ħamra biex jipparteċipaw b’mod sħiħ f’din l-opportunità li jisimgħu l-messaġġ ta’ Mons Isqof għalihom.
Nitolbukom tikkuntattjaw lill-organizzaturi sal-Ħadd 22 biex jiġu preparati ċ-Ċertifikati li jitqassmu: Pauline Bezzina (21551967), Netta Camilleri (21551022) jew Ġuża Grech (27553822).
Continue reading >>

DIGRIET ĦATRA TA’ MONSINJUR ONORARJU TAL-KAPITLU KATIDRALI

DIGRIET
ĦATRA TA’ MONSINJUR ONORARJU

TAL-KAPITLU KATIDRALI

Lill-għażiż ħija fis-saċerdozju Mons. Anton Sultana,

Bħalma djamant jilma bid-diversi lwien sbieħ tiegħu, hekk ikanġi l-ministeru presbiterali tiegħek li inti b’dedikazzjoni u mħabba eżeriċtajt matul dawn l-aħħar wieħed u erbgħin sena minn meta kont ordnat saċerdot fl-1970 mill-predeċessur maħbub tiegħi l-E.T. Mons. Nikol G. Cauchi. Id-diversi inizjattivi pastorali li ħadt matul dan il-perijodu jixhdu d-dinamiżmu spiritwali u apostoliku li bih inti mgħoni u wieħed jawgura li jara f’kull presbiteru. Infatti l-ħidma tiegħek tvarja minn ħidma organizzattiva għal waħda aktar intimista.

Continue reading >>

DIGRIET ĦATRA TA’ MONSINJUR ONORARJU TAL-KAPITLU KATIDRALI

DIGRIET
ĦATRA TA’ MONSINJUR ONORARJU
TAL-KAPITLU KATIDRALI
 

Lill-għażiż ħija fis-saċerdozju Mons. Guzepp Gauci,

Sewwa u xieraq li nuru l-apprezzament tagħna għad-don tas-saċerdozju li l-Mulej ta lill-Knisja fil-persuna ta’ Mons. Guzepp Gauci, saċerdot mill-parroċċa ta’ San Ġorġ. Għax biżżejjed ħarsa ħafifa lejn dawn is-sitta u erbgħin sena li inti ilek presbiteru, tikkonferma kemm int mhux biss ħabrikt fl-apostolat varju li kellek imma dejjem urejt predilezzjoni għas-saċerdozju.

Infatti kont għadek m’initx saċerdot meta bdejt tgħallem fis-seminarju minuri tagħna li barra li huwa skola sekondarja ta’ livel huwa ukoll mixtla tal-vokazzjonijiet. Imbagħad bħala prefett tal-istudju fis-Seminarju Maġġuri u Minuri għal seba snin segwejt il-formazzjoni akkademika ta’ dawk li kienu jitħejjew għas-saċerdozju. Għaddejt ċerti snin bħala prefett tad-dixxiplina tas-Seminarju Minuri. Issa dan l-aħħar aċċettajt li tgħinni fil-ġbir ta’ xhieda fil-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ wieħed mis-saċerdoti tagħna, Dun Mikiel Attard.
Continue reading >>

DIGRIET ĦATRA TA’ KANONKU ONORARJU TAL-KAPITLU TAL-KOLLEĠĠJATA TA’ MARIJA BAMBINA

DIGRIET
ĦATRA TA’ KANONKU ONORARJU
TAL-KAPITLU TAL-KOLLEĠĠJATA TA’ MARIJA BAMBINA
Lill-għażiż ħija fis-saċerdozju Rev.du Kan. Emanuel Bonello,

Iż-żjara pastorali li għamilt fl-Awstralja f’Ottubru li għadda fetħitli tieqa fuq roqgħa mhix zgħira ta’ ħutna l-emigranti Għawdxin f’dan in-nazzjon. Bid-diversi kuntatti li kelli magħhom indunajt li f’dan il-kontinent daqshekk imbiegħed hemm parti mdaqqsa mill-Knisja Għawdxija. Għalkemm dawn l-emigranti ilhom snin li telqu minn gżiritna, ħafna minnhom għax kienu mbuttati li jagħmlu hekk minħabba ċ-ċirkustanzi, huma xorta għadhom jħossuhom parti minn din il-Knisja partikulari. Anzi, kienet din l-istess Knisja f’Għawdex li għenithom irawmu fihom is-sens reliġjuz u jissawru bi prinċipji u valuri Kristjani. Illum wara li ltqajt magħhom, inħoss li huwa dmir ta’ din il-Knisja li ma tinsiehomx u safejn huwa possibli tibqa ssostnihom spiritwalment.
F’dan il-kuntest insellem lilek, għaziz Kanonku Onorarju Dun Manwel Bonello li weġibt lil Alla li għamillek sejħa doppja: sejjaħlek għas-saċerdozju u reġa sejjaħlek biex twettaq il-ministeru saċerdotali tiegħek fl-Awstralja. Infatti ftit xhur biss wara li inti kont ikkonsagrat saċerdot fil-25 ta’ Ġunju 1983, inti tlaqt lejn Melbourne fejn kont milqugħ mill-Arċisqof Frank Little.  Il-mod kif wara dawn is-snin kollha inti għadek titkellem b’daqshekk rispett u mħabba lejn dan l-Arċisqof jixhed x’tip ta’ rapport kien hemm bejnu u bejnek.
F’dawn it-28 sena fl-Arċidjocesi ta’ Melbourne inti kont vigarju parrokkjali f’sitt parroċċi. Imbagħad fit-tieni nofs ta’ dawn is-snin, inti kont kappillan f’żewġ parroċċi fejn tajt attenzjoni partikulari lill-emigranti li jitkellmu l-lingwa Taljana  u dawk ta’ nisel Malti. Attwalment inti s-saċerdot Għawdxi li ilek l-aktar snin twettaq din il-ħidma fil-Knisja fl-Awstralja. Fil-jiem li jien kont miegħek stajt ninnota x’prezz qed tħallas, xi drabi anke b’riskju għal saħħtek, biex inti tkun is-saċerdot ta’ kulħadd.
Meta qist dan kollu, b’sens ta’ apprezzament għalik personali kif ukoll b’sens ta’ rispett lejn il-komunità Għawdxija fl-Awstralja, ħassejt li għandi nagħtik din l-onorifiċenza billi naħtrek Kanonku Onorarju tal-Kolleġġjata tax-Xagħra, il-parroċċa  oriġinali tiegħek. Għalhekk wara li bl-ittra bid-data ta’ llum ir-Reverendu Kapitlu kkomunikali l-parir favorevoli għal din in-nomina tiegħek, bil-preżenti naħtrek Kanonku Onorarju bid-drittijiet u d-dmirijiet skont l-istatuti tal-imsemmi Kapitlu.

Maħruġ mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum 30 ta’ Diċembru 2011.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċellier