- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-ORIZZONT TIRTIRA ALLEGAZZJONIJIET LIBELLUŻI

Posted By admin On June 28, 2012 @ 9:58 am In 2012 | Comments Disabled

L-ORIZZONT TIRTIRA ALLEGAZZJONIJIET LIBELLUŻI LI HIJA KIENET XANDRET FIL-KONFRONT TAL-E.T. MONS. ISQOF MARIO GRECH

Permezz ta’ stqarrija ppubblikata fl-orizzont fis-27 ta’ Ġunju, l-orizzont irtirat l-allegazzjonijiet libellużi kontra l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech li hija kienet xandret fl-1 ta’ Awwissu 2011, bil-firma ta’ John Pisani, taħt ir-ras “Il-Kurja ta’ Għawdex f’ġirja għal qabel l-elezzjoni: Trid li ħu Giovanna Debono isir Beatu”. Din il-kitba kienet dwar it-tmexxija ’l quddiem tal-Postulazzjoni tal-kawza tal-beatifikazzjoni tas-saċerdot imsemmi, u ssemma wkoll annullament ta’ żwieġ quddiem it-Tribunal tal-Kurja ta’ Għawdex.

Mons. Isqof Mario Grech kien ippreżenta kawża ta’ libell kontra l-Editur ta’ l-orizzont u l-awtur u fl-Atti ta’ dik il-kawża ġie rreġistrat verbal li fih l-intimati rrikonoxxew li l-allegazzjonijiet tagħhom kienu infondati u malafamanti u aċċettaw li jippubbilkaw din l-stqarrija biex hekk il-kawża ser tiġi tranżatta.

Fl-istqarrija ta’ issa, l-Editur u l-awtur tal-pubblikazzjoni ddikjaraw li lil Mons. Mario Grech iqisuh bhala Isqof li f’dak li jagħmel hu animat minn spirtu pastorali biss u minn ebda konsiderazzjonijiet oħrajn u li għalhekk il-fatti dwar aġir improprju attribwiti lilu fl-imsemmi artiklu mhumiex minnhom.

L-Editur u l-awtur b’mod partikolari ddikjaraw illi:

(1) il-beatifikazzioni u l-kanonizzazzjoni ta’ persuna, inkluża dik ta’ Dun Mikiel Attard, hi kompetenza tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin tas-Santa Sede u ma tiddependix mid-diskrezzjoni tal-Mexxej ta’ Djoċesi u għalhekk il-Kurja ta’ Għawdex u l-Mexxej ta’ tali Kurja Djoċesana m’għandhom ebda kontroll fuq tali kawża u lanqas ma kien il-każ li l-Isqof Mario Grech għamel xi pressjoni biex jitħaffef il-proċess tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Dun Mikiel Attard.

(2) L-Isqof Grech ma kellu ebda parti fil-proċeduri għall-otteniment ta’ dispensa – li minnha nnifisha hi proċedura li tieħu żmien ferm iqsar minn proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ żwieġ – tal-persuna li saret referenza għaliha fl-artiklu msemmi; anzi l-każ imsemmi lanqas sar fit-Tribunal Ekkleżjastiku tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

L-istess Editur u awtur iddikjaraw li assolutament ma jirriżultalhomx li l-Isqof Grech qatt indaħal fl-operat tat-Tribunal Ekkleżjastiku u jiddispjaċihom li l-imsemmija kitba ħolqot dubju dwar l-integrità u l-imparzjalità tal-Isqof Grech bħala Moderatur tat-Tribunal Ekkleżjastiku. Huma talbu skuża għal kull inkonvenjent li l-kitba kkaġunat lill-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof Mario Grech.

[1] http://www.orizzont.com.mt/oldarticles/article92211.html


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/06/28/l-orizzont-tirtira-allegazzjonijiet-libelluzi/

URLs in this post:
[1] http://www.orizzont.com.mt/oldarticles/article92211.html: http://www.orizzont.com.mt/oldarticles/article92211.html

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.