Stqarrija lill-midja (17 ta’ Ġunju 2012)
Mons Isqof Mario Grech ilbieraħ, is-Sibt 16 ta’ Ġunju għamel żjara lid-Dar tal-Providenza s-Siġġiewi. Hu ltaqa’ mar-residenti tad-Dar kif ukoll mal-care workers li jaħdmu f’din id-dar. Tkellem ukoll ma’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar kif ukoll ma’ kollaboraturi tiegħu. Wara kien mistieden għall-ikel ma’ uffiċċjali tad-direzzjoni u rappreżentanti tar-residenti. Fit-tmiem iż-żjara tiegħu Mons Isqof ippreżenta ċekk ta’ €20,000 li nġabru mid-Djoċesi ta Għawdex fil-kampanja li saret fuq ir-Radju RTK fl-ewwel tas-sena.
F’kelmtejn li għamel Mons. Isqof liż-żgħażagħ li bħalissa qegħdin f’taħriġ għall-maratona li ser tiġi organizzata b’risq l-istess Dar, huwa ħeġġiġhom biex f’soċjetà li iktar ma jmur iktar qed issir individwalista, huwa ta’ min ifaħħar u jinkuraġġixxi dan il-ġest sabiħ ta’ volontarjat b’risq għan tassew nobbli. Huwa semma wkoll kemm hija għażiża din id-Dar għas-soċjetà Maltija u ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex jibqgħu jsostnuha fil-missjoni qaddisa tagħha.
Matul iż-żjara tiegħu Mons. Isqof kien akkumpanjat mill-Kan. Dun Mikiel Borg, Direttur tal-Uffiċċju tal-Promozzjoni Umana tad-Djoċesi ta’ Għawdex u mill-Kan. Dun Eddie Zammit, Assistent Personali tal-Isqof.