Ittra Pastorali tal-Isqfijiet Maltin

 Ittra Pastorali 90/12 - PDF

Pastoral Letter 90/12 - PDF

Uffiċċju Komunikazzjoni
Arċidjoċesi ta’ Malta

26 ta’ Lulju 2012
90/2012

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA DWAR L-ITTRA PASTORALI
“NIĊĊELEBRAW IL-ĦAJJA UMANA”

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex illum ħarġu Ittra Pastorali bl-isem “Niċċelebraw il-Ħajja Umana”. Din l-Ittra hija indirizzata prinċipalment lill-komunità Kattolika f’dawn il-Gżejjer, imma wkoll lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba, u hija intenzjonata wkoll biex tgħin diversi kategoriji ta’ persuni biex jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom tajjeb fuq “suġġett daqshekk qaddis u fundamentali bħalma huwa l-ħajja umana”. F’dan il-kuntest, l-Isqfijiet jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-prokreazzjoni assistita (IVF).

L-Isqfijiet jifhmu x-xewqa tal-koppji miżżewġin li jkollhom l-ulied u jifhmu wkoll it-tbatija li jgħaddu minnha koppji li jiffaċċjaw d-diffikulta tal-infertilità.  Huma jappellaw lin-nies tax-xjenza “biex ikomplu jistudjaw u jfittxu soluzzjonijiet li huma etikament u moralment tajba ħalli dawn il-miżżewġin ikunu jistgħu jissodisfaw ix-xewqa leġittima tagħhom li jsiru ġenituri.”

Ifakkruna li Alla waħdu hu s-Sid tal-ħajja u li l-ħajja umana mhix xi “prodott” li jista’ jiġi maħdum, imfassal, użat jew skartat. Jekk jitwarrab dan ir-rispett fundamentali, ix-xjenza ssir l-għadu tal-bniedem. Għalhekk il-Knisja ttenni bil-qawwa l-iva għall-ħajja, u dan l-aktar meta l-ħajja hija dgħajfa, bħal fil-każ ta’ meta l-bniedem ikun fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tiegħu.

Skont it-tagħlim tal-Knisja, il-metodi mediċi li jistgħu jintużaw għall-kura tal-infertilità għandhom ikunu mibnija fuq dawn it-tliet valuri fundamentali: il-valur tal-ħajja u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem; il-valur tal-unita fiż-żwieġ u l-valur tas-sesswalità umana fiż-żwieġ, fis-sens li hemm għaqda inseparabbli bejn iż-żewġ għanijiet tal-att konjugali, jiġifieri l-għan unittiv u dak prokreattiv. Għaldaqstant, kull metodu tekniku li jieħu post l-att konjugali personali ma jkunx jirrispetta d-dinjità tal-persuna u għalhekk ma jistax jiġi aċċettat. Mill-banda l-oħra, jistgħu jkunu aċċettati dawk il-metodi tekniċi li jgħinu l-att konjugali personali biex dan jilħaq l-iskop li titnissel ħajja umana.

Il-metodu IVF jitlob li jinħolqu numru ta’ embrijuni. Ukoll jekk uħud minn dawn ma jinqatlux deliberatament, imma jmutu mewta “naturali” ftit wara li jitnisslu, jibqa’ l-fatt li diversi embrijuni qegħdin jiġu ssagrifikati u strumentalizzati biex titwieled tarbija. Dan imur kontra d-dinjità tal-bniedem.

Xi drabi ix-xjenza tagħżel li tiffriża lil dak il-bniedem fi stat embrijunali li jibqa’ żejjed u ma jiġix imqiegħed fil-ġuf t’ommu. L-iffriżar tal-embrijuni huwa offiża kontra r-rispett mistħoqq lill-persuni umani u jitqegħdu f’perikli serji ta’ mewt jew ħsara lill-integrità fiżika tagħhom. Ukoll l-adozzjoni ta’ dawn l-embrijuni fiha kumplikazzjonijiet mediċi, psikoloġiċi u legali serji.

Il-proċess IVF jinvolvi l-qerda ppjanata u diretta tal-ħajja umana innoċenti. It-tagħlim tal-Knisja jiġġudika din il-qerda ppjanata u diretta ta’ embrijuni bħala abortiva. Għalhekk dawn il-prattici ma jistgħux ikunu ġustifikati bl-ebda mod u taħt l-ebda ċirkostanza.

Huwa fatt magħruf li f’pajjiżna l-IVF hija prattika mifruxa mhux ħażin. Kif huwa wkoll magħruf li l-qagħda fejn m’hemm l-ebda liġi ċivili li tirregola din il-prattika, id-diżordni taf tkun kbira. Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, l-Isqfijiet jgħidu li l-liġi ċivili dwar il-prokreazzjoni assistita għandha timmira li tħares it-tliet valuri msemmija. Liġi li ma tħarisx dawn il-valuri hija liġi moralment ħażina. Il-gravità etika ta’ liġi bħal din tista’ tkun ta’ gradi differenti. Għalhekk il-bnedmin ta’ rieda tajba, li għandhom il-mandat li jilleġiżlaw, għandhom id-dmir fil-kuxjenza li jippruvaw jilħqu l-aqwa ġid possibbli jew, kemm jista’ jkun, inaqqsu l-ħsara.

Il-Knisja, għax hi profondament solidali ma’ koppji li jgħaddu minn sitwazzjoni ta’ infertilità, tixtieq u trid li x-xjenza tkompli tiżviluppa u toffri dawk il-metodi tekniċi li, bla ma jissostitwixxu l-att konjugali, effettivament jgħinu l-fertilità potenzjali tal-koppja.

L-Isqfijiet isellmu wkoll lil dawk il-koppji miżżewġin li għelbu d-diffikulta tal-infertilità billi adottaw jew aċċettaw li jkunu foster parents. L-Isqfijiet iħarsu lejn it-tfal li twieldu bil-metodu IVF xorta waħda bħala għeżież u bħala don ta’ Alla.