Archive for the 'Homilies' Category

Imxennqa għal Alla: L-Awgurju tal-Ewwel tas-Sena mill-Isqof Mario Grech

Omelija b’messaġġ lill-Knisja fil-bidu tas-Sena l-ġdida 2018
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
It-Tnejn 1 ta’ Jannar 2018, Solennità ta’ Marija Omm Alla
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IMXENNQA GĦAL ALLA

celebrazzjoni-tal-ewwel-tas-sena-fsan-gorg-1jan18.jpg

Huwa fatt li fis-soċjetà tagħna ħafna għandhom ħalqhom fix-xgħir. Dan huwa riżultat tal-fatt li l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb. Jien nawgura li dan il-ġid ikompli joktor u jinfirex, għax nixtieq nara lil kulħadd kuntent. Imma biżżejjed il-ġid materjali biex jiżguralna l-kuntentizza? Ma nkun nagħmel ebda skoperta jekk ngħid li hawn min, għalkemm ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus, għandu dejjem subgħajh f’rasu għax ma jafx x’għandu jagħmel biex ikollu l-paċi f’qalbu! Għax kif jgħid Santu Wistin, il-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux f’Alla.

Jien konvint li daqskemm f’moħħna jitqanqlu mistoqsijiet dwar x’ser nagħmlu biex fl-aħħar tal-ġurnata jkollna l-kartieri mimlija, daqstant ieħor ikun itektek b’mistoqsijiet dwar Alla. Niżgurakom li dan jgħodd anki għal min jiddikjara li huwa atew. Fil-fatt, mhux bilfors wieħed ikun jaħseb b’mod espliċitu dwar Alla! Kif jikteb filosfu modern, André Comte-Sponville, “il-bniedem jista’ jgħaddi mingħajr reliġjon imma mhux mingħajr il-komunjoni mal-oħrajn, il-fedeltà u l-imħabba”. Għax il-bniedem li jixxennaq biex jgħix ħajja bis-sens, indirettament qed jixxennaq għal Alla; min joħlom li madwarna jkun hawn dinja aħjar, dan qed joħlom dwar Alla! Continue reading >>

L-Isqof Grech jiltaqa’ mas-saċerdoti waqt l-irtir annwali f’Dar Manresa

Fostna hemm it-tajjeb li ma jidhirx

Omelija f’Quddiesa waqt l-Irtir tas-Saċerdoti
Dar Manresa, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 16 ta’ Novembru 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Illum hawn min – anki saċerdoti – qed jistqasi l-istess mistoqsija li l-Fariżej għamlu lil Ġesù: “Meta ser tiġi s-Saltna ta’ Alla” (Lq 17:20). Bħall-Fariżej li kienu mħassba dwar x’sar minnha s-Saltna ta’ Alla, illum hawn min huwa inkwetat dwar x’sar minnha l-“Kristjanità” jew bil-qagħda fil-Knisja. Hawn min minna s-saċerdoti qed jikteb fil-ġurnali li bħalissa fil-Knisja qed tirrenja l-konfużjoni dwar il-morali u t-twemmin; (sewwa tkunu tafu li dan mhux diskors skont il-qalb tal-Isqof tagħkom).

It-tweġiba jagħtihielna Ġesù nnifsu: “Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru… is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda”. Minkejja l-kontradizzjonijiet li qed ngħixu fihom, Ġesù jiżgurana li Alla huwa preżenti fostna. Imma aħna neħtieġu dik il-kapaċità biex naqraw is-sinjali tal-preżenza ta’ Alla fostna. Din il-preżenza ma tidhirx. Ma tistax tgħid li tinsab hawn jew hemm. Anzi, jien ngħid li għandna nibżgħu minn dawk l-elementi li aħna nqisuhom bħala sinjali li jagħmlu wisq evidenti l-preżenza ta’ Alla. Għandi f’moħħi kemm dawn il-fenomeni psewdo-sopranaturali li kultant żmien ifaqqsu madwarna u jġennu ħafna nies, u kemm dawk ir-ritwali tradizzjonali li kienu jintużaw fl-antik (u donnu hawn min irid jerġa’ jqajjimhom) li hemm min jikkonsagrahom bħala garanzija li tikkonferma l-preżenza tas-Saltna ta’ Alla fostna! Din il-forma mentis tinkwetani daqskemm jinkwetawni fenomeni oħra bħalma huma s-sekulariżmu, il-lajċiżmu, l-ateiżmu… Continue reading >>

Iċċelebrat Jum il-Morda

Omelija f’Jum il-Morda
Kappella tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 12 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

KELMA TA’ FARAĠ GĦALL-IMWEĠĠGĦIN

100_0644.jpgAktar ma naqra l-Vanġelu, aktar nikkonvinċi ruħi li Alla tagħna huwa dejjem qrib il-bniedem ferut u muġugħ! Lil Alla dejjem insibuh fuq in-naħa ta’ min hu vittma u min jaqlagħha fuq rasu. Dan jikkonfermah Ġesù fil-Vanġelu tal-lum (Mt 5:17-37). Min is-soltu jaqra dan il-Vanġelu mil-lenti tal-morali forsi ma jifhimnix; imma l-Kelma ta’ Alla mhix biss “għarbiel tal-morali”, imma hija espressjoni li turina kemm Alla għandu empatija magħna. Għax daqskemm nistgħu nkunu minn dawk li bl-imġiba tagħhom iweġġgħu lill-oħrajn (dan huwa dnub), daqstant ieħor nistgħu nkunu fuq in-naħa tal-imweġġgħin. Continue reading >>

Iċċelebrat Jum Malta Kattolika

Sintesi tal-Omelija fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl Missierna
Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar
Il-Ġimgħa 10 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

san-pawl-statue.jpgĦADD MA GĦAMILNA ĠUSTIZZIERA TA’ ĦADD

Fil-qawl “jekk il-ġemel jara ħotobtu, jaqa’ u jmut sobtu”, l-antenati tagħna rnexxielhom jiddeskrivu aspett fid-DNA tagħna: li ħafna drabi aħna naraw it-tibna f’għajn il-proxxmu u ninsew it-travu li hemm f’għajnejna! Għalhekk nissindikaw lill-proxxmu, nerfgħulu salibu, u niġġudikawh. Donnu hawn min għamel lilu nnifsu ġustizzier u l-pjaċir tiegħu huwa li jiddikjara l-kundanna tal-mewt u jaqta’ l-irjus. Continue reading >>

Iċċelebrat il-funeral ta’ Dun Lino Vella

Omelija fil-Funeral tal-Kan. Lino Vella
Knisja parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem
Is-Sibt 4 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ritratt-ray-grech-2.jpg

INTOM IL-MELĦ TAL-ART

Biex jgħix, il-bniedem jeħtieġlu l-ikel, imma l-ikel maż-żmien jitħassar u jispiċċa. Jekk l-ikel ikun skars, l-istess ħajja umana tkun mhedda. Għalhekk, biex ikun jista’ jikkonserva l-ikel fit-tul mingħajr ma jitħassar u hekk jiżgura li jgħix, il-bniedem beda juża l-melħ. Il-melħ tant sar prezzjuż li hemm min isejjaħlu “deheb abjad”. Il-melħ iserrħilna rasna li ser ikollna ikel biex ngħixu.

Imma aħna nafu li mhux biss l-ikel jitħassar, imma anki l-bniedem huwa suġġett għal taħsir. Anzi, ebda esperjenza umana ma hija meħlusa mit-taħsir. Dan narawh fl-esperjenza tagħna fil-familja, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, fuq ix-xogħol, fid-diversi oqsma tas-soċjetà, u l-bqija. Mhux tant rari li niltaqgħu ma’ realtajiet umani minsusa mit-taħsir. It-taħsir, li jista’ jkun materjali, affettiv, morali, soċjali u spiritwali, huwa parti mill-ħajja tagħna. Din il-qagħda taf taqtgħalna qalbna, għax ladarba l-ħwejjeġ jibdew jitħassru, it-taħsir joktor. Continue reading >>

Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej - Jum il-Ħajja Kkonsagrata

Omelija fil-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej,
Jum il-Ħajja Kkonsagrata
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

img_0021.jpg

BIEX INKUNU PAĊI MA’ ALLA

Kif mhux possibbli li wieħed jidħol fl-ilma u ma jixxarrabx, hekk ukoll mhux minnu min jgħid li jkun iltaqa’ ma’ Ġesù u jibqa’ ma jinbidilx. Meta l-Kelma ta’ Alla tasal f’widnejna u f’qalbna, hija tagħtina skoss qawwi u tqabbad fina moviment. Meta dan ma jseħħx, ifisser li l-kelma hija mejta – li mhix il-Kelma ta’ Alla. Imma bħal Xmun fit-Tempju aħna wkoll għandna bżonn tal-għajnuna biex nisimgħu tidwi f’qalbna din il-Kelma u nħalluha ġġib il-konverżjoni tagħna. L-Ispirtu s-Santu li għen lil Xmun, jassisti lilna wkoll. Fil-fatt, fir-rakkont tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, San Luqa jgħidilna li l-Ispirtu s-Santu kien fuq Xmun u li dan kien imnebbaħ u mqanqal mill-Ispirtu s-Santu. Fil-magħmudija aħna rċivejna dan l-istess Spirtu s-Santu u għalhekk ma nibqgħux lura milli nsejħulu biex jgħinna nfasslu ħajjitna fuq il-Kelma. Neħtieġu t-tnebbiħ tal-Ispirtu biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Għalhekk San Pawl jistedinna biex “nistħarrġu l-Ispirti” (1 Kor 12:10) u San Ġwann jiktbilna li “mhux kull xorta ta’ spirti għandkom temmnu. L-Ispirti stħarrġuhom biex taraw ikunux ġejjin minn Alla” (1 Ġw 4:1). Imma biex nagħmlu dan id-dixxerniment spiritwali, neħtieġu l-akkumpanjament tad-direttur jew direttriċi spiritwali. Continue reading >>

Tama għal min iħossu fid-dlam

Omelija fis-Solennità tal-Epifanija tal-Mulej
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

HEMM KEWKBA TIDDI GĦAL KULĦADD

dsc_0561.jpg

Il-lejl huwa ikrah. Huwa naturali li aħna neqirdu meta nkunu fid-dlam. Imma allaħares ma jkunx il-lejl biex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-kwiekeb! Il-kwiekeb ma jidhrux f’nofs ta’ nhar imma fid-dalma tal-lejl. Aktar ma jkun daħal il-lejl, aktar tilma d-dija tal-kwiekeb.

L-esperjenza tal-lejl hija xi ħaġa komuni għalina lkoll. Kienet ukoll l-esperjenza tal-Maġi. Importanti li bħall-Maġi, meta nkunu għaddejjin mil-lejl mudlam tal-ħajja, niftħu għajnejna beraħ biex “naraw” il-kewkba. Fil-fatt, fi kliem San Mattew, il-Maġi kienu dawk li “raw il-kewkba tielgħa”, imxew warajha u sabu d-dawl. Kienu fid-dlam u rawha. Il-kewkba ma tidhirx lil min ikun fid-dawl imma lil min isib ruħu fid-dlam; il-kewkba ma titgawdiex minn “ulied id-dawl” imma minn “ulied id-dlam”. Continue reading >>

Mons. Isqof iwassal il-messaġġ tiegħu ta’ tmiem is-sena

Omelija fil-Pontifikal tal-Aħħar tas-Sena
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
Is-Sibt 31 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

img_8538.jpg

GĦAL AKTAR SPAZJU FIL-MEMORJA

Għalkemm fl-aħħar tas-sena niċċelebraw il-liturġija ta’ Marija Omm Alla, il-Quddiesa ta’ filgħaxija b’mod popolari hija magħrufa bħala “l-Quddiesa tat-Te Deum”. Hemm tradizzjoni antika li tgħid li kien Sant’Ambroġ li kkompona dan l-innu sabiħ tat-Te Deum meta għammed lil Santu Wistin. Għal Sant’Ambroġ tant kienet grazzja kbira li Wistin talab u rċieva l-Magħmudija, illi dan l-Isqof infexx f’din l-għanja ta’ radd il-ħajr: “Mulej, lilek infaħħru”. Aħna wkoll fi tmiem din l-Ewkaristija nkantaw dan l-innu biex infaħħru u rroddu ħajr lil Alla għal tant barkiet li xeħet fuqna matul din is-sena li qed tintemm. Continue reading >>