Archive for the 'Homilies' Category

Festa fis-Santwarju Ta’ Pinu

Omelija fil-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mbierka Ta’ Pinu
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ta-pinu.jpg

ALLA LI JĊEDI GĦALL-BNIEDEM

Meta xi ħadd iċedi quddiem xi ħadd ikbar minnu, ħafna drabi nittimbrawh bħala dgħajjef, beżżiegħi, tellief jew ġifa. Fil-fatt, ħafna jippreferu jkunu determinati, deċiżi, riżoluti.

Meta naqra r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana jolqotni l-fatt li Ġesù jċedi għat-talba insistenti ta’ Ommu. Meta Marija titolbu jagħmel xi ħaġa għax kien spiċċa l-inbid, Ġesù jweġibha li kienet għadha ma waslitx is-siegħa li jagħmel il-mirakli. Imma minkejja li kellimha hekk, quddiem il-karba ta’ Ommu, Ġesù jċedi u jibdel l-ilma fl-inbid. Huwa jasal biex iċedi proprju għax huwa qawwi. F’Kana, Ġesù mhux biss iċedi minħabba Ommu, imma wkoll minħabba l-pressjoni li kienet inħolqot f’dak l-ambjent peress li kienet ser titħassar il-festa għax l-inbid spiċċa. Quddiem din il-miżerja, Ġesù jintrebaħ. Il-miżerja umana żżarma l-qalb ta’ Kristu.  Continue reading >>

L-”Hawn jien” tas-saċerdot novell fost l-isfidi tal-lum

ordinazzjoni-dun-joseph-hili.jpgOmelija fl-Ordinazzjoni Presbiterali
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

HAWN JIEN

Kulma jmur il-ħajja qed toffrilna sfidi kbar. Bħal donnu aktar ma jitgerbeb iż-żmien, l-isfidi qed dejjem isiru eħrex. Quddiem dan il-fenomenu, min għandu ftit tas-sens, iktar u iktar min hu Nisrani, kapaċi jidħol f’ħafna tensjonijiet. Nagħti żewġ eżempji.

Is-soċjetà tagħna donnha għamlet verżjoni ġdida tal-għoġol antik tad-deheb li ssemmi l-Bibbja: żdiedet sew l-idolatrija tal-flus. Fil-fatt, il-ġirja għall-flus qed timla l-bwiet imma fl-istess waqt qed tħalli l-vittmi. Il-kilba għall-ġid irrendietna bla skrupli u rmejna kull kriterju ta’ x’inhu tajjeb u mhux. Kollox sar jgħaddi u sirna nagħtu l-impressjoni li għall-flus is-soċjetà lesta li tagħmel kollox, anki tbigħ ruħha! F’sitwazzjoni bħal din, tiġik it-tentazzjoni li tgħid: “Issa daqshekk… xbajt”. Continue reading >>

“IL-ĦARSA TA’ ĠESÙ TISRAQ IL-QLUB” - L-Isqof Mario Grech

Omelija fil-Funeral tal-Kan. Ġużepp Hili
Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur
It-Tnejn 28 ta’ Mejju 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

funeral-dun-guzepp-hili.jpg

Ħafna minna fil-memorja għandna merfugħa l-ħarsa ta’ ċerti persuni li nkunu ltqajna magħhom f’ħajjitna. Niftakru f’dawk l-għajnejn li jkexkxuna, imma hemm ukoll dik il-ħarsa kollha mħabba u ħniena li tkun serqitilna qalbna! Hemm għajnejn irrabjati u għajnejn miksura bl-uġigħ. Hemm għajnejn kollha qilla u rabja u hemm għajnejn jixegħlu bil-ferħ. Continue reading >>

Iċċelebrati l-Kwaranturi Mqaddsa fil-Belt Victoria

Omelija fl-Għeluq tal-Kwaranturi Mqaddsa fil-Belt Victoria
Il-Ħadd 6 ta’ Mejju 2018, is-Sitt Ħadd tal-Għid
Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-EWKARISTIJA ĦOBŻ TAL-ĦAJJIN

31950225_10157433726584358_2947947895640293376_n.jpg

Meta nħares lejn is-soċjetà ta’ madwarna, ma nistax ma nħossx ma’ dawk il-persuni li tant huma mtaqqlin bit-tħassib u l-problemi tal-ħajja, li nsew meta tbissmu l-aħħar! Uħud (individwi, koppji u familji) huma konfużi għax ma jarawx soluzzjoni għall-isfidi eżistenzjali li għandhom; oħrajn jinsabu mħawda sew, għax għalkemm is-suq jidher li qed joffri s-soluzzjoni għad-dilemma li għandhom, mhumiex ċerti x’għażla għandhom jagħmlu! Oħrajn għandhom qalbhom tqila u moħħhom imdallam, għax ma jistgħux jegħlbu s-sens ta’ ħtija jew falliment. Imbagħad hemm oħrajn li qegħdin il-ħin kollu jissieltu mad-dubji tal-fidi u l-kunflitti wegħrin tal-kuxjenza! Continue reading >>

Il-Knisja ta’ Għawdex tifraħ ma’ Dun Giovann Tabone MSSP fl-Ewwel Quddiesa Solenni tiegħu

Omelija fl-Ewwel Quddiesa Solenni ta’ Dun Giovann Tabone MSSP
Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur
Is-Sibt 28 ta’ April 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ATTITUDNI PASTORALI FRISKA

 

a_2452.jpg

F’pajjiżna drajna ngħixu f’soċjetà li l-valuri tagħha kienu mkenna b’qafas ta’ liġijiet ċivili. Il-fatt li dan il-qafas legali qed jinħatt ma jfissirx li l-valuri għebu; imma l-ambjent soċjali qed joffrilna sfida akbar biex il-pakkett ta’ valuri li għandu jservina bħala boxxla għall-ħajja, ikun frott ta’ għażla matura u konvinta. Jekk dawn il-valuri ma jibqgħux miktuba fuq il-kodiċi tal-liġi ċivili, Alla xorta jibqa’ jnaqqaxhom fil-qlub tal-bnedmin. Għalhekk, dak li huwa assolutament meħtieġ hu li Alla ma jgħibx mix-xefaq. Għalkemm madwarna jidhru sinjali li jindikaw li s-soċjetà tagħna qed tagħlaq il-bieb lil Kristu, dan ma jfissirx li Kristu għalaq il-bieb għalina. Proprju għax iħobbna, jaf jgħaddi mill-bibien magħluqa u jagħmel lilu nnifsu preżenti fostna. Għax jekk xi wħud qatgħu qalbhom minn Alla, Alla qatt ma jaqta’ qalbu minna! Continue reading >>

L-Azzjoni Kattolika tiftaħ il-”Kampanja għal Ambjent Moralment Nadif”

Omelija fil-Ftuħ tal-Kampanja favur Ambjent Moralment Nadif
u b’Saħħtu organizzata mill-Azzjoni Kattolika Għawdxija
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
L-Erbgħa 25 ta’ April 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

GĦAL AMBJENT MORALMENT NADIF

ftuh-tal-kampanja-favur-ambjent-moralment-nadif-25apr2018.jpg


Meta fl-2012 iltaqa’ ma’ grupp ta’ isqfijiet Franċiżi, il-Papa Benedittu XVI fisser it-tħassib tiegħu għall-fatt li fl-Ewropa, li hija l-benniena tal-Kristjaneżmu, hawn “injoranza reliġjuża”. Din l-injoranza ma teżistix biss fis-soċjetà lajka u sekularizzata, imma wkoll fi ħdan il-poplu Nisrani. Minkejja li aħna l-Ewropej għandna tradizzjonijiet u kultura Kristjana, fostna hawn din l-injoranza reliġjuża li fi kliem il-Papa Benedittu hija “doppja” għax ħafna la jafu xejn dwar il-persuna ta’ Ġesù Kristu u lanqas dwar it-tagħlim tiegħu li jagħti sens lill-ħajja tal-bniedem. Minħabba din l-injoranza, il-ġenerazzjonijiet li telgħin ma jħossuhomx werrieta ta’ dik it-tradizzjoni li sawret il-ħajja, is-soċjetà, l-arti u l-kultura Ewropea. L-injoranza reliġjuża tfixkel l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u tas-soċjetà; fil-fatt, frott ta’ din l-injoranza l-bniedem jagħmel għażliet li bihom iweġġa’ lilu nnifsu. Continue reading >>

MINGĦAJR MARTRI M’HEMMX KNISJA - L-Isqof Grech

Omelija fil-Festa liturġika ta’ San Ġorġ Martri
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
It-Tnejn 23 ta’ April 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MINGĦAJR MARTRI M’HEMMX KNISJA

 

dsc_0234.jpg

“Gaudete et exsultate – ‘Ifirħu u thennew’, jgħid Ġesù lil dawk li huma ppersegwitati jew umiljati minħabba f’ismu” (GE, 1). Dawn huma l-ewwel kelmiet tal-Eżortazzjoni appostolika li l-Papa Franġisku tana xahar ilu!

“Ifraħ u tenna” jgħid Ġesù lill-Patrun tagħna San Ġorġ Martri, illum fis-Solennità tal-Festa tiegħu. Continue reading >>

Festa ta’ Sant’Anton Abbati fix-Xagħra

2018-01-21-santanton-abbati.jpg

Omelija fil-Festa ta’ Sant’Anton Abbati
Knisja ta’ Sant’Anton Abbati, ix-Xagħra
Il-Ħadd 21 ta’ Jannar 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

INNEĦĦU L-KAPPESTRU RELIĠJUŻ

Kienu għaddew kważi tliet mitt sena u l-kelma ta’ Ġesù Kristu li smajna titħabbar fil-Vanġelu tal-lum (Mk 1:14-20) heżżet il-ħajja ta’ Anton, żagħżugħ minn Coma fl-Eġittu – illum meqjum bħala Sant’Anton Abbati (250-356). Ta’ għoxrin sena, Anton jilqa’ s-sejħa li Ġesù jagħmel biex il-bniedem jikkonverti: “Indmu u emmnu fl-Evanġelju”. Continue reading >>