Archive for the 'Homilies' Category

Alla ma jwarrab lil ħadd!

Omelija fil-Festa ta’ Ferħ
Kappella tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

festa-ta-ferh-2016-sggh.jpg

NOĦOLMU L-ĦOLMA TA’ ALLA

Għalkemm mhix ħaġa sabiħa, imma spiss jiġrilna li nsibu ruħna fis-sandli ta’ San Ġużepp! Meta sar jaf li Marija kienet qed tistenna tarbija mhux minn tiegħu, Ġużeppi daħal fi kriżi għax ma kienx jaf x’ser jaqbad jagħmel. Skont il-liġi, f’dik il-kundizzjoni Marija kienet tajba għar-rimi! Ġużeppi kien għadu fil-għama dwar x’kien seħħ f’Marija u għalhekk kien fid-dmir li jimxi mal-liġi ta’ Mosè li kienet tgħid li jekk ir-raġel ma jsibx provi tax-xbubija tax-xebba, dan jieħu “t-tifla fil-bieb ta’ missierha, u jħaġġruha l-irġiel tal-belt tagħha sakemm tmut għax tkun għamlet għajb f’Iżrael li żniet f’dar missierha. Hekk int teqred il-ħażen minn ġo nofsok” (Dt 22:20-21). Fl-istess waqt, Ġużeppi kien iħobbha lil Marija u għalhekk tħawwad: jobdi l-liġi jew iħenn għall-maħbuba tiegħu? Ġużeppi kien makakk u “għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Lq 1:19). B’dan il-mod Ġużeppi kien ser ikun qed josserva l-liġi imma fl-istess waqt isalvalha wiċċha. Continue reading >>

Il-Pussess tal-Arċipriet il-ġdid tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ

Omelija fil-Pussess ta’ Mons. Joseph Curmi
bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2016, it-Tielet Ħadd tal-Avvent
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

img_6731.jpg

KRISTU JOĦROĠNA MILL-ĦABS

Meta mill-ħabs Ġwanni l-Għammiedi sema’ bl-għemejjel ta’ Ġesù, huwa bagħat jistaqsih: “Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3). Għażiż ħija fis-saċerdozju,  nistħajjel li meta dalgħodu din il-komunità parrokkjali, li laqgħetek bi mħabba kbira, qed tagħmillek din il-laqgħa sabiħa, hawn min bħall-Battista qiegħed “fil-ħabs” u allura qed jistaqsi: Dan l-Arċipriet huwa dak li għandu jiġi biex jagħtina ftit tat-tama u jgħinna noħorġu minn dan l-għeluq, jew nistennew lil ħaddieħor? Din hija l-mistoqsija li nixtieqek tirrifletti dwarha fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Continue reading >>

IL-KUNĊIZZJONI ITTRA FL-ALFABETT TAL-IMĦABBA TA’ ALLA

Omelija fis-Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija
Knisja tal-Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2016, Vġili tas-Solennità
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

vgili-1.jpg

IL-KUNĊIZZJONI ITTRA FL-ALFABETT TAL-IMĦABBA TA’ ALLA

Mhux lakemm meta bniedem ikun iħobb lil xi ħadd, ikun kapaċi jostor, irażżan jew jifga mħabbtu. L-imħabba hija enerġija li timbuttana biex noħorġu minna nfusna u nikkomunikaw mal-persuna li nħobbu. Ġieli l-omm tant tkun tħobb lit-tarbija, li tant tagħfasha magħha waqt li tħaddanha, li tweġġagħha. Meta mara tisraq il-qalb ta’ raġel jew bil-kontra, ikun kollu ta’ xejn li wieħed jipprova jagħmel tabirruħu li ma jkun qed jiġri xejn fih, għax ħarstu, kliemu u mġibtu jikxfuh. L-ikbar tbatija li nistgħu nġarrbu hija meta nitilfu persuna li nkunu nħobbu. Għalhekk il-mewt hija kiefra, għax tkun trid tħobb lil xi ħadd imma dak ix-xi ħadd ma jkunx miegħek. Dan l-aħħar rajt xena ta’ mara miżżewġa tħaddan lil żewġha li kien għadu kif radd ruħu – xena ta’ qsim il-qalb nara lill-imħabba tibki lill-maħbub tagħha! Continue reading >>

IL-WIĊĊ UMAN TAL-KURĊIFISS - Mons. Isqof Mario Grech

16o_5260.jpgOmelija fiċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu
Rotunda Parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ħadd 20 ta’ Novembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-WIĊĊ UMAN TAL-KURĊIFISS

Ġesù fuq is-salib huwa konferma ta’ x’kapaċi tagħmel soċjetà li ma tafx x’inhi l-ħniena. Fil-fatt il-bniedem sajjem mill-ħniena ma għandux rispett lejn il-ħajja umana u kapaċi jeqridha, anki meta tkun għadha kemm tnisslet. Min ma jafx iħenn jagħlaq widnejh għall-karba tal-fqir u jagħlaq għajnejh biex ma jarax il-ġrieħi tal-proxxmu – għandi f’moħħi wkoll il-faqar u l-feriti affettivi u spiritwali. Fejn il-ħniena hija skarsa, faċli li l-bniedem jasal biex jeskludi u jemarġina lill-oħrajn. Continue reading >>

L-Isqof ta’ Għawdex dwar il-150 anniversarju tas-Seminarju

 

img_6368.jpg

Omelija fil-150 Anniversarju tas-Seminarju tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IS-SEMINARJU SKOLA TA’ DIXXERNIMENT

Meta marret għand Eliżabetta, Marija marret ukoll biex tivverifika dak li kien qalilha l-anġlu meta dehrilha f’Nazaret. Dakinhar l-anġlu kkomunikalha li kienet ser tkun Omm Alla, u bħala prova ta’ dan qalilha li qaribtha Eliżabetta wkoll kienet nisslet iben fi ħdanha… “għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”. Marija, oħtna fil-mixja tal-fidi, tmur Għajn Karem biex tmiss b’idejha dak li qalilha l-anġlu u tikkonferma li l-kelma “impossibbli” ma teżistix fid-dizzjunarju ta’ Alla.

Kemm għandna bżonn nisimgħu din il-bxara t-tajba li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir! Anki jien, isqof, jeħtieġli nismagħha kuljum, għax fil-ħajja jkun hemm mumenti tqal. Continue reading >>

Il-Knisja tifraħ bil-Qaddisin tas-Sema

all-saints-day.jpgOmelija fis-Solennità tal-Qaddisin kollha
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
It-Tlieta 1 ta’ Novembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

AĦNA NISTGĦU NAGĦMLUHA

Niftakar li meta għalaqt għaxar snin bħala isqof, saċerdot li qiegħed l-Awstralja kitibli biljett fejn qalli: “You made it, mate!”. Huma ħafna dawk li f’ħajjithom jistgħu jgħidu: “Għamiltha!”. Fil-fatt, il-qaddisin huma those who made it! Meta nagħmlu l-festa lill-qaddisin kollha f’daqqa, aħna nkunu qegħdin nirrikonoxxu li ħutna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem u nstabu li kienu mħejjija, illum qegħdin igawdu lil Alla wiċċ imb wiċċ. Din hija sejħa tagħna lkoll; aħna msejħin biex nieħdu sehem mill-qdusija ta’ Alla billi minn din id-dinja stess nibdew ngħixu l-ħajja ta’ Alla. Continue reading >>

Iċċelebrat il-Ġublew Marjan tal-Ħniena

Omelija fil-Ġublew Marjan tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex
Quddiem il-Knisja tal-Madonna ta’ Pompej, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 9 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

img_5285.jpg

ALLA HU POSSIBBILTÀ ĠDIDA

Is-sultan tas-Sirja kellu ħabib, Nagħman, li marad bil-lebbra. F’dak iż-żmien ma kienx hemm fejqan għal din il-marda u min jintmess biha kien ibati minn konsegwenzi kbar u koroh għal għomru kollu – fil-fatt kien ikollu jgħix ħajja fis-solitudni maqtugħ mill-familja, mill-ħbieb u l-komunità. Għalhekk is-sultan tas-Sirja kiteb ittra lis-sultan ta’ Israel fejn talbu jistax ifejjaq lil ħabibu – talbu biex lil Nagħman jagħtih il-possibbiltà li jerġa’ jibda jgħix ħajja normali. Imma hekk kif waslitlu l-ittra, is-sultan ta’ Israel saħan u ċarrat ħwejġu għax dritt għaraf li r-re tas-Sirja kien qed jitolbu xi ħaġa impossibbli – tant kien ċert li ma jistax jilqa’ dan ir-rikors, li ħaseb li b’din l-ittra s-Sirjan kien ser jiddikjara gwerra kontra tiegħu! Continue reading >>

Ftuħ tas-Sena Soċjali tal-Azzjoni Kattolika

Omelija fil-ftuħ tas-Sena Soċjali tal-Azzjoni Kattolika
Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ħadd 16 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ak1.jpg

DAKKARA TAL-FIDI

Kemm huwa minnu kliem il-profeta Isaija meta jgħid li l-bniedem mingħajr fidi ma jibqax sħiħ (ara 7:9)! Ħarsa ħafifa madwarna tagħtina konferma ta’ dan. Fil-fatt, waqt li l-fidi tal-poplu tagħna qiegħda tnin, qed naraw jiġġarrfu saħansitra bastjuni li konna konvinti li ħadd u xejn ma kien ser ibattihom. Biex nindika eżempju wieħed, min kien jgħidilna li s-soċjetà tagħna ser tibda tarma biex titfa’ taħt riġlejha l-ħajja umana li tkun għadha fil-ġuf?

Huwa fatt li llum qegħdin ngħixu f’kultura fejn faċli nkunu ttentati naħsbu li nistgħu nfendu mingħajr Alla. It-teknoloġija, il-kisbiet xjentifiċi u l-firxa tal-ġid materjali faċli jikkonvinċuna li kollox huwa umanament possibbli u għaldaqstant nistgħu nsolvu l-enigma tal-ħajja. F’dan il-kuntest, Alla joħroġ mix-xena u għalhekk illum id-diskors dwar il-fidi jsir qisu frotta barra minn żmienha. Continue reading >>