- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Mons. Isqof iwassal il-messaġġ tiegħu ta’ tmiem is-sena

Posted By admin On January 6, 2017 @ 11:04 am In Homilies | Comments Disabled

Omelija fil-Pontifikal tal-Aħħar tas-Sena
Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria
Is-Sibt 31 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

[1] img_8538.jpg

GĦAL AKTAR SPAZJU FIL-MEMORJA

Għalkemm fl-aħħar tas-sena niċċelebraw il-liturġija ta’ Marija Omm Alla, il-Quddiesa ta’ filgħaxija b’mod popolari hija magħrufa bħala “l-Quddiesa tat-Te Deum”. Hemm tradizzjoni antika li tgħid li kien Sant’Ambroġ li kkompona dan l-innu sabiħ tat-Te Deum meta għammed lil Santu Wistin. Għal Sant’Ambroġ tant kienet grazzja kbira li Wistin talab u rċieva l-Magħmudija, illi dan l-Isqof infexx f’din l-għanja ta’ radd il-ħajr: “Mulej, lilek infaħħru”. Aħna wkoll fi tmiem din l-Ewkaristija nkantaw dan l-innu biex infaħħru u rroddu ħajr lil Alla għal tant barkiet li xeħet fuqna matul din is-sena li qed tintemm.

Imma biex inkunu nistgħu nsibu raġuni soda biex nirringrazzjaw lil Alla, għandna bżonn memorja tajba biex niftakru x’għamel magħna Alla. B’xorti ħażina, ħafna għandhom memorja qasira u għalhekk nibqgħu lura milli lil Alla ngħidulu grazzi profonda. Oħrajn għandhom memorja mgħobbija b’esperjenzi negattivi, bħalma huma d-daqqiet li nkunu qlajna matul iż-żmien – daqqiet li jkun tana ħaddieħor kif ukoll daqqiet li nagħtu lilna nfusna! Jekk il-memorja tagħna faċli tinsa t-tajjeb li nkunu rċivejna, mhux hekk fil-każ tal-ħażin li jkunu għamlulna. Lanqas ma huwa ħafif għalina li nħassru mill-memorja tagħna żbalji li nkunu għamilna aħna stess. Uħud minn dawn l-esperjenzi tant huma maħżuna tajjeb u huma antiki, li xi drabi nkunu rridu ngħadduhom lill-memorja tal-oħrajn (uliedna, ħutna u ħbiebna). U jekk xi ħadd minn dawn ikun fejjaq din il-memorja, arana dlok infakkruh li darba dik il-persuna daħket bina jew għamlithielna! Hekk nibqgħu nipperpetwaw din il-memorja; hekk il-memorja qarsa tibqa’ tintiret u tħalli l-effetti negattivi tagħha.

F’ċirkustanzi bħal dawn, il-memorja mgħobbija tagħna ma jibqgħalhiex spazju għal esperjenzi pożittivi. Fil-fatt, jekk inkunu f’mument ħiemed, x’aktarx li ma niftakrux il-barkiet li jkun xerred fuqna Alla jew it-tajjeb li nkunu rċivejna mill-proxxmu tagħna; pjuttost jitla’ fil-wiċċ tal-memorja l-ħażin li nkunu ġarrabna.

Fit-tmiem ta’ din is-sena, nistiednek biex “tbattal” il-memorja tiegħek minn dawk l-esperjenzi negattivi li seta’ kellek matul din is-sena u tfejjaqha minn dawn il-ġerħat. Ma tagħmilx sens l-espressjoni li ġieli tingħad: Naħfer iva, ninsa le! Għax jekk ma nagħmlux ħilitna biex ninsew, dik l-esperjenza negattiva tibqa’ terfa’ rasha u hekk timblokka l-memorja tagħna u ma tħalliniex napprezzaw il-ħafna tajjeb li hemm madwarna.

Allaħares nitilfu l-memorja! Imma jekk ma nagħmlux sforz biex nippurifikaw u nfejqu l-memorja, inkunu qed nitilfu l-memorja bil-mod il-mod.

Santu Wistin għandu riflessjonijiet sbieħ dwar il-memorja fil-ktieb tiegħu L-istqarrijiet (XI). Huwa jgħid li fil-ħajja ma hemmx passat, preżent u futur, imma l-preżent biss. Illum il-passat għadda u mar, imma fadlilna biss il-memorja tal-bieraħ. Lanqas il-futur ma għandna – fil-fatt ħadd minna ma jaf x’ser jiġri għada; imma llum nistgħu biss nipproġettaw xi ħaġa għall-futur. Għalhekk kulma għandna huwa biss il-preżent, u fil-preżent għandha parti importanti l-memorja. Mela jekk irridu ngħixu l-preżent, jeħtieġ nieħdu ħsieb il-memorja.

Fi kliem Santu Wistin, fil-memorja tagħna Alla jpoġġi sinjali tal-preżenza tiegħu. Fil-fatt, jekk nimirħu ftit bil-memorja tagħna niskopru kemm hemm sinjali li jimmarkaw il-preżenza tal-grazzja, tal-imħabba, tat-tenerezza u tal-miżerikordja ta’ Alla fl-istorja tagħna. Kieku ma kellniex il-memorja, ma konniex nintebħu b’dawn is-sinjali tal-preżenza ta’ Alla u għalhekk nibqgħu ma nirringrazzjawhx.

Imma anki l-memorja tagħna ta’ Alla tista’ tiġi imblukkata jekk aħna ma nemmnux li Alla jaħfrilna kull dnub, jew jekk aħna stess ma naħfrux lilna nfusna d-dnub li nkunu wettaqna. Id-dnub jista’ jimblukkalna l-memorja li aħna għandna ta’ Alla. Għalhekk, inħeġġiġkom biex tfejqu l-memorja minn esperjenzi spiritwali negattivi li nagħżlu li ngħaddu minnhom aħna stess jew jgħaddina minnhom ħaddieħor. F’dan il-proċess ta’ fejqan mhux bilfors ser issib raġun, ħaddieħor ser jammetti t-tort jew ipatti għall-ħsara li jkun għamillek. Jiswielna immens jekk neħilsu lil din il-memorja minn dawn il-piżijiet billi nħallu lil Kristu jippurifikahielna – għax għal Ġesù ma hemm ebda dnub li ma jinħafirx.

B’dan il-mod ikollna memorja li taħdem aħjar, kemm individwalment u kemm bħala komunità – memorja li taħżen dawn l-esperjenzi ta’ grazzja u hekk tgħinna nsibu l-motivazzjoni biex ma’ Marija nkantaw l-innu tal-Magnificat, jew inkella ma’ Sant’Ambroġ ngħidu lil Alla: Te Deum laudamus.
Ritratt: Toni Farrugia


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2017/01/06/mons-isqof-iwassal-il-messagg-tieghu-ta-tmiem-is-sena/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2017/01/img_8538.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.