Messaġġ ta’ Mons. Isqof Mario Grech dwar il-Linji-gwida

Kummentarju fuq Radju RTK
Is-Sibt 21 ta’ Jannar 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

mario_grech_pope_francis.pngBħal-lum ġimgħa, flimkien mal-Arċisqof Charles J. Scicluna, pope_bishop_scicluna_.jpgippubblikajna l-linji-gwida  dwar l-applikazzjoni ta’ Kapitlu VIII tal-Eżortazzjoni Il-ferħ tal-Imħabba. Permezz ta’ dan id-dokument qed noffru kriterji dwar kif f’isem Kristu u l-Knisja nistgħu nkissru l-vażett tal-balzmu fuq il-ġerħat ta’ dawk il-persuni li għandhom diffikultajiet kbar fil-ħajja affettiva tagħhom u għaldaqstant fir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla, bħalma huma dawk li tilfu l-ewwel żwieġ u issa jinsabu fit-tieni relazzjoni.

It-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ, id-dnub u s-sagramenti għadu u jibqa’ ma jinbidilx, u serrħu raskom għaliex aħna l-Isqfijiet tagħkom aħna attenti ħafna dwar dan u nerfgħu r-responsabbiltà tagħna quddiem Alla u quddiem l-istorja għat-tagħlim li nwasslulkom.

Jien napprezza l-fiduċja li l-kotra turu fina l-Isqfijiet; imma fl-istess waqt jiddispjaċini nara li fost il-merħla hemm min mhux biss huwa iebes miegħu nnifsu, imma jrid ikun iebes mal-oħrajn u qed iħawwadkom, anzi mbagħad jgħid ukoll li huwa aħna li qegħdin inħawdukom! Jekk tridu garanzija li t-tagħlim tagħna huwa t-tagħlim tal-Knisja, naċċertakom li l-Arċisqof u jien aħna f’għaqda sħiħa mal-Papa Franġisku – il-komunjoni mal-Papa dejjem kienet u tibqa’ kriterju li jagħti garanzija li t-tagħlim huwa awtentiku. Il-fatt li l-kriterji li tajna ġimgħa ilu kienu ppubblikati fil-ġurnal tas-Santa Sede, L’Osservatore Romano, huwa konferma li t-tagħlim tagħna l-Isqfijiet mhux f’kuntrast mal-Maġisteru tal-Knisja! Min qed jikkritikana bil-goff u bil-gideb lilna l-Isqfijiet għandu diffikultà mal-Papa Franġisku – qed jipprova jolqot lilna biex jidrob lilu!

Nifhem li l-Kriterji waħidhom ma humiex biżżejjed, imma biex wieħed jiddiġerihom hemm ħtieġa ta’ aktar riflessjoni, studju u talb. Dan ma jgħoddx biss għal-lajċi imma wkoll għas-saċerdoti. Nagħtikom parir ċkejken: tikkuntentawx ruħkom b’dak li jiktbu fuq il-midja – hemm min għandu intenzjoni li jikkomunika nofs il-verità; imma aqraw il-Kriterji kif inhuma, u fejn issibu ftit tqil, ħudu parir. Għandna ħafna saċerdoti, reliġjużi u lajċi ppreparati li kapaċi jakkumpanjawkom. Anki jien disponibbli li f’kuntest ta’ ġemgħa li qed tfittex ir-rieda ta’ Alla, ngħinkom iddawlu l-kuxjenza tagħkom b’dan it-tagħlim.

scan0001.jpgF’dan id-dokument ma hemmx duttrina ġdida, imma hemm approwċ pastorali ġdid li jindirizza l-ġrajjiet tal-lum. Kif jagħmel il-Papa Franġisku f’Il-ferħ tal-Imħabba, anki fid-dokument tagħna l-Isqfijiet aħna rġajna morna lura għall-għajn tal-Vanġelu u għall-prinċipji tat-Teoloġija Morali li kienu jgħallmu qaddisin kbar bħal San Alfons Maria de Liguori u San Tumas ta’ Aquino. Il-prinċipji kienu hemm, imma bejn għax tqal biex napplikawhom u bejn għax konna ngħixu f’dinja mibnija taħt id-dell tal-kampnar, forsi ttraskurajnihom.

Għalhekk, tintilfux! Qegħdin fit-triq it-tajba. Dan huwa nbid ġdid li l-Knisja trid iddewwaq lil kulħadd – inbid ġdid f’damiġġjani ġodda. L-għan ta’ dan kollu mhux biex aħna l-Isqfijiet inkunu populisti jew għax irridu naraw il-knejjes mimlija. L-għan tagħna huwa wieħed: li ngħinukom tiltaqgħu ma’ Kristu, il-Feddej. Ħadd ma għandu jiġi mċaħħad minn din il-laqgħa, lanqas l-akbar midneb. Hija l-laqgħa ma’ Ġesù li ġġib il-konverżjoni u l-ordni fil-ħajja, u mhux l-ewwel nikkonvertu, imbagħad Hu jiltaqa’ magħna. Nemmen bis-sħiħ li meta nerġgħu nagħtu spazju lil Kristu, kollox joqgħod f’postu, anki ż-żwieġ u l-familja.