Messaġġ tal-E.T. Mons. Mario Grech lill-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Vella

opr0604201914.jpg

Messaġġ ta’ awguri lill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta
fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu u tal-ewwel żjara uffiċjali f’Għawdex
Kurja Veskovoli ta’ Għawdex, il-Belt Victoria
Is-Sibt 6 ta’ April 2019
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

AWGURI BIEX IKOLLNA LAJĊITÀ SANA U UMANIŻMU REALISTA

Mustafa Cerić, il-Mufti tal-Bożnja fl-2009, kien għamel din l-osservazzjoni dwar il-Punent: “Id-dinja tal-Punent għandha tmien dnubiet kbar: benessri mingħajr xogħol; edukazzjoni mingħajr morali; negozju mingħajr etika; divertiment mingħajr kuxjenza; politika mingħajr prinċipji; xjenza mingħajr responsabbiltà; soċjetà mingħajr familja; fidi mingħajr sagrifiċċju. Is-soluzzjoni għal dan hija li flok il-kelma mingħajr inqiegħdu u, allura: benessri u xogħol; edukazzjoni u morali; negozju u etika; divertiment u kuxjenza; politika u prinċipji; xjenza u responsabbiltà; soċjetà u familja; fidi u sagrifiċċju”.

Dawk li fil-ħajja verament iltaqgħu ma’ Ġesù Kristu li nsibu fil-Vanġelu u mhux fit-tradizzjonijiet reliġjużi u kulturali, dawk li jemmnu li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, jafu li Ġesù huwa t-tweġiba ta’ Alla għal dawn l-isfidi li l-bniedem għandu f’din l-epoka ta’ fraġilità soċjali. Ħafna huma tal-fehma li Alla huwa indifferenti, assenti jew sieket quddiem id-dramm tal-umanità. Imma Alla tkellem meta bagħat lil Ibnu jgħammar fostna: “Il-Kelma saret laħam” (Ġw 1:14). Din il-Kelma aħna ngħożżuha fil-Vanġelu li huwa l-magna charta li ħallielna Ġesù biex nibnu soċjetà fejn id-dinjità ta’ kull bniedem tkun imħarsa, b’attenzjoni partikulari lejn iż-żgħar u l-foqra. Ebda ktieb ma għandu qawwa rivoluzzjonarja daqs il-Vanġelu. Fil-preżenza tiegħek, Eċċellenza President, bħala gwardjan tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, insejjaħ il-Vanġelu bħala l-“kostituzzjoni” tal-umanità.

Għalhekk, għażiż President, f’isem il-Knisja f’Għawdex, fil-bidu tal-mandat tiegħek bħala Kap tar-Repubblika għażiża tagħna, b’mod simboliku qed nagħtik il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu. Bl-ebda mod ma qed nistenna li fl-uffiċċju tiegħek tkun konfessjonali. Nagħraf li inti Kap ta’ Stat lajk; imma nemmen li l-meditazzjoni fuq il-Kelma ta’ Alla tgħinek tkompli tinbena u ssaħħaħ fik dawk il-valuri li huma l-bażi biex ikollna lajċità sana u umaniżmu realista.

Minn qalbi nawguralek li minkejja l-impenji ħfief u tqal li ser ikollok, jirnexxilek issib ftit ħin għat-talb personali, għax meta noqogħdu fil-preżenza tiegħu u niddjalogaw miegħu, Alla għandu l-mod tiegħu kif isaħħan il-qalb tqila u maqtugħa u jdawwal il-kuxjenza biex tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa. F’din is-Sena Marjana li qed niċċelebraw fid-djoċesi tagħna, mhux biss nirrakkomandak lill-Madonna Ta’ Pinu biex tkompli tħares lilek u lill-familja tiegħek, imma nirrakkomandalek biex ma tibżax tieħu lill-Verġni Marija għandek: kien waqt li Marija kienet titlob f’Nazaret dakinhar tat-Tħabbira, li hija għarfet li Alla kien qed jagħmlilha sejħa “politika”, fis-sens li riedha tkun parteċipi fl-istorja tal-umanità. Kien f’mument ta’ talb li Marija sabet id-dawl u l-kuraġġ biex bl-“iva” tagħha tagħti lilha nfisha għall-oħrajn.

Awguri!
Photo Credit DOI – Omar Camilleri