Il-Ministeru ta’ “Parrinu”

Kelmtejn mill-qalb lill-adoloxxenti
li fix-xhur li ġejjin ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof

Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar
Il-Ħadd 10 ta’ Frar 2019, Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

 prezentazzjoni-tal-kandidati-ghall-grizma-tal-isqof-munxar-100220192.jpg

Nieħu gost narakom, għaliex l-“iva” tagħkom tfisser ħafna: intom qegħdin tistqarru quddiem din il-ġemgħa li tridu tkunu ħbieb ta’ Ġesù. Dan lilna jimliena bil-ferħ.

Nieħu gost narakom, għax f’kull wieħed u waħda minnkom qed nara l-familja. Intom wasaltu s’hawn għax warajkom hemm is-sapport tal-familja li timbuttakom (f’sens tajjeb) biex tkomplu l-mixja tagħkom wara Ġesù. Għeżież familji, grazzi talli tressqu lil uliedkom għas-sagramenti.

Għalija intom sbieħ għax fikom nilmaħ lill-katekisti li qegħdin jiggwidawkom. Ħasra li għadna ma napprezzawx biżżejjed il-ministeru tal-katekisti. Allaħares dan il-ministeru jiġi nieqes fil-komunitajiet parrokkjali tagħna. Għożżu lill-katekisti tagħkom. Ħarsu lejhom biex jgħinukom fil-ħajja Nisranija.

Ħa nagħmlilkom suġġeriment, anki jekk nista’ ma niġix mifhum: jien nissuġġerilkom biex meta tiġu ħalli tagħżlu l-parrinu/a, intom tagħżlu lill-katekista, għax huwa l-katekista li jkun akkumpanjakom f’din il-fażi tal-formazzjoni. Il-katekista huwa dak (jew dik) li jagħmilha magħkom u jsir jafkom. M’għandi xejn kontra n-nanniet, iz-zijiet, u l-bqija tal-persuni li s-soltu jintgħażlu biex ikunu parrini; imma llum hemm bżonn niskopru l-ġmiel tal-parrinija bħala ministeru. Grazzi, għeżież katekisti, talli xxandru l-Vanġelu lil dawk l-adolexxenti u tlaqqgħuhom ma’ Ġesù.

Il-formazzjoni Nisranija ma teħduhiex biss waqt il-laqgħat tal-katekiżmu, imma wkoll waqt il-liturġija – dejjem meta l-liturġija tkun tassew liturġija. Għax b’xorti ħażina aħna għandna liturġija li tappella għall-estetika u għall-widna, imma ma tmissx lir-ruħ! U hekk naħlu l-ħin tagħkom u tagħna. Il-quddiesa hija l-aqwa espressjoni liturġika – għalhekk żommu quddiem għajnejkom il-ġmiel tal-quddiesa u tittraskurawx is-sehem frekwenti fl-Ewkaristija, speċjalment l-Ewkaristija tal-Ħadd.