Ftuħ ta’ “Dar il-Ġublew tal-Ħniena”

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjoni tal-Persuni b’Diżabilità, nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru 2016, ġiet inawgurata “Dar il-Ġublew tal-Ħniena”, proġett tal-Fondazzjoni Arka għall-ħajja indipendenti ta’ persuni b’diżabbiltà fil-komunità. Id-dar f’Għajnsielem diġà qed tilqa’ fiha numru żgħir ta’ residenti.

ftuh-dar-il-gublew-tal-hniena-1.jpg

Kelmtejn fil-Ftuħ ta’ Dar il-Ġublew tal-Ħniena mill-Fondazzjoni Arka
Għajnsielem
Is-Sibt 3 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ftuh-dar-il-gublew-tal-hniena-5.jpg

INIZJATTIVA FAVUR IL-ĦAJJA

Permezz ta’ din l-inizjattiva li jkollna dar għall-ħajja indipendenti ta’ persuni b’diżabbiltà, il-Knisja f’Għawdex permezz tal-Fondazzjoni Arka trid tibgħat messaġġ favur il-ħajja. Ftit jiem ilu kont f’laqgħa organizzata mill-Federazzjoni tal-Għaqdiet tal-Persuni b’Diżabbiltà f’Għawdex u smajt b’attenzjoni omm li għandha tarbija b’diffikultajiet serji fix-xewka tad-dahar. Din l-omm ikkummentat li llum il-ġurnata ma hawnx aktar persuni bi spina bifida għax hemm min, meta jsir jaf li t-tarbija fil-ġuf għandha din l-għamla ta’ diżabbiltà, jagħżel li ma jħallihiex titwieled. Kliem bħal dan jinkwetani qatigħ għax hawnhekk qed nitkellmu fuq temma ta’ ħajja umana, meta kull ħajja umana, anki dik li mhix perfetta, hija sagra u aħna għandna d-dmir etiku li ngħinuha tgħix.

Jien nifhem id-diffikultajiet li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b’diżabbiltà f’soċjetà li għad fadlilha ħafna x’titgħallem biex tagħraf tirrispetta d-drittijiet ta’ dawn il-persuni u tkun aktar inklusiva; nifhem ukoll it-tħassib serju li jkollhom il-ġenituri ta’ dawn il-persuni, partikularment dwar il-futur tagħhom meta huma jiġu neqsin. Imma hawnhekk jagħmlu sens inizjatttivi  bħal din tal-lum – djar bħal din b’xi mod joffru ftit serħan il-moħħ kemm lill-persuni b’diżabbiltà u kemm lill-familjari tagħhom. Djar bħal dawn huma sinjal qawwi ta’ ċiviltà favur il-ħajja.

Napprezza ħafna l-koperazzjoni tal-Gvern, tal-għaqdiet volontarji u persuni privati fi proġetti bħal dawn. Fil-fehma tiegħi s-sapport li toffri l-komunità jfisser li għadna ngħożżu l-ħajja umana, speċjalment meta din tkun f’kundizzjoni dgħajfa u dipendenti. Filwaqt li ntenni l-impenn tal-Knisja, li kienet pjuniera f’dan il-qasam ta’ ħidma b’risq il-persuni b’diżabbiltà, inħeġġeġ biex ilkoll nibqgħu nħożżu l-ħajja umana u ma nħallux l-għamad jinżel fuq għajnejna tant li ma nibqgħux naraw il-kruha tal-abort.

Filwaqt li nitlob lil Alla jbierek din id-Dar li ġġib l-isem Ġublew tal-Ħniena, nitolbu wkoll jieqaf magħna biex il-ħarsien tal-ħajja jibqa’ valur minqux fl-ethos tagħna bħala nazzjon.