Archive for the '2005' Category

Ad Clerum Nru 378 - Diċembru 2005

Nru. 378

  DIĊEMBRU 2005

Nixtieq qabel xejn inrodd ħajr lill-membri tal-Kleru għall-kooperazzjoni tagħhom biex ikun jista’ jsir iċ-ċensiment dwar l-attendenza tal-Quddies tal-Ħdud. Huwa ttamat, li l-konklużjonijiet li joħorġu minnu jkunu jistgħu jitfgħu xi dawl u jkunu ta’ siwi għall-ħidma pastorali f’pajjiżna.

Nixtieq imbagħad li nrodd ħajr lil Alla u lis-Sede Appostolika, li r-riżenja tiegħi ġiet aċċettata, u li minn hawn u ftit ieħor jitneħħa minn fuq spallejja l-piż tar-responsabbiltà pastorali tad-djoċesi.

Nistedinkom ukoll li tingħaqdu miegħi, sabiex nesprimi s-sentimenti tagħna ta’ gratitudni u ta’ radd il-ħajr, lejn Alla u lejn il-Vigarju ta’ Kristu, il-Papa Benedittu XVI, talli għoġobhom jipprovdu ragħaj spiritwali għad-djoċesi tagħna u bħala suċċessur tiegħi, saċerdot għaqli, żelanti u eżemplari, iben denn ta’ din il-gżira Għawdxija. Huwa dmir tagħna lkoll li nitolbu lil Alla biex jagħnih bil-grazzi tiegħu u jgħinu kontinwament fil-missjoni ġdida li għandu.

Huwa ovvju li din hija l-aħħar “Ad Clerum” li ser niktbilkom u ser tkun ukoll iqsar minn dawk tas-soltu.

Is-sentimenti tiegħi jinġabru fil-ġakolatorja qasira tal-Beatu Dun Ġorġ Preca “Grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli, Sinjur Alla.” Nirringrazzjah għall-grazzi kollha, kbar u żgħar li tani matul l-episkopat tiegħi. Nitolbu maħfra wkoll għall-ħtijiet u l-omissjonijiet tiegħi.

Ma’ dan, inħoss li għandi nżid ukoll kelma ta’ radd il-ħajr lilkom, għat-talb li offrejtu għalija, ta’ kuljum fil-Quddiesa, u f’diversi okkażjonijiet oħra, kif ukoll għall-kooperazzjoni tagħkom. Jiena nagħraf sewwa l-limitazzjonijiet tiegħi, u jista’ jkun li xi drabi ddiżappuntajt lil xi ħadd; ma jidhirlix li għamilt dan apposta jew b’fehma ħażina, imma xorta waħda nitlobkom taħfruli u tiskużaw nuqqasijieti.

Da parti tiegħi, inħossni obbligat li nibqtà nitlob għalikom u nipprova nkunilkom ta’ xi għajnuna, sa fejn u kif nista’.

Nagħlaq billi minn qalbi nawguralkom Milied Qaddis u Sena Ġdida mimlija bil-barka tal-Mulej.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 377 - Novembru 2005

Nru. 377

NOVEMBRU 2005

Iċ-ċensiment u l-istatistika ma humiex xi ħaġa li bdejna nisimgħu bihom fi żminijietna biss, iżda kienu jafu bihom anki fi żminijiet l-iktar antiki, anki qabel il-miġja ta’ Kristu. L-Evanġelju ta’ San Luqa isemmilna ċ-ċensiment li kien sar minn Ċesari Awgustu (Lq. 2,1).

Biċ-ċensiment tinġabar l-informazzjoni, li minnha mbagħad toħroġ l-istatistika. Din nistgħu niddeskrivuha bħala xjenza li tesprimi l-fatti, f’termini numeriċi, cioè permezz taċ-ċifri li tagħtina. Il-fatti soċjali kollha, kemm tal-ħajja privata kif ukoll tal-ħajja pubblika tal-poplu, jistgħu jkunu oġġett taċ-ċensiment. L-istatistika hija strument li jintuża f’ħafna oqsma differenti, mhux biss fl-ekonomija, fil-kummerċ u fir-riċerka xjentifika iżda hija utli ħafna wkoll fil-kamp tal-ħidma pastorali. L-istatistika tagħtina tagħrif oġġettiv dwar xi sitwazzjonijiet partikolari li dwarha tkun saret xi indaġni jew ċensiment. Meta wieħed ikollu f’idejh id-dati statistiċI, jkun jista jorganizza aħjar il-ħidma tiegħu u jippjana għal li ġej, u skond l-ħtiġijiet reali tas-soċjetà.

Biex nagħtu xi eżempji, minn żmien għal żmien, anki f’pajjiżna jsiru statistiċi, dwar il-għadd ta’ twelid, u ta’ mwiet, ta’ żwiġijiet, ta’ separazzjonijiet, tal-popolazzjoni studenteska, tan-nies li għandhom ix-xogħol, u dawk qegħda.

Fost l-istatistiċi, li huma konnessi ma’ l-attività pastorali u reliġjuża, nistgħu nsemmu (ara Direttorju) dawk li jirrigwardaw l-għadd ta’ saċerdoti u reliġjużi, is-sitwazzjoni tal-vokazzjonijiet, il-għadd tal-kawżi fit-tribunal ekkleżjastiku eċċ.

F’pajjiżna, kull għaxar snin isir ċensiment dwar l-attendenza tal-Quddies fil-ġranet ta’ l-obbligu u minnu jinġabru l-istatistiċi relativi, u joħroġ il-persentaġġ ta’ nies li jwettqu dan l-obbligu u ta’ dawk li jittraskurawh. L-aħħar ċensiment ta’ din ix-xorta sar madwar għaxar snin ilu.

Issa, ċensiment ieħor bħal dan, fuq bażi nazzjonali, ser jinżamm f’dan ix-xahar ta’ Novembru. Ikun meħtieġ li jingħaddu dawk kollha li jattendu għall-quddiesa, fil-jum taċ-ċensiment, u f’kull knisja, kappella jew lok ieħor, fejn tiġi ċċelebrata l-Quddiesa bil-parteċipazzjoni tal-fidili, mingħajr ebda eċċezjoni. Għandhom jimlew il-kwestjonarju anki t-tfal, basta jkunu diġa għamlu l-preċett, jiġifieri li huma obbligati għall-quddies tal-Ħdud u l-festi kmandati. Huwa meħtieġ għalhekk, li jkun hemm koperazzjoni sħiħa, mhux biss mill-kappillani u r-retturi tal-knejjes fejn isir il-quddies, Iżda wkoll minn kull saċerdot li jiċċelebra l-quddiesa f’dawk il-jiem.

L-organizzazzjoni taċ-ċensiment diġa ħasbet biex tħejji l-materjal meħtieġ taċ-ċensiment tal-Quddies, u tat-taħriġ lill-operaturi li għandhom jgħinu lil dawk li jkunu preżenti, u jgħidulhom kif għandhom jimlew il-formuli li mbagħad jiġu miġbura u mibgħuta fl-uffiċċju fejn isir l-għadd tagħhom.

Is-sehem tas-saċerdot li jiċċelebra mhux xi wieħed diffiċli jew li jitlob sagrifiċċi kbar, iżda huwa sehem neċessarju u indispensabbli, għax iċ-ċensiment ma jagħtix riżultati realistiċi jekk xi komunitajiet jitħallew barra.

X’għandu jagħmel, allura s-saċerdot li jkun iqaddes ?

Sa mill-bidu tal-Quddiesa, bi ftit kliem, ifakkar fiċ-ċensiment li jkun ser jinżamm. Imbagħad minnflok l-omelija s-Saċerdot jew il-Koordinatur jaqra waħda, waħda, u mingħajr għaġġla l-mistoqsijiet tal-kwestjonarju filwaqt li l-enumeraturi jaraw u jgħinu fil-mili tal-formuli ta’ dawk preżenti u mbagħad jinġabru l-formoli mimlija.

Jien nispera u nitlob il-Mulej sabiex bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd iċ-ċensiment ikun suċċess.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 375 - Settembru 2005

Nru. 375

SETTEMBRU 2005

Peress li f’Ottubru, ix-xahar li ġej tiġi fi tmiemha s-Sena ta’ l-Ewkaristija, mnedija mill-mibki Papa Ġwani Pawlu II, jixraq li għal darba oħra nagħtu ħarsa lejn id-dmirijiet tagħna bħala Saċerdoti lejn l-Ewkaristija, u nimpenjaw ruħna sabiex mill-Ewkaristija niksbu frott spiritwali għalina u għall-poplu ta’ Alla, u fuq kollox il-karità nisranija. L-ewkaristija taqgħadna ma’ Ġesù li huwa r-Ras tal-Ġisem Mistiku, li tiegħu aħna membri; hija għalhekk għajn vera ta’ komunjoni u ta’ karità fraterna.

Difatti l-Ewkaristija hija s-sagrament tal-għaqda, iżda ma jistgħax ikun hemm vera għaqda mingħajr l-karità, li kif jgħidilna San Pawl (Rum 5,5) “issawbet fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li ġie mogħti lilna.” It-Tqarbin jgħaqqadna ma’ Kristu billi jsaħħaħ fina l-fidi fih u l-imħabba lejh. It-Tqarbin ikebbes u jżomm ħajja fina l-karità lejn il-proxxmu, u b’hekk jitrasforma gradwalment il-komunità tagħna, f’komunità fraterna. Iżda biex jinkiseb dan l-effett, jeħtieġ li t-Tqarbin ma jkunx magħmul bi drawwa, iżda bid-dispożizzjonijiet meħtieġa u b’xewqa kbira li nogħġbu lil Kristu, u nsiru dixxipli fidili tiegħu.

Għalina l-membri tal-Kleru, meta ngħidu “karità fraterna” nifhmu qabel xejn l-imħabba lejn ħutna fis-saċerdozju għaliex għad li skond il-kmandament ta’ Kristu, għandna nħobbu lil kulħadd, iżda għandna nħobbu iżjed lil min huwa iktar qrib lejna.

Ħafna drabi biex inwetqu kif imiss, dan id-dmir ta’ karità, hija meħtieġa doża mhix żgħira ta’ umiltà u manswetudni. Dawn it-tlieta li semmejna huma virtujiet evanġeliċi li Kristu għallimomna bl-eżempju u bi kliemu. Fi żminijietna, li fihom l-aggressività u l-vjolenza, saru komuni ħafna fis-soċjetà, tinħass iktar l-ħtieġa li d-dixxipli ta’ Kristu, jgħożżu l-manswetudni u jkunu ħaddiema għall-paċi. Il-Beatu Dun Ġorġ Prewca, kien ippublika librett dwar “Il-Manswetudni” u ried li jinqara mill-membri tas-Soċjetà Mużewmina, għall-inqas darba fis-sena, fis-26 ta’ Deċembru, festa ta’ San Stiefnu.

Madanakollu, ċerti espressjonijiet li naqraw jew nisimgħu llum huma nieqsin ħafna mill-karità u mill-manswetudni. Iżda l-karità barra aspett negattiv, għandha wkoll l-aspett pożitiv tagħha. Fi kliem ieħor mhux biżżejjed nevitaw d-dnubiet kbar u żgħar li jmorru kontra din il-virtù bħal ma huma l-għira, il-mibgħeda, l-kalunji eċċ, iżda jeħtieġ ukoll li nkunu pro-attivi, u l-imħabba lejn ħutna nuruwha wkoll bi kliemna, b’għemilna u bis-servizzi li nkunu lesti nagħtuhom lill-oħrajn.

Nixtieq għalhekk, ngħid kelma ta’ tifħir u ta ringrazzjament lil dawk is-saċerdoti, li jiftakru f’ħuthom is-saċerdoti l-oħra, li jżuruhom meta jkunu morda, kif ukoll lil dawk li bl-elemożina tal-Quddies, u b’mezzi oħra finanzjarji, jgħinu lil dawk li jkunu jeħtieġu din l-għajnuna, b’mod partikolari l-missjunarji tagħna li qegħdin jaħdmu fit-Tielet Dinja u f’pajjiżi oħra foqra.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 374 - Awissu 2005

Nru. 374

AWISSU 2005

Il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum (num. 25) għandu għalina din it-twissija: “Jeħtieġ li l-kjeriċi kollha u l-ewwel is-saċerdoti u dawk kollha, bħad-djakni u l-katekisti, li jagħtu ruħhom leġittimament għax-xogħol tal-kelma, għandhom iżommu rwieħhom dejjem magħqudin ma’ l-Iskrittura permezz tal-qari qaddis ta’ spiss u ta’ studju tajjeb, li ma jsirx “predikatur fieragħ tal-kelma ta’ Alla minn barra, dak li ma jismagħhiex minn ġewwa”, fil-waqt li għandu jqassam lill-insara fdati lilu l-ġid bla tarf tal-kelma ta’ Alla, l-aktar fil-Liturġija Mqaddsa.”

Aħna s-saċerdoti, niġu ta’ spiss f’kuntatt mal-Bibbja, kemm fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija kemm ukoll fil-ħajja personali u privata spiritwali tagħna. Fil-waqt li hija ħaġa tajba li nkunu familjari mal-kotba ispirati, iżda ma għadniex inħallu li ċerta familjarità żejda tnaqqas fina r-rispett li għandu jkollna lejn il-kelma ta’ Alla jew li nikkontentaw biss b’konoxxenza superfiċjali tal-messaġġ tal-Bibbja. Għal kuntrarju, mill-qari tal-Kotba Mqaddsa għandna nfittxu li niksbu l-akbar profitt għall-ħajja spiritwali tagħna u minnhom niksbu wkoll għajnuna biex nitħeġġu iżjed fil-ħidmiet pastorali.

Nistgħu ngħidu li l-aqwa mument li fih aħna nistgħu niġu mdawlin bil-kliem ta’ l-Iskrittura, huwa propju dak tal-Quddiesa, għaliex fil-Liturġija tal-Kelma aħna naqraw jew nisimgħu l-qari ta’ siltiet mill-kotba tar-Rabta l-Qadima u tar-Rabta l-Ġdida. Speċjalment, il-qari tal-Vanġelu Mqaddes għandu jsaħħaħna fil-fidi fi Kristu u fl-imħabba tagħna lejh. Bħad-dixxipli ta’ Emmaus, jeħtieġ li aħna wkoll nkunu nistgħu ngħidu “Ma kienitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?“(Lq. 24,32). Għad li mhux l-ewwel darba li qegħdin insemmu l-omelija jixraq li nsemmuha wkoll f’dan il-kontest u nipprovaw nagħrfu dejjem aħjar ir-responsabiltà tagħna, li nippreparawha mill-aħjar li nistgħu, u nipprovaw inwasslu l-messaġġ tal-qari tal-Quddiesa lin-nies b’rispett kbir kemm lejn il-kelma ta’ Alla kif ukoll lejn is-semmiegħa.

Aħna ngħamlu użu mis-Salmi; f’diversi okkażżjonijiet liturġiċi, iżda l-iktar fil-Liturġija tas-Siegħat. Meta nirreċitaw jew inkantaw is-Salmi, m’għandniex ninsew li dawk huma wirt prezzjus li rċevejna mit-Tradizzjoni Ġudeo-Kristjana, huma talbiet mill-isbaħ li nqeda bihom Kristu stess; huma innu ta’ tifħir, ta’ radd il-ħajr lil Alla li ntennuh mhux biss aħna l-Kattoliċi, iżda wkoll l-Lhud li għadhom josservaw id-drawwiet reliġjużi tagħhom, kif ukoll l-insara ta’ denominazzjonijiet oħra. Is-Salmi għandhom isaħħu fina l-ispirtu u x-xewqa tal-ekumeniżmu u tad-djalogu inter-reliġjuż.

Fir-reċita tal-Brevjar, fil-Liturġija tal-Qari li aħna obbligati ngħidu ta’ kuljum jew privatament jew ma’ l-oħrajn, aħna nsibu siltiet sbieħ mill-kotba Mqaddsa tar-Rabta l-Qadima u tar-Rabta l-Ġdida. Jeħtieġ li mhux biss naqrawhom mingħajr għaġġla u bil-ġabra “degne, attente et devote” iżda wkoll li nipprovaw nifhmu l-messaġġ tagħhom. Għalhekk ikun xieraq li inkunu qrajna xi noti ta’ introduzzjoni, dwar il-ktieb li minnu jkunu meħuda dawk is-siltiet, per eżempju, l-ktieb ta’ l-Eżodu, jew tal-profeta Amos, eċċ. Noti bħal dawn kienu dehru fl-Atti tal-Kurja, minn numru 97(1988) san-numru 119(1991).

Il-qari tal-Bibbja, anki dak li ma nsibuhx fil-kotba liturġiċi jeħtieġ li jagħmel parti mill-meditazzjoni u l-lettura spiritwali tagħna. Ta min jirrikmanda ukoll il-Lectio Divina; “Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja ta’ dejjem; din tagħti xhieda għalija” (Ġw.5,39).

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 373 - Lulju 2005

Nru. 373

LULJU 2005

Matul il-ftit ġranet tal-vakanzi tiegħi f’Turin fl-Italja, stajt nagħmel xi riflessjoni dwar il-ħidma pastorali ta’ dik l-Arċidjoċesi, li naħseb li tistà tkun riflessjoni siewja, anki għall-membri tal-Kleru tagħna. Verament li bħal ħafna djoċesijiet oħra tad-dinja, anki f’Turin jinħassu ħafna ċerti problemi bħal dik tal-vokazzjonijiet saċerdotali, u l-għadd ta’ saċerdoti anzjani, fi proporzjon dejjem ikbar mal-Kleru żagħżugħ. Madanakollu, l-inizjattivi ma jonqsux u l-organizzazzjoni pastorali fiha ħafna aspetti tajbin, u ta’ min jimmitahom.

Ħaġa li mpressjonatni kien l-apostolat ma’ l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, skond l-ispirtu ta’ San Ġwann Bosco. Din il-ħidma tinkludi mhux biss postijiet tal-logħob u tar-rikreazzjoni, bħal ma huma l-grounds tal-football, iżda wkoll attivitajiet ta’ villeġġjatura għas-sajf u djar għall-kura tad-drogati.

Anki f’pajjiżna l-problemi taż-żgħażagħ ma humiex neqsin u jidhru li qegħdin jikbru wkoll, nistgħu nagħmlu iżjed għall-ġid spiritwali taż-żgħażagħ. Jeħtieġ li lkoll kemm aħna niftħu għajnejna għar-realtà tas-sitwazzjoni, u nipprovaw nifhmu xi kwalità ta’ ħajja qegħdin jgħixu ċerti żgħażagħ tagħna, rigward il-moralità u l-fidi tagħhom. Ikollna nammettu, li ħafna minnhom huma litteralment avvelenati minħabba pornografija ta’ kull għamla, promiskwità, permissività sesswali, drogi u l-eżempju ħażin tal-kbar, fostom xi drabi ukoll tal-ġenituri tagħhom. Jekk inħobbu l-Knisja Ommna u l-Art Twelidna ma nistgħux ma nkunux preokkupati b’sitwazzjoni bħal din u xi ħaġa, b’mod jew ieħor, irridu nagħmlu biex insalvaw iż-żgħażagħ tagħna.

Qabel xejn, jeħtieġ, li ma nagħmlu xejn li jista’ jgerrex liż-żgħażagħ mill-knisja u mil-Liturġija tagħha. Fl-opinjoni tiegħi, il-funzjonijiet twal iżżejjed jistgħu jkunu skuża biex ċerti nies jiddeżertaw il-knejjes. Hekk ukoll l-omelija u l-priedki mingħajr preparazzjoni adegwata u li jaqbżu l-limiti tal-ħin. Minn naħa l-oħra ma għandniex naħsbu li ser inġibu ħafna iktar żgħażagħ fil-knisja jekk noffrulhom il-mużika u s-songs tad-discos jew nipprovaw noħolqu fil-knisja ambjent bħal dak tal-lokali tad-divertiment, għax aħna bħala nies tal-Knisja ma nistgħux nikkompetu magħhom.

Biex inkunu iktar pożittivi, nixtieq nerġa nfakkar fir-rakkomandazzjonijiet li għamilt lis-saċerdoti fil-pastorali “Iż-|għażagħ” tad-9 ta’ Frar 1969, għax naħseb li dawk ir-rakkomandazzjonijiet għadhom validi(ara. Nikol Ġ. Cauchi, Il-Kelma tar-Ragħaj, Vol. I, Gozo 1974, 61-62).

1. Nipprovaw nitgħallmu aħjar il-psikoloġija taż-żgħażagħ, mhux biss b’mod ġeneriku, imma wkoll billi nistudjaw kif jirreaġixxu għal ċerti sitwazzjonijiet skond l-età, it-temperament u l-ambjent soċjali tagħhom.

2. Nieħdu iktar interess fl-inizjattivi li jsiru miż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ, bħalma huma inkjesti u attivitajiet kulturali u rikreattivi.

3. Fil-predikazzjoni tagħna, b’mod partikolari fl-omelija tal-Ħdud, kif ukoll fil-kuntatti personali li jkollna magħhom, infittxu li ngħidu kelma ta’ ġid li tolqot liż-żgħażagħ.

4. Jeħtieġ li nagħtu mportanza kbira lill-Qrar u d-direzzjoni spiritwali taż-żgħażagħ. Però “wieħed m’għandux jinsa li llum, ħafna drabi, l-iżbalji sesswali taż-żgħażagħ ikunu ġejjin minn diffikultajiet morali u fiżiċi, kif ukoll minn ċirkustanzi li tagħhom m’humiex padruni; mhux il-każ għalhekk li wieħed iċanfarhom iebes, imma li wieħed igħinhom b’atteġġjament kollu komprensjoni”(Ittra ta’ l-Isqfijiet Ġermaniżi (8 ta’ Novembru 1964) n.16).

5. Innisslu fihom ix-xewqa tat-Tqarbin magħmul bid-devozzjoni u regolarment, għax min tgħallem igħix bl-Ewkaristija għandu l-ħajja spiritwali garatita.

6. Fl-Ewkaristija flimkien mal-Qima sinċiera lejn il-Madonna, il-Qaddisin Appostli taż-żgħażagħ sabu mezzi l-iktar effikaċi għall-formazzjoni nisranija tagħhom.

7. Nikkultivaw b’mod speċjali dawk li għandhom kwalitajiet ta’ “leadership”, għax dawn jeħtieġ li jkunu appostli fost l-oħrajn.

8. Inpoġġulhom quddiem għajnejhom ideali sbieħ u nnisslu fihom konvinzjonijiet qawwija, hekk li huma jħossu l-kobor u s-sbuħija tal-Fidi mibnija fuq Kristu u l-kelma tiegħu.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 372 - Ġunju 2005

Nru. 372

ĠUNJU 2005

Fil-ktieb ta’ l-Apokalissi naqraw “Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom” (Apok. 7,17), u “Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel” (Apok. 21,4). Dan il-kliem jingħad għal dawk li daħlu fil-glorja tas-sema, iżda aħna l-bniedmin li ngħixu f’din l-art, hawn għandna esperjenza għal kollox differenti, għax maħkumin mit-tbatija u n-niket, fil-waqt li l-mewt iżżurna ta’ spiss u taħsad l-għeżież tagħna. Inkunu qegħdin ngħidu l-pura verita, meta nsejħu d-dinja li qegħdin ngħixu fiha: “dan il-wied tad-dmugħ.”

Iżda jekk fid-dinja hemm l’hemm u d-dmugħ, għax hemm ħafna bniedmin qegħdin ibatu, jeħtieġ ikun hemm bniedmin oħra li jtaffu t-tbatija ta’ l-oħrajn, ifarrġu lil min hu mġarrab u jixxotaw id-dmugħ ta’ min hu qalbu miġugħa. Din il-ħidma hija apostolat qaddis u opra ta’ ħniena li jistħoqqilha premju fis-sema. Difatti fost l-għemejjel tal-ħniena, hemm ukoll dawk li wieħed jagħti parir tajjeb lil ħosbenin u jfarraġ lill-imniktin.

Ma humiex nieqsin ċerti lajċi rġiel u nisa li jmiddu jdejjhom biex jagħtu din il-kwalità ta’ għajnuna lill-proxxmu tagħhom iżda mingħajr dubbju, is-saċerdot, fost l-impenji l-oħra li għandu, jiġi msejjaħ ta’ spiss sabiex ikun il-konsolatur ta’ dawk li huma mġarrbin b’xi għamla ta’ niket jew tribulazzjoni.

Bħala eżempju, nistgħa nsemmi xi okkażjonijiet li fihom tkun meħtieġa din l-għajnuna, bħal meta jintebaħ li hemm xi ħadd ħassu qalbu maqtugħa għal kollox jew ikun imnikket minħabba t-telfa ta’ xi ħadd mill-għeżież tiegħu.

Għan-nisrani hija dejjem meħtieġa l-virtù teologali tat-tama nisranija, iżda din hija meħtieġa wisq u wisq iktar meta xi ħadd, ma jkunx qed jara ħlief dalma madwaru. Xi drabi jkun biżżejjed li min hu fit-tribulazzjoni, ikun jaf li hemm xi bniedem ieħor li qiegħed jagħti każ tiegħu, li mhux imbiegħed minnu u li jista jiftaħ qalbu miegħu.

Jekk min ikollu xi sfortuna, ma jkunx nieqes mill-fidi, jista s-saċerdot jikkwotalu u jfissirlu xi sentenzi mill-Bibbja bħas-Salm 34,18-19; “Jgħajjtu l-ġusti għall-għajununa, u l-Mulej jismagħhom; mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija” u Ġwanni (14,1-2); “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqgħodu.”

Każ ieħor li fih hija meħtieġa l-opra ta’ konsolazzjoni, hija dik ta’ telfa ta’ xi persuna għażiża. Is-saċerdot jekk ikun possibbli; jieħu sehem fir-rit tal-funeral, u jwiegħed lil nies il-mejjet li huwa jibqa’ jiftakar fih fit-talb tiegħu. Jista jkun utli wkoll żjara lil-familja tal-mejjet biex jurihom li qiegħed jaqsam magħhom in-niket tagħhom. Jista jkun ukoll li xi drabi s-saċerdot, ikun jeħtieġlu jwieġeb għal ċerti domandi li jagħmlulu konessi mal-fidi u mar-Reliġjon nisranija bħal meta jistaqsu għaliex Alla jippermetti li jiġru id-diżgrazzi bħal dawn? Anki wara li jgħaddu xi ġranet mill-mewt, dawk li jkun mitilhom xi ħadd mill-familja, ikun jibqagħlhom bżonn ta’ “l-emotional support”. Mingħajr ma jwiegħed ħwejjeġ, li jaf li ma jistax jagħtihom jew jagħmilhom, is-saċerdot jagħmel ħiltu kollha biex bil-pariri tiegħu u b’kelma ta’ inkoraġġiment li jgħid meta tiġiħ l-okkażjoni, ikun ta’ appoġġ morali għal dawk li jeħtieġu din l-għajnuna.

B’dan il-mod is-saċerdot ikun jieħu sehem ma’ Kristu li ġie biex jaqdi u għadda jfejjaq u jagħmel il-ġid. Dan il-ministeru ta’ konsolazzjoni jiltaħaq ukoll biz-zjarat lill-morda u lix-xjuħ u bl-assistenza li nagħtu lil dawk li waslu bix iħallu din id-dinja.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 371 - Mejju 2005

Nru. 371

MEJJU 2005

Matul ix-xahar li għadda ġraw avvenimenti li żgur jibqgħu imfakkra fl-istorja tal-Knisja Universali u li minnhom joħorġu konsegwenzi mportanti ħafna, anki għall-Knisja lokali. Qiegħed nirreferixxi għall-mewt tal-mibki Papa Ġwanni Pawlu II fit-2 t’April 2005 u għall-għażla tal-Papa Benedittu XVI li ġrat fis-19 ta’ l-istess xahar..

Ikun superflwu li jiena hawnhekk nagħti dettalji bijografiċi dwar il-Papa l-ġdid għaliex ta’ dan ingħata “coverage” fl-istampa lokali. Iżda, żgur li huwa xieraq ħafna li kemm jista jkun, noqogħdu attenti biex insegwu t-tagħlim li jagħtina l-Papa Benedittu XVI, u dan mhux biss fil-pronunzjamenti tiegħu mindu sar Papa, iżda wkoll it-tagħlim u r-rakkomandazzjonijiet, li kien jagħti qabel ma tela’ fuq it-tron ta’ Pietru. Dan it-tagħlim siewi nistgħu nsibuh fil-kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-Kardinal Ratzinger, li fihom aħna nistgħu nammiraw l-għerf u d-dehen tiegħu, u nsibu wkoll gwida għaqlija għall-ħajja spiritwali u għall-pastorali tagħna.

Nixtieq għalhekk li nwasslilkom xi silta li sibt fil-ktieb tiegħu “The Spirit of the Liturgy” li naħseb fiha messaġġ utli ħafna għalina: “True liturgical education cannot consist in learning and experimenting with external activities. Instead one must be led toward the essential “actio” that makes the liturgy what it is, toward the transforming power of God, who wants, through what happens in the Liturgy, to transform us and the world. In this respect, liturgical education today, of both priests and laity, is deficient to a deplorable extent. Much remains to be done here” (Pagna 175)

Mill-kelmiet li kkwotajt jidher ċar kemm il-Papa attwali jinsisti fuq il-formazzjoni jew l-edukazzjoni liturġika kemm fil-presbiteri kif ukoll fil-lajċi. Id-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II ma naqsux li juruna l-ħtieġa kbira li s-saċerdoti jifhmu aħjar x’inhi l-Liturġija, jeżegwuha bil-qima u jgħallmuha ukoll lill-insara.

Difatti fil-Presbyterorum Ordinis n.5 naqraw “Il-prebiteri jfittxu li jitħarrġu sewwa fix-xjenza u fl-arti tal-liturġija ħalli bis-saħħa tal-ministeru liturġiku tagħhom il-komunitajiet ta’ nsara fdati f’idejhom ifaħħru dejjem aħjar lil Alla, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.”

Imbagħad fil-kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium n. 14, insibu “Fit-tiġdid u l-promozzjoni tal-Liturġija jeħtieġ li wieħed ifittex dan is-sehem sħiħ u ħaj tal-poplu: għax dan is-sehem hu l-ewwel għajn indispensabbli li minnha l-fidili jieħdu l-ispirtu tabilħaqq nisrani; u għalhekk ir-rgħajja ta’ l-erwieħ, fix-xogħol pastorali tagħhom, għandhom ifittxu li jkun hemm dan is-sehem bl-għajnuna tat-tagħlim meħtieġ. Iżda billi ħadd m’għandu jittama li dan jista’ jseħħ jekk ir-rgħajja nfushom ta’ l-erwieħ ma jkunux minn ta’ l-ewwel li jimtlew bl-ispirtu u l-qawwa tal-Liturġija u jsiru mgħallmin fiha, huwa għalhekk meħtieġ li qabel xejn, il-kleru jkollu tagħlim liturġiku.”

Rigward il-formazzjoni liturġika ta’ l-insara lajċi, il-kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium n.19 tgħid ukoll li “din il-formazzjoni għandha ssir skond l-età, il-kundizzjoni, l-għamla ta’ ħajja u l-livell ta’ kultura reliġjuża tagħhom. B’hekk ir-rgħajja jkunu qegħdin jaqdu wieħed mid-dmirijiet ewlenin ta’ min bil-fedeltà jgħaddi lill-oħrajn il-misteru ta’ Alla. Huma għandhom imexxu l-merħla tagħhom f’dawn il-ħwejjeġ mhux biss bil-kelma iżda wkoll bl-eżempju.”

Il-Liturġija mhux l-unika attività li għandna nwettqu aħna s-saċerdoti, iżda żgur li għandna nagħtuha ħafna importanza, u għandna nqisuha bħala għajn u għajnuna għall-ispiritwalità personali tagħna.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 370 - April 2005

Nru. 370

APRIL 2005

Meta jitkellem dwar ir-rispett li għandu jkollna bħala kattoliċi lejn il-Papa, is-Sinodu Djoċesan fl-artiklu 10 jgħid hekk: “Id-Djoċesi Għawdxija għandha mħabba filjali, l-ikbar rispett u ubbidjenza sħiħa kif ukoll titlob ta’ kuljum lil Alla għall-Papa “li mill-uffiċċju tiegħu, għandu setgħa mhux biss fuq il-Knisja Universali, iżda wkoll fuq kull waħda mill-knejjes partikolari” (kan.333 par.1). Għaldaqstant (a) L-insara kollha għandhom ifittxu li jkunu jafu u jwettqu l-kostituzzjonijiet u d-dokumenti l-oħra tal-Papa li jirrigwardaw il-fidi, il-kostumi u t-tmexxija tal-Knisja Universali. (b) Is-saċerdoti għandhom jaqraw u jimmeditaw l-Ittri Enċikliċi u d-dokumenti pontifiċji li jirrigwardaw il-kleru u l-poplu; dawk li għandhom il-kura ta’ l-erwieħ għandhom ifissruhom fil-knejjes b’mod li l-Insara jkunu jistgħu jifhmuhom.”

Issa li l-membri tal-Kleru Għawdxi, għandhom f’idejhom id-dokumenti reċenti li jirrigwardaw l-Ewkaristija, imissi jħossuh bħala dmir tagħhom li jiflu dawn id-dokumenti u josservaw bir-reqqa, id-direttivi li fihom. Hawn taħt qiegħed inressaq għall-attenzjoni tagħkom xi wħud minnhom meħudin mill-Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum, tal-25 ta’ Marzu 2004.

•    Iċ-ċelebrant, jeħtieġ li jkollu moħħu mistrieħ dwar il-ġenwinità tal-materja tal-Ewkaristrija, cioè l-ostja magħmula mill-qamħ u l-inbid mill-għeneb (48).
•    It-talba Ewkaristika għandha tiġi reċitata kollha kemm hi mis-saċerdot waħdu mhux mil-lajċi u għandha tkun waħda minn dawk li jinsabu fil-Missal Ruman jew li hija leġittimament approvata mis-Sede Appstolika (51-52).
•    Għandha titħares t-tradizzjoni antika li fit-talba Ewkaristika jissemma l-Isem tal-Papa u ta’ l-Isqof (56).
•    Meta t-tqarbin isir fl-idejn min jitqarben m’għandux jitħalla jitbiegħed u jġorr f’idu l-ispeċi ewkaristika (n.92). Għandu jinżamm l-użu tal-plattin, waqt it-Tqarbin tal-fidili (93). L-insara m’għandhomx jieħdu l-Ostja Mqaddsa huma stess u inqas jgħadduha lil xulxin.
•    Mhux permess li l-fidili li jitqarbnu, ibillu huma stess l-ostja fil-kalċi u l-anqas li jirċievu f’idejhom l-ostja mbilla (104).
•    Wara l-konsagrazzjoni, id-Demm ta’ Kristu m’għandu     qatt jiġi mferra minn kalċi għall-ieħor (106).
•    Rigward il-vażi sagri, huwa pprojbit l-użu ta’ kontenituri komuni, bħal ċestini sempliċi u tazzi tal-ħġieġ jew materjal fraġli (117).
•    Huwa abbuż li xi ħadd mill-ministri sagri jiċċelebra l-Quddiesa mingħajr l-ilbies sagru kif jippreskrivu l-kotba liturġiċi, jew bl-istola biss fuq it-tunika (126).
•    Ħadd ma jista’ jieħu l-Ewkaristija Mqaddsa, id-dar jew f’xi post ieħor mhux sagru, kontrarjament għan-normi tad-Drittu Kanoniku (132).
•    Fit-tqarbin tal-morda, għandu jiġi evitat in-nuqqas ta’ rispett lejn l-Ewkaristija u jiġi mħares ir-rit ta’ l-amministrazzjoni (133).

Dawn id-direttivi mogħtija bl-approvazzjoni ta’ l-Ogħla Awtorità tal-Knisja għandhom jiġu osservati bl-eżattezza mill-membri kollha tal-Kleru Djoċesan u Regolari.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex