Nru. 372
ĠUNJU 2005
Fil-ktieb ta’ l-Apokalissi naqraw “Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom” (Apok. 7,17), u “Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel” (Apok. 21,4). Dan il-kliem jingħad għal dawk li daħlu fil-glorja tas-sema, iżda aħna l-bniedmin li ngħixu f’din l-art, hawn għandna esperjenza għal kollox differenti, għax maħkumin mit-tbatija u n-niket, fil-waqt li l-mewt iżżurna ta’ spiss u taħsad l-għeżież tagħna. Inkunu qegħdin ngħidu l-pura verita, meta nsejħu d-dinja li qegħdin ngħixu fiha: “dan il-wied tad-dmugħ.”
Iżda jekk fid-dinja hemm l’hemm u d-dmugħ, għax hemm ħafna bniedmin qegħdin ibatu, jeħtieġ ikun hemm bniedmin oħra li jtaffu t-tbatija ta’ l-oħrajn, ifarrġu lil min hu mġarrab u jixxotaw id-dmugħ ta’ min hu qalbu miġugħa. Din il-ħidma hija apostolat qaddis u opra ta’ ħniena li jistħoqqilha premju fis-sema. Difatti fost l-għemejjel tal-ħniena, hemm ukoll dawk li wieħed jagħti parir tajjeb lil ħosbenin u jfarraġ lill-imniktin.
Ma humiex nieqsin ċerti lajċi rġiel u nisa li jmiddu jdejjhom biex jagħtu din il-kwalità ta’ għajnuna lill-proxxmu tagħhom iżda mingħajr dubbju, is-saċerdot, fost l-impenji l-oħra li għandu, jiġi msejjaħ ta’ spiss sabiex ikun il-konsolatur ta’ dawk li huma mġarrbin b’xi għamla ta’ niket jew tribulazzjoni.
Bħala eżempju, nistgħa nsemmi xi okkażjonijiet li fihom tkun meħtieġa din l-għajnuna, bħal meta jintebaħ li hemm xi ħadd ħassu qalbu maqtugħa għal kollox jew ikun imnikket minħabba t-telfa ta’ xi ħadd mill-għeżież tiegħu.
Għan-nisrani hija dejjem meħtieġa l-virtù teologali tat-tama nisranija, iżda din hija meħtieġa wisq u wisq iktar meta xi ħadd, ma jkunx qed jara ħlief dalma madwaru. Xi drabi jkun biżżejjed li min hu fit-tribulazzjoni, ikun jaf li hemm xi bniedem ieħor li qiegħed jagħti każ tiegħu, li mhux imbiegħed minnu u li jista jiftaħ qalbu miegħu.
Jekk min ikollu xi sfortuna, ma jkunx nieqes mill-fidi, jista s-saċerdot jikkwotalu u jfissirlu xi sentenzi mill-Bibbja bħas-Salm 34,18-19; “Jgħajjtu l-ġusti għall-għajununa, u l-Mulej jismagħhom; mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija” u Ġwanni (14,1-2); “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqgħodu.”
Każ ieħor li fih hija meħtieġa l-opra ta’ konsolazzjoni, hija dik ta’ telfa ta’ xi persuna għażiża. Is-saċerdot jekk ikun possibbli; jieħu sehem fir-rit tal-funeral, u jwiegħed lil nies il-mejjet li huwa jibqa’ jiftakar fih fit-talb tiegħu. Jista jkun utli wkoll żjara lil-familja tal-mejjet biex jurihom li qiegħed jaqsam magħhom in-niket tagħhom. Jista jkun ukoll li xi drabi s-saċerdot, ikun jeħtieġlu jwieġeb għal ċerti domandi li jagħmlulu konessi mal-fidi u mar-Reliġjon nisranija bħal meta jistaqsu għaliex Alla jippermetti li jiġru id-diżgrazzi bħal dawn? Anki wara li jgħaddu xi ġranet mill-mewt, dawk li jkun mitilhom xi ħadd mill-familja, ikun jibqagħlhom bżonn ta’ “l-emotional support”. Mingħajr ma jwiegħed ħwejjeġ, li jaf li ma jistax jagħtihom jew jagħmilhom, is-saċerdot jagħmel ħiltu kollha biex bil-pariri tiegħu u b’kelma ta’ inkoraġġiment li jgħid meta tiġiħ l-okkażjoni, ikun ta’ appoġġ morali għal dawk li jeħtieġu din l-għajnuna.
B’dan il-mod is-saċerdot ikun jieħu sehem ma’ Kristu li ġie biex jaqdi u għadda jfejjaq u jagħmel il-ġid. Dan il-ministeru ta’ konsolazzjoni jiltaħaq ukoll biz-zjarat lill-morda u lix-xjuħ u bl-assistenza li nagħtu lil dawk li waslu bix iħallu din id-dinja.
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex