Ad Clerum Nru 378 - Diċembru 2005

Nru. 378

  DIĊEMBRU 2005

Nixtieq qabel xejn inrodd ħajr lill-membri tal-Kleru għall-kooperazzjoni tagħhom biex ikun jista’ jsir iċ-ċensiment dwar l-attendenza tal-Quddies tal-Ħdud. Huwa ttamat, li l-konklużjonijiet li joħorġu minnu jkunu jistgħu jitfgħu xi dawl u jkunu ta’ siwi għall-ħidma pastorali f’pajjiżna.

Nixtieq imbagħad li nrodd ħajr lil Alla u lis-Sede Appostolika, li r-riżenja tiegħi ġiet aċċettata, u li minn hawn u ftit ieħor jitneħħa minn fuq spallejja l-piż tar-responsabbiltà pastorali tad-djoċesi.

Nistedinkom ukoll li tingħaqdu miegħi, sabiex nesprimi s-sentimenti tagħna ta’ gratitudni u ta’ radd il-ħajr, lejn Alla u lejn il-Vigarju ta’ Kristu, il-Papa Benedittu XVI, talli għoġobhom jipprovdu ragħaj spiritwali għad-djoċesi tagħna u bħala suċċessur tiegħi, saċerdot għaqli, żelanti u eżemplari, iben denn ta’ din il-gżira Għawdxija. Huwa dmir tagħna lkoll li nitolbu lil Alla biex jagħnih bil-grazzi tiegħu u jgħinu kontinwament fil-missjoni ġdida li għandu.

Huwa ovvju li din hija l-aħħar “Ad Clerum” li ser niktbilkom u ser tkun ukoll iqsar minn dawk tas-soltu.

Is-sentimenti tiegħi jinġabru fil-ġakolatorja qasira tal-Beatu Dun Ġorġ Preca “Grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli, Sinjur Alla.” Nirringrazzjah għall-grazzi kollha, kbar u żgħar li tani matul l-episkopat tiegħi. Nitolbu maħfra wkoll għall-ħtijiet u l-omissjonijiet tiegħi.

Ma’ dan, inħoss li għandi nżid ukoll kelma ta’ radd il-ħajr lilkom, għat-talb li offrejtu għalija, ta’ kuljum fil-Quddiesa, u f’diversi okkażjonijiet oħra, kif ukoll għall-kooperazzjoni tagħkom. Jiena nagħraf sewwa l-limitazzjonijiet tiegħi, u jista’ jkun li xi drabi ddiżappuntajt lil xi ħadd; ma jidhirlix li għamilt dan apposta jew b’fehma ħażina, imma xorta waħda nitlobkom taħfruli u tiskużaw nuqqasijieti.

Da parti tiegħi, inħossni obbligat li nibqtà nitlob għalikom u nipprova nkunilkom ta’ xi għajnuna, sa fejn u kif nista’.

Nagħlaq billi minn qalbi nawguralkom Milied Qaddis u Sena Ġdida mimlija bil-barka tal-Mulej.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex