Ad Clerum Nru 375 - Settembru 2005

Nru. 375

SETTEMBRU 2005

Peress li f’Ottubru, ix-xahar li ġej tiġi fi tmiemha s-Sena ta’ l-Ewkaristija, mnedija mill-mibki Papa Ġwani Pawlu II, jixraq li għal darba oħra nagħtu ħarsa lejn id-dmirijiet tagħna bħala Saċerdoti lejn l-Ewkaristija, u nimpenjaw ruħna sabiex mill-Ewkaristija niksbu frott spiritwali għalina u għall-poplu ta’ Alla, u fuq kollox il-karità nisranija. L-ewkaristija taqgħadna ma’ Ġesù li huwa r-Ras tal-Ġisem Mistiku, li tiegħu aħna membri; hija għalhekk għajn vera ta’ komunjoni u ta’ karità fraterna.

Difatti l-Ewkaristija hija s-sagrament tal-għaqda, iżda ma jistgħax ikun hemm vera għaqda mingħajr l-karità, li kif jgħidilna San Pawl (Rum 5,5) “issawbet fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li ġie mogħti lilna.” It-Tqarbin jgħaqqadna ma’ Kristu billi jsaħħaħ fina l-fidi fih u l-imħabba lejh. It-Tqarbin ikebbes u jżomm ħajja fina l-karità lejn il-proxxmu, u b’hekk jitrasforma gradwalment il-komunità tagħna, f’komunità fraterna. Iżda biex jinkiseb dan l-effett, jeħtieġ li t-Tqarbin ma jkunx magħmul bi drawwa, iżda bid-dispożizzjonijiet meħtieġa u b’xewqa kbira li nogħġbu lil Kristu, u nsiru dixxipli fidili tiegħu.

Għalina l-membri tal-Kleru, meta ngħidu “karità fraterna” nifhmu qabel xejn l-imħabba lejn ħutna fis-saċerdozju għaliex għad li skond il-kmandament ta’ Kristu, għandna nħobbu lil kulħadd, iżda għandna nħobbu iżjed lil min huwa iktar qrib lejna.

Ħafna drabi biex inwetqu kif imiss, dan id-dmir ta’ karità, hija meħtieġa doża mhix żgħira ta’ umiltà u manswetudni. Dawn it-tlieta li semmejna huma virtujiet evanġeliċi li Kristu għallimomna bl-eżempju u bi kliemu. Fi żminijietna, li fihom l-aggressività u l-vjolenza, saru komuni ħafna fis-soċjetà, tinħass iktar l-ħtieġa li d-dixxipli ta’ Kristu, jgħożżu l-manswetudni u jkunu ħaddiema għall-paċi. Il-Beatu Dun Ġorġ Prewca, kien ippublika librett dwar “Il-Manswetudni” u ried li jinqara mill-membri tas-Soċjetà Mużewmina, għall-inqas darba fis-sena, fis-26 ta’ Deċembru, festa ta’ San Stiefnu.

Madanakollu, ċerti espressjonijiet li naqraw jew nisimgħu llum huma nieqsin ħafna mill-karità u mill-manswetudni. Iżda l-karità barra aspett negattiv, għandha wkoll l-aspett pożitiv tagħha. Fi kliem ieħor mhux biżżejjed nevitaw d-dnubiet kbar u żgħar li jmorru kontra din il-virtù bħal ma huma l-għira, il-mibgħeda, l-kalunji eċċ, iżda jeħtieġ ukoll li nkunu pro-attivi, u l-imħabba lejn ħutna nuruwha wkoll bi kliemna, b’għemilna u bis-servizzi li nkunu lesti nagħtuhom lill-oħrajn.

Nixtieq għalhekk, ngħid kelma ta’ tifħir u ta ringrazzjament lil dawk is-saċerdoti, li jiftakru f’ħuthom is-saċerdoti l-oħra, li jżuruhom meta jkunu morda, kif ukoll lil dawk li bl-elemożina tal-Quddies, u b’mezzi oħra finanzjarji, jgħinu lil dawk li jkunu jeħtieġu din l-għajnuna, b’mod partikolari l-missjunarji tagħna li qegħdin jaħdmu fit-Tielet Dinja u f’pajjiżi oħra foqra.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex