Published on March 30, 2015
in Homilies.
Omelija fit-Tifkira Solenni ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 29 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
IL-PASSJONI TAD-DIXXIPLI TA’ ĠESÙ

Għalkemm il-Vanġelu ta’ San Mark jirrakkonta l-Passjoni ta’ Ġesù, nistgħu ngħidu li l-istess evanġelista qed jikteb ukoll il-passjoni tad-dixxipli ta’ Ġesù.
Fil-fatt, San Mark jikteb il-vanġelu tiegħu madwar is-sena 70 WK, ftit wara li kien hemm il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Dan ifisser li fi ħdan il-ġemgħa Nisranija kien hemm dawk li għaddew mit-taħbit il-kbir; oħrajn raw lil ħuthom, qrabthom u ħbiebhom jinqatlu; oħrajn għejew fil-mixja tagħhom wara Kristu; u oħrajn kienu telqu mill-Knisja. Kien hemm ukoll dawk li kienu “ħarġu” mill-komunità imma issa xtaqu jerġgħu jidħlu fiha. San Mark jikteb il-vanġelu tiegħu f’dan ix-xenarju. Konxju minn din il-passjoni umana, bl-għan li jkebbes il-qlub għajjiena u joffri motivazzjonijiet qawwija lil dawk li xtaqu jimxu wara Kristu, huwa jirrakkonta l-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù – għax meta nirriflettu fuq il-Kurċifiss, ma nistgħux ma nintebħux kemm hija kbira l-imħabba u l-miżerikordja li Alla jirriserva għalina! Quddiem Alla msallab kif nistgħu nibqgħu noffru reżistenza? Continue reading >>
Published on March 30, 2015
in Homilies.
Omelija fil-Festa Devozzjonali ta’ Marija Addolorata
Knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
MARIJA ADDOLORATA: BASTUN GĦAD-DIXXIPLU L-MAĦBUB

Ilkoll kemm aħna nistgħu nidentifikaw ruħna mad-“dixxiplu l-maħbub” tal-Vanġelu li naqraw kif kien taħt is-Salib isieħeb lill-Omm Addolorata. Dan ukoll kien għaddej minn dulur indeskrivibbli jara l-proġetti tiegħu jsiru duħħan. Hu xtaq kieku seta’ jibqa’ qrib ta’ Ġesù hekk li jmidd rasu fuq sidru bħal darba, imma issa l-possibbiltà li jikkomunika ma’ Ġesù għebet. Dan id-dixxiplu baqa’ hemm taħt is-Salib, mitluq anki mill-istess ħbiebu li għosfru malli raw it-tbatija. Min jaf kemm għaddewlu dubji dwar Alla u xi kriżi ta’ fidi kellu! Alla, hekk għani fil-ħniena, kif ma għamilx xi intervent biex jeħles lil Ibnu minn din il-mewt kiefra? Mela fejn hi l-miżerikordja tiegħu? Continue reading >>
Aqra l-Bullettin minn hawn:

Fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata mxandra fil-Knisja kollha, il-Via Crucis Djoċesana li nżammet f’Għawdex nhar il-Ħadd filgħaxija, 22 ta’ Marzu, kellha xejra differenti minn tas-soltu, hekk kif il-meditazzjonijiet ġew imħejjija minn persuni ta’ ħajja kkonsagrata - kemm Reliġjużi kif ukoll Lajċi kkonsagrati - li għandhom l-istituti tagħhom fid-Djoċesi Għawdxija. Il-Via Sagra, fuq l-Għolja ta’ Għammar quddiem is-Santwarju Ta’ Pinu, tmexxiet mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, u għaliha attendew bosta saċerdoti, reliġjużi u lajċi mill-komunitajiet parrokkjali kollha Għawdxin.

L-erbatax-il meditazzjoni u talbiet tal-istazzjonijiet Bibliċi tat-Triq tas-Salib li jinsabu mat-telgħa Ta’ Għammar, imdawla apposta għall-okkażjoni, kienu miktuba mis-Sorijiet Klarissi, il-Patrijiet Franġiskani Minuri, is-Sorijiet Dumnikani, il-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Patrijiet Franġiskani Konventwali, is-Sorijiet Ulied Marija Awżiljatriċi, il-Patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, is-Sorijiet Agostinjani, il-Patrijiet Agostinjani, is-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Giovanna Antida Thouret, il-Patrijiet Ġiżwiti, is-Sorijiet Karmelitani, l-Ispigolatriċi, l-Anawim u l-Verġni Kkonsagrati tal-Ordni tal-Verġni. Kienu preżenti wkoll membri tal-Istituti tal-Volontarji ta’ Don Bosco, Piccola Famiglia Francescana u l-Istitut Saċerdotali Sekulari Apostolici Sodales, li ma kitbux meditazzjonijiet. Dawn kollha għandhom preżenza fid-Djoċesi ċkejkna ta’ Għawdex. Continue reading >>
Published on March 26, 2015
in Messages.
Messaġġ tal-Isqof Mario Grech
Nifraħ lill-OASI għall-attività li tellgħet nħar il-Ħadd li għadda b’riżq il-familji tagħna. Fil-messaġġ tiegħi għamilt appell biex illum, meta ħadd ma għandu ħin għal ħadd, tkun ħaġa sabiħa li l-familja tagħmel il-ħin għaliha. Meta tgħaddi l-ħin flimkien, il-familja tapprezza d-djalogu, l-ikel, ir-rikreazzjoni, it-talb, u l-bqija. Importanti li l-ekonomija ma tisraqx il-ħin tal-familja. Huwa minnu li l-ħin jiswa l-flus; imma l-esperjenza tixhed li meta l-familja ssagrifikat il-ħin tagħha, il-ġerħat li ġarrbet ġew jiswewlha ħafna aktar.
Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Għawdex qalbet għall-Malti ktejjeb ta’ talb li l-Papa Franġisku kien qassam lill-familji fi Pjazza San Pietru f’Diċembru li għadda.
Min jixtieq jixtri xi kopji jista’ jikteb email fuq info@sangorg.org.
Niżżel kopja pdf tal-ktieb minn hawn: ktieb-talb-papa-frangisku.pdf
Niżżel kopja tan-Newsheet minn hawn:
newsheet-april-2015.pdf
Published on March 21, 2015
in Homilies.
Omelija fis-Solennità ta’ San Ġużepp
Knisja Arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala
Il-Ħamis 19 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
ALLA TAS-SORPRIŻI

Il-familjarità hija sabiħa; imma familjarità żejda taf iġġib magħha l-kunfidenza u l-abbuż. Dan jista’ jiġri bejn il-ħbieb, fil-familja, fil-Knisja u saħansitra fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Kunfidenza ta’ din ix-xorta ma tagħmilx ġid. Huwa possibbli li tant inkunu kunfidenti fir-rigward ta’ Alla illi nħossuna ċertissmi fil-konfront tiegħu. Fil-fatt spiss jiġri li billi aħna “minn ta’ ġewwa”, ma narawx il-ħtieġa li nkomplu napprofondixxu l-għarfien tagħna ta’ Alla. Xi wħud huma konvinti li lil Alla jafuh sewwa. Xi kultant naħsbu li l-kunċetti li għandna fit-teoloġija tant jesprimu min hu Alla u xi jrid Alla, illi ma nirrealizzawx li bħal kull realtà oħra umana, dawn il-kunċetti u l-formuli huma limitati biex jesprimu l-misteru ta’ Alla. Hemm ir-riskju li lil Alla nagħlquh f’sistema jew kaxxa u ma nippermettux li r-riflessjoni dwar Alla taqbeż ’il barra mil-linji stabbiliti ta’ din is-sistema jew kaxxa. Oħrajn jidhrilhom li n-normi u regoli li ġew ifformulati maż-żmien mill-bnedmin huma rifless perfett tal-ordni mwaqqaf minn Alla u muri lilna minn Ġesù Kristu; konsegwenza ta’ dan, kull tikka fil-kodiċi hija sagra u ma tistax tintmess.
Ma nafx kif ma nintebħux li b’din l-attitudni, fejn irridu li Alla jaġixxi skont l-iskemi preċiżi tagħna, aħna nkunu qegħdin nikkundizzjonaw lil Alla u nillimitaw l-azzjoni tiegħu. Ma nindunawx li meta naslu biex ngħidu li fhimna lil Alla, Alla ma jibqax Alla imma jsir alla skont il-qies u l-karatteristiċi li niffissaw aħna. Continue reading >>