Iċċelebrata l-festa devozzjonali tad-Duluri

Omelija fil-Festa Devozzjonali ta’ Marija Addolorata
Knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MARIJA ADDOLORATA: BASTUN GĦAD-DIXXIPLU L-MAĦBUB

 

duluri-2015.jpg

Ilkoll kemm aħna nistgħu nidentifikaw ruħna mad-“dixxiplu l-maħbub” tal-Vanġelu li naqraw kif kien taħt is-Salib isieħeb lill-Omm Addolorata.  Dan ukoll kien għaddej minn dulur indeskrivibbli jara l-proġetti tiegħu jsiru duħħan.  Hu xtaq kieku seta’ jibqa’ qrib ta’ Ġesù hekk li jmidd rasu fuq sidru bħal darba, imma issa l-possibbiltà li jikkomunika ma’ Ġesù għebet.  Dan id-dixxiplu baqa’ hemm taħt is-Salib, mitluq anki mill-istess ħbiebu li għosfru malli raw it-tbatija.  Min jaf kemm għaddewlu dubji dwar Alla u xi kriżi ta’ fidi kellu!  Alla, hekk għani fil-ħniena, kif ma għamilx xi intervent biex jeħles lil Ibnu minn din il-mewt kiefra?  Mela fejn hi l-miżerikordja tiegħu? 

Ma nafx jekk intomx bħali, imma bosta drabi jiena nsibni fiż-żarbun tad-dixxiplu l-maħbub.  Anki aħna dixxipli maħbubin ta’ Ġesù, u bħalu ngħaddu minn dawn it-tensjonijiet.  Min jaf kemm dubji, anki tal-fidi stess, wara li tant ħolm u pjanijiet jisfrattawlna fil-ħajja – proġetti li nixtiequ nwasslu sal-port imma nsibuhom saru duħħan!  Fost dawn insemmi li dawk li jidħlu għall-proġett taż-żwieġ u l-familja u minkejja li jkunu jixtiequ jirnexxu, għal xi raġuni jew oħra  (mard, nuqqas ta’ ftehim, infedeltà, jew oħrajn) kollox isirilhom suf.  Min jaf kemm solitudni fis-soċjetà tagħna – persuni li huma mdawra b’ħafna nies, imqar fil-familja, imma jħossuhom waħidhom għalkollox!  Min jaf kemm hawn nies li jixtiequ jmiddu rashom fuq sider Ġesù u “jikkomunikaw”, imma ma jistgħux!  Xi drabi fil-ħajja nkunu sħaħ qisna sur u xi drabi qisna dudu tal-art.  Fejn hi l-ħniena u l-miżerikordja ta’ Alla?

Hawn inġibu quddiem għajnejna lil Ġesù li minn fuq is-Salib idur fuq dan id-dixxiplu l-maħbub – għalhekk fuqna lkoll – u jgħidlu: “Hawn hi Ommok”.  Nistħajluh jgħidlu: “Għalkemm għaddej minn dan it-taħwid kollu ġo moħħok u qalbek, jien nafdak lil Ommi Addolorata”.  Veru li r-rakkont tal-Passjoni jgħidilna kif ma’ mewt Kristu waqgħet dalma kbira fuq Ġerusalemm kollha, imma mqar f’din id-dalma kien hemm fanal wieħed jixgħel: il-Verġni Marija!  Jekk id-dixxipli l-oħra ħasbu li mewt l-Imgħallem kienet it-tmiem ta’ kollox, Marija hi l-mara li ttamat kontra kull tama, għax żammet f’qalbha kliemu dwar il-Qawmien u emmnet bla qatt ġieha dubju li Alla hu għani fil-ħniena u kollu mħabba.

Qalb din id-dalma ta’ dubji u beżgħat tagħna, illum aħna nisimgħu lil Kristu jgħidilna mis-Salib: “Hawn hi Ommkom” – hi torċa tixgħel u tkeċċi l-qtigħ il-qalb tagħna.  Ġesù jdur ukoll fuq Marija u jgħidilha: “Dan hu ibnek”, bħallikieku jrid ifakkarha: “Ħu ħsiebu u ħaddnu miegħek biex jegħleb id-dubji tiegħu u ma jċedix”.  Itennilha li aħna ma aħniex anġli, imma bnedmin li ngħaddu mill-wied tad-dmugħ tad-dinja!

Illum, festa tad-Duluri, jien inġorr f’qalbi dawn il-persuni kollha li qatgħu qalbhom mill-ħajja, li qed iġorru kull xorta ta’ salib, jew għaddejjin minn kriżi ta’ saħħa, tal-familja u ta’ fidi.  Indur lejn id-Duluri u ngħidilha: “Verġni Addolorata, dawn uliedek!  Int li waqaft taħt is-Salib, agħmel li ħadd minna ma jitgħaffeġ taħt is-salib tal-ħajja u jibqa’ mgħattan mal-art.  Agħtina ftit mid-dawl li lilek żammek wieqfa!  Fakkarna li Alla huwa tassew imħabba u miżerikordja”.

Marija tassew batiet tara lil Binha jmut, imma l-ikbar dulur tagħha jkun meta Kristu jagħtina lilha biex isseħibna u tkun bastun fil-pellegrinaġġ ta’ ħajjitna, u aħna nsoddu widnejna għal din il-proposta tiegħu.  Nitolbu biex flimkien nitfgħu ħarsitna fuq din Ommna ħa tgħinna nimxu t-triq kollha tad-dulur tagħna.