Omelija fis-Solennità ta’ San Ġużepp
Knisja Arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala
Il-Ħamis 19 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
ALLA TAS-SORPRIŻI
Il-familjarità hija sabiħa; imma familjarità żejda taf iġġib magħha l-kunfidenza u l-abbuż. Dan jista’ jiġri bejn il-ħbieb, fil-familja, fil-Knisja u saħansitra fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Kunfidenza ta’ din ix-xorta ma tagħmilx ġid. Huwa possibbli li tant inkunu kunfidenti fir-rigward ta’ Alla illi nħossuna ċertissmi fil-konfront tiegħu. Fil-fatt spiss jiġri li billi aħna “minn ta’ ġewwa”, ma narawx il-ħtieġa li nkomplu napprofondixxu l-għarfien tagħna ta’ Alla. Xi wħud huma konvinti li lil Alla jafuh sewwa. Xi kultant naħsbu li l-kunċetti li għandna fit-teoloġija tant jesprimu min hu Alla u xi jrid Alla, illi ma nirrealizzawx li bħal kull realtà oħra umana, dawn il-kunċetti u l-formuli huma limitati biex jesprimu l-misteru ta’ Alla. Hemm ir-riskju li lil Alla nagħlquh f’sistema jew kaxxa u ma nippermettux li r-riflessjoni dwar Alla taqbeż ’il barra mil-linji stabbiliti ta’ din is-sistema jew kaxxa. Oħrajn jidhrilhom li n-normi u regoli li ġew ifformulati maż-żmien mill-bnedmin huma rifless perfett tal-ordni mwaqqaf minn Alla u muri lilna minn Ġesù Kristu; konsegwenza ta’ dan, kull tikka fil-kodiċi hija sagra u ma tistax tintmess.
Ma nafx kif ma nintebħux li b’din l-attitudni, fejn irridu li Alla jaġixxi skont l-iskemi preċiżi tagħna, aħna nkunu qegħdin nikkundizzjonaw lil Alla u nillimitaw l-azzjoni tiegħu. Ma nindunawx li meta naslu biex ngħidu li fhimna lil Alla, Alla ma jibqax Alla imma jsir alla skont il-qies u l-karatteristiċi li niffissaw aħna.
Dan kollu jseħħ meta ninsew li Alla tagħna huwa Alla tas-sorpriżi! Għaliex huwa ħaj u attiv fl-istorja, Alla ta’ Ġesù Kristu qatt ma jiqdiem, għadu jaħdem u jibqa’ jġedded il-wiċċ tal-art sakemm il-Mulej Ġesù jidher fil-glorja. Jekk l-għarfien miksub dwar Alla, il-formulazzjoni tad-duttrina u r-regoli stabbiliti ma jgħinuniex niltaqgħu ma’ Kristu l-Feddej, allura llum dawn saru “ittra mejta”. Għalhekk huwa Alla li għandu ħwejjeġ u għemejjel ġodda li jissorprenduna. Ma għandniex nibżgħu minn dawn is-sorpriżi, għaliex għalkemm joffru esperjenza friska tal-Ispirtu, jikkonfermaw verità antika u dejjem ġdida: li Alla huwa mħabba u mogħdrija.
Ċerti episodji fil-ħajja ta’ San Ġużepp jikxfulna li dan ma kienx miftuħ biżżejjed għas-sorpriżi ta’ Alla. Fil-fatt Ġużeppi tħawwad meta tħawwadlu l-programm ta’ ħajtu. Bħall-koppji kollha, Ġużeppi kellu proġett: ħa lil Marija b’martu biex flimkien magħha jifforma l-familja tiegħu. Imma l-mastrudaxxa ta’ Nazareth skopra li martu kienet qed tistenna tarbija li ma kinitx tiegħu. Meta sab ruħu f’dik il-qagħda xejn normali u tant diżastruża, Ġużeppi tant infixel li, ta’ bniedem li kien, ipprova jsib soluzzjoni. Huwa kien lest li jtellaq lil Marija baxx baxx biex in-nies ma tindunax.
Xejn ma nistagħġeb li Ġużeppi ġab ruħu hekk, għax probabbli l-istess nagħmel jien u tagħmel inti meta l-pjanijiet tagħna jitħarbtulna, meta nsibu ruħna f’qagħdiet problematiċi – sitwazzjonijiet li ma jkunux fil-linja tan-normalità! Ninfixlu u ma nintebħux b’dak li mbagħad sar jaf Ġużeppi. Ġużeppi ntebaħ li f’dan ix-xenarju mudlam, Alla kien preżenti – Alla kellu sorpriża għalih! Alla kien hemm f’dak li għal Ġużeppi deher bħala l-baħħ ta’ Alla; dak li f’ras Ġużeppi kien għajb, kemm quddiem il-bnedmin u kemm quddiem Alla, għal Alla kien opportunità biex jagħmillu żjara straordinarja: billi Marija nisslet u wildet lil Ġesù, Iben Alla. Dawn huma s-sorpriżi ta’ Alla li ħafna drabi jaħarbulna għax insibuha bi tqila biex inniżżluha li Alla kapaċi joħroġ il-ward mix-xewk. Iva, ma nistgħux neskludu li anki f’kull xorta ta’ tagħwiġ fil-ħajja u fejn hemm xewk iniggeż, jaf ikun hemm is-sorpriża ta’ Alla. Dan qed ngħidu għal kull wieħed u waħda minna, għax f’kull familja hemm xi ftit jew wisq imbarazz – ħafna familji jaraw il-proġetti ta’ ħajjithom itiru mar-riħ. Ma naqtgħux qalbna, għax Alla jaf jikteb dritt fuq linji mgħawġin. Jista’ jkun li f’dik il-persuna, relazzjoni jew sitwazzjoni li f’għajnejna tidher mhix normali jew hija umanament u spiritwalment ta’ għajb, Alla għandu moħbija xi sorpriża.
Fil-Vanġelu naqraw li l-anġlu lil Ġużeppi jagħmillu l-qalb u jgħidlu biex ma jibżax, għax għalkemm l-affarijiet dehru misrumin, dak li seħħ f’Marija “ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu”. Fi kliem ieħor l-anġlu qed jgħid lil Ġużeppi: “Inti raġel tajjeb, imma toħnoqx l-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla… inti raġel ġust, imma nfetaħ għas-sorpriżi ta’ Alla”. Dak li l-anġlu jwassal lil Ġużeppi nixtieqkom tgħiduh lili (għax jien ukoll ġieli nsib ruħi f’mumenti tqal) u jien intennih lilkom. Hija kemm hi iebsa l-ħajja, huma kemm huma gravi s-sitwazzjonijiet li tinsabu fihom, agħmlu kuraġġ u iftħu beraħ għajnejkom għas-sorpriżi ta’ Alla.
Is-sorpriżi li Alla rriserva għal Ġużeppi ma kinux imlibbsa b’libsa straordinarja u anqas ma kienu jikkonsistu f’xi manifestazzjoni ta’ barra minn hawn. Għall-kuntrarju, kellhom dehra ordinarja: tnisslet il-ħajja f’Marija, twieldet tarbija ċkejkna, fqira u dgħajfa. Għalhekk, jekk aħna rridu nintebħu bis-sorpriżi ta’ Alla, ma nfittxuhomx fi ħwejjeġ jew esperjenzi kbar u tal-għaġeb; pjuttost Alla jissorprendina f’dak li huwa komuni fil-ħajja, fi ġrajjiet sempliċi u f’dawk l-esperjenzi li jirriflettu l-faqar u l-vulnerabbiltà affettiva, relazzjonali u spiritwali tagħna.
Imma biex ma jiġrilniex li Alla jgħaddi minn ħdejna u ma nindunawx biH, jew biex ma ninterpretawx b’sorpriża ta’ Alla dak li mhuwiex, importanti li bħal San Ġużepp inkunu sinċieri. Għax jekk ma nkunux ġenwini u korretti, mhux biss inqarrqu b’dawk ta’ madwarna, imma nikkonvinċu ruħna li mingħalina qegħdin ngħaddu ż-żmien b’Alla. Biex l-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla fina tagħmel il-frott, bħal Ġużeppi jrid ikollna qalb safja li tfittex b’sens qawwi ta’ lealtà lejn Alla.
Barra minn hekk, Ġużeppi kellu bżonn l-għajnuna tal-anġlu biex seta’ jagħraf is-sorpriża li Alla kellu għalih moħbija fl-imbarazz tal-ħajja u hekk ikompli t-triq ta’ ħajtu. Biex ma nitilfux dawn id-doni li qed jagħtina Alla, aħna wkoll għandna bżonn min jgħinna fid-dixxerniment; aktar ma s-sitwazzjoni tkun imqallba, aktar neħtieġu l-akkumpanjatur biex flimkien naslu ħalli nindunaw fejn hija l-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla. Huwa dmir ukoll tal-komunità ekkleżjali nfisha li takkumpanja f’dan id-dixxerniment kollettiv billi bħala komunità li “timxi flimkien”, hija tressaq l-esperjenza umana quddiem Alla, tistħarreġ x’inhu jgħid Alla llum f’dawn is-sitwazzjonijiet, biex tipprovdi l-għajnuna ħalli lkoll nimxu t-triq li twassal għand Kristu.