- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Tibda l-Ġimgħa Mqaddsa

Posted By admin On March 30, 2015 @ 9:35 am In Homilies | Comments Disabled

Omelija fit-Tifkira Solenni ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 29 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-PASSJONI TAD-DIXXIPLI TA’ ĠESÙ

[1] hadd-il-palm-2015.jpg

Għalkemm il-Vanġelu ta’ San Mark jirrakkonta l-Passjoni ta’ Ġesù, nistgħu ngħidu li l-istess evanġelista qed jikteb ukoll il-passjoni tad-dixxipli ta’ Ġesù.

Fil-fatt, San Mark jikteb il-vanġelu tiegħu madwar is-sena 70 WK, ftit wara li kien hemm il-persekuzzjoni ta’ Neruni.  Dan ifisser li fi ħdan il-ġemgħa Nisranija kien hemm dawk li għaddew mit-taħbit il-kbir; oħrajn raw lil ħuthom, qrabthom u ħbiebhom jinqatlu; oħrajn għejew fil-mixja tagħhom wara Kristu; u oħrajn kienu telqu mill-Knisja.  Kien hemm ukoll dawk li kienu “ħarġu” mill-komunità imma issa xtaqu jerġgħu jidħlu fiha.  San Mark jikteb il-vanġelu tiegħu f’dan ix-xenarju.  Konxju minn din il-passjoni umana, bl-għan li jkebbes il-qlub għajjiena u joffri motivazzjonijiet qawwija lil dawk li xtaqu jimxu wara Kristu, huwa jirrakkonta l-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù – għax meta nirriflettu fuq il-Kurċifiss, ma nistgħux ma nintebħux kemm hija kbira l-imħabba u l-miżerikordja li Alla jirriserva għalina!  Quddiem Alla msallab kif nistgħu nibqgħu noffru reżistenza?

Is-sitwazzjoni tagħna llum mhix differenti.  Huwa fatt li kulma jmur il-ġemgħa ekkleżjali qiegħda tiċkien.  L-għadd fqir ta’ dawk li qed jipparteċipaw f’din il-liturġija dalgħodu huwa indikattiv.  Huwa minnu li llum ħafna jmorru għall-Quddiesa, imma ftit japprezzaw li l-purċissjoni li għadna kif għamilna bil-friegħi taż-żebbuġ biex infakkru d-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm hija l-aqwa purċissjoni liturġika li għandna.  Maż-żmien ħloqna ħafna pageants u ttraskurajna l-purċissjoni vera!  Kemm ħlejna (u għadna naħlu) enerġiji biex żgurajna li jkollna reliġjożità imma battala mill-essenzjal evanġeliku!  Imlejna l-knejjes tagħna b’persunaġġi tal-injam u tal-kartapesta u ma tajniex kas li fl-istess waqt l-istess awli liturġiċi kienu qed jitbattlu min-nies!

Illum ukoll għandna Nsara li b’mod jew ieħor qed jigu ssuttati minħabba twemminhom.  Għandna lil dawk li qed jegħjew fil-pellegrinaġġ tal-fidi.  Hemm dawk li għal xi raġuni jew oħra telquna.  Imbagħad hemm ukoll dawk li ħarġu (jew ġew murija l-bieb ta’ barra) u jixtiequ jerġgħu jidħlu u jkunu membri sħaħ tal-komunità Nisranija, imma hemm min mhux biss ma jridx ibexxqilhom il-bieb, imma lanqas biss irid jittollerahom.

Quddiem dan il-kwadru, nagħmel appell biex matul din il-Ġimgħa Mqaddsa nħallu lil Ġesù fuq is-Salib imissilna qalbna u jimlihielna bl-imħabba u l-miżerikordja tiegħu, kemm biex aħna stess nibqgħu nittamaw kontra kull tama, u kemm biex inkunu aktar lesti li ndewqu din l-imħabba u l-miżerikordja divina lil dawk li huma mxennqin għalihom.

Dawn huma l-linji-gwida li bħala Ragħaj inħoss li għandi nagħti lill-Poplu ta’ Alla għal din il-Ġimgħa Mqaddsa: li ninfetħu għall-Bxara t-tajba li bil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu, Ġesù qed jgħaddilna.  Fiha niskopru dawk il-motivazzjonijiet li neħtieġu biex min hu għaddej mit-tbatija, jibqa’ sħiħ; min hu spiritwalment għajjien, jerġa’ jiġġenera l-enerġija li għandu bżonn; dawk li telqu, jiskopru s-seħer tal-ġmiel ta’ Kristu msallab; u dawk li ħarġu imma jixtiequ jirritornaw, fil-Knisja jsibu lil min jilqagħhom u jgħinhom isibu posthom.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/03/30/tibda-l-gimgha-mqaddsa/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/03/hadd-il-palm-2015.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.