Archive for September, 2009

Komunikat dwar attività u messaġġi tal-Isqof Grech fil-Brażil

 

Dalgħodu, it-Tlieta 29 ta’ Settembru 2009, l-Isqof Mario Grech għamel żjara ta’ kortesija lill-Kardinal Geraldo Majela Agnelo, Arċisqof tad-Djoċesi ta’ Salvador f’Bahia [Brażil]. Il-Kardinal Majela Agnelo għandu konnessjoni mad-Djoċesi t’Għawdex. Huwa żar Għawdex għall-ewwel darba fl-1973 u kien Għawdex għall-festa ta’ San Pawl li saret fil-Munxar fi Frar ta’ din is-sena. Il-Kardinal Majela għamel żmien bħala Arċisqof ta’ Londrina fejn hemm jaħdmu għadd ta’ saċerdoti Maltin u Għawdxin. Fil-laqgħa mal-Isqof Grech, il-Kardinal Majela Agnelo kellu kliem ta’ apprezzament għall-ispirtu missjunarju li hemm fil-Knisja f’pajjiżna.

L-Isqof Mario Grech il-bierah qiegħed l-ewwel ġebla ta’ Ċentru Pastorali li ser jinbena fuq inizjattiva ta’ Dun Alex Cauchi, kappillan tal-parroċċa ddedikata lill-Madonna tad-Dawl f’Parapatinga fin-Nord Est tal-Brazil. Fl-omelija li għamel waqt quddiesa li saret f’din l-okkażjoni, l-Isqof Grech fisser l-importanza ta’ dawn iċ-Ċentri għall-ħajja tal-komunità ekkleżjali. Iċ-Ċentri Pastorali jservu ta’ skola fejn diversi kategoriji fi ħdan il-komunità parrokkjali jiltaqgħu biex jiksbu formazzjoni umana u Nisranija, u hekk il-poplu t’Alla jkompli jinbena bħala tempju ħaj t’Alla. Kull persuna tagħmel parti minn din il-binja u ebda ġebla, anke jekk tkun imxellfa, qatt ma għandha tiġi skartata. L-Isqof Mario faħħar lil Dun Alex Cauchi, missjunarju mill-Għarb li ilu fil-missjoni għal dawn l-aħħar 14-il sena, għall-ħidma siewja li wettaq u għadu jwettaq biex jibni l-Knisja ta’ Kristu fil-Brażil!

Continue reading >>

Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċċi - Ottubru 2009

logonewsheet.jpg 

Niżżel n-newsheet ta’ Ottubru minn hawn

MONS ISQOF MARIO GRECH IKOMPLI BIŻ-ŻJARA PASTORALI TIEGĦU FIL-BRAŻIL

    Mons. Isqof Mario Grech kompla biż-żjara pastorali tiegħu fil-Brażil. Mill-belt ta´ Londrina fl-istat tal-Paranà kien imiss iżur lill-missjunarji fl-istat ta´ Alogoas. Fl-Arċidjoċesi ta´ Maceiò hemm tliet saċerdoti Għawdxin li ilhom ´l fuq minn 15-il sena fuq ħidma f´diversi parroċċi. Dawn huma Dun Jimmy Xerri li qiegħed fil-belt ta´ Messias, Dun Salv Vella f Cha di Giacheria u Dun Alex Cauchi f Japaringa. Fil-parroċċa ta’ Dun Salv Vella Mons Isqof mexxa funzjoni tal-Ewwel Tqarbina lil iktar minn 120 tfal. L-għada Mons Isqof amministra s-sagrament tal-griżma tal-Isqof lil 70 adolexxenti. Dawn il-funzjonijiet kienu mumenti ta’ ċelebrazzjonijiet kbar bil-parteċipazzjoni tal-miġemgħa u kant u ġesti liturgiċi. L-Isqof Grech inawgura Ċentru tal-Katekiżmu li Dun Salv Vella bena bil-għajnuna ġeneruża tal-poplu Malti u Għawdxi. Fil-parroċċa ta’ Dun Jimmy Mons Isqof ra kemm proġetti li saru fl-imgħoddi kif ukoll proġetti li qegħdin jibdew, bħalma huma ċ-ċentru pastorali ġdid u l-kappella ġdida. Fil-parroċċa ta’ Fr Alex Mons Isqof poġġa l-ewwel ġebla ta’ Ċentru Pastorali ġdid.

    Continue reading >>

    The Maltese Herald - 15 ta’ Settembru 2009

    The Maltese Herald Logo

    Fil-paġna dwar Għawdex fil-ħarġa ta’ The Maltese Herald ta’ din il-gimgħa Charles Spiteri jikteb dwar Velja Marjana f’Għajnsielem, Varjeta’ fl-Oratorju Don Bosco, Tifkira tal-Ġublew tad-Deheb ta’ Swor Mario Giustina Bonello, Inawgurat xogħol ta’ Restawr fil-Knisja tax-Xagħra

    SERVIZZ TA’ L-ABBATINI FIL-VATIKAN - SAJF 2010

    Għaqda Abbatini
    Djoċesi ta’ Għawdex
    13 ta’ Settembru 2009

    SERVIZZ TA’ L-ABBATINI FIL-VATIKAN - SAJF 2010

    1. Jistgħu japplikaw l-Abbatini li twieldu bejn l-1996 u 1998 u li qatt ma għamlu l-imsemmi servizz liturġiku f’San Pietru.
    2. Wieħed irid ikun ilu Abbati ta’ l-inqas sitt xhur, li tulhom ikun attenda għal-laqgħat u għas-servizzi liturġiċi u jkollu mġiba tajba fil-Knisja u barra.

    Continue reading >>

    POSSIBILITA’ LI L-PAPA BENEDITTU XVI IŻUR MALTA F’APRIL

    Wara l-istedina mill-Isqfijiet ta’ Malta u l-President tar-Repubblika lill-Qdusija tiegħu l-Papa Benedittu Sittax biex iżur Malta, Dr Alberto Gasbarri se jiġi Malta f’Ottubru biex jesplora din il-possibilita’. Dr Gasbarri, li huwa responsabbli miż-żjarat tal-Papa, se jikkunsidra li din iż-żjara ssir f’April tal-2010, fl-okkażjoni tal-1950 anniversarju tan-nawfragju ta’ San Pawl.
    L-isqfijiet Maltin jixtiequ jħeġġu lill-Insara Maltin u Għawdxin biex jitolbu ħalli l-gżejjer Maltin ikollhom il-grazzja tal-vista pastorali tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI.

    KUNFLITT TA’ ĊIVILTAJIET

    KUNFLITT TA’ ĊIVILTAJIET

    Nhar it-Tlieta 8 ta’ Settembru 2009, filgħodu, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina li saret fil-Bażilika tax-Xagħra, Għawdex. Fl-omelija tiegħu huwa qal:

    “F’epoka ta’ kunflitti ta’ ċivilitajiet, iċ-ċiviltà Kristjana tal-Ewropa kull ma jmur qed tiddgħajjef. Fattur ewlieni f’dan il-proċess huwa l-liberaliżmu li min-natura tiegħu jirrifjuta d-dimensjoni reliġjuża. Effett ta’ dan, illum għandna politiċi, leġiżlaturi, xjenzjati u ħassieba li jagħżlu li fl-operat tagħhom ma jagħmlu ebda referenza għal Alla. Sfortunatament anke xi Nsara llum jidhru konvinti li biex ikunu politically correct, ikun aħjar jekk ma jesprimux il-konvinzjonijiet Insara tagħhom fil-pubbliku. Dan l-atteġġjament qabbad fl-Ewropa proċess ta’ apostasija tal-Kristjanità.

    Il-festa tal-Vittorja hija marbuta ma’ żewg ġrajjiet li seħħew snin ilu fl-istorja ta’ ġensna, imma fl-istess waqt jispiraw proċess li għadha għaddejja minnu c-civiltà tagħna.
    Continue reading >>

    MAĦTUR IL-KAPPILLAN IL-ĠDID TAL-PARROĊĊA TAL-QALB TA’ ĠESÙ, FONTANA, GĦAWDEX

    bajada-joseph1.jpg
    Illum it-Tlieta, 8 ta’ Settembru 2009, Festa tat-Twelid tal-Madonna, Mons Isqof Mario Grech ħatar lil Dun Joseph Bajada, saċerdot mix-Xagħra, bħala l-Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, Fontana, Għawdex.

    Dun Joseph Bajada twieled ix-Xagħra nhar it-30 ta’ Lulju 1970, l-iżgħar fost ħamest aħwa. Wara li ffrekwenta l-iskola primarja tax-Xagħra, huwa beda l-iskola sekondarja fil-Kumpless Ninu Cremona, ir-Rabat, Għawdex. Mill-Form 2 ’il quddiem Dun Joseph iffrekwenta s-Seminarju Minuri, fejn kompla anke s-Sixth Form.
    Continue reading >>