Dalgħodu, it-Tlieta 29 ta’ Settembru 2009, l-Isqof Mario Grech għamel żjara ta’ kortesija lill-Kardinal Geraldo Majela Agnelo, Arċisqof tad-Djoċesi ta’ Salvador f’Bahia [Brażil]. Il-Kardinal Majela Agnelo għandu konnessjoni mad-Djoċesi t’Għawdex. Huwa żar Għawdex għall-ewwel darba fl-1973 u kien Għawdex għall-festa ta’ San Pawl li saret fil-Munxar fi Frar ta’ din is-sena. Il-Kardinal Majela għamel żmien bħala Arċisqof ta’ Londrina fejn hemm jaħdmu għadd ta’ saċerdoti Maltin u Għawdxin. Fil-laqgħa mal-Isqof Grech, il-Kardinal Majela Agnelo kellu kliem ta’ apprezzament għall-ispirtu missjunarju li hemm fil-Knisja f’pajjiżna.
L-Isqof Mario Grech il-bierah qiegħed l-ewwel ġebla ta’ Ċentru Pastorali li ser jinbena fuq inizjattiva ta’ Dun Alex Cauchi, kappillan tal-parroċċa ddedikata lill-Madonna tad-Dawl f’Parapatinga fin-Nord Est tal-Brazil. Fl-omelija li għamel waqt quddiesa li saret f’din l-okkażjoni, l-Isqof Grech fisser l-importanza ta’ dawn iċ-Ċentri għall-ħajja tal-komunità ekkleżjali. Iċ-Ċentri Pastorali jservu ta’ skola fejn diversi kategoriji fi ħdan il-komunità parrokkjali jiltaqgħu biex jiksbu formazzjoni umana u Nisranija, u hekk il-poplu t’Alla jkompli jinbena bħala tempju ħaj t’Alla. Kull persuna tagħmel parti minn din il-binja u ebda ġebla, anke jekk tkun imxellfa, qatt ma għandha tiġi skartata. L-Isqof Mario faħħar lil Dun Alex Cauchi, missjunarju mill-Għarb li ilu fil-missjoni għal dawn l-aħħar 14-il sena, għall-ħidma siewja li wettaq u għadu jwettaq biex jibni l-Knisja ta’ Kristu fil-Brażil!
Il-bieraħ ukoll l-Isqof Mario Grech għamel żjara lil “Fazienda Speranza” li hemm f’Maceiò. Din l-istituzzjoni mmexxija mill-Knisja toffri kura lil żgħażagħ vittmi tad-droga. Il-programm ta’ terapija li toffri din l-istituzzjoni huwa bbażat kollu kemm hu fuq l-ispiritwalita Nisranija. Id-drogati, anke jekk ma jkunux jemmnu, jiġu mlaqqgħin mal-Kelma t’Alla u introdotti għall-ħajja tat-talb. L-esperjenza li rrakkontaw xi wħud minn dawk li qed jagħmlu l-programm ta’ rijabilitazzjoni tixhed kemm għal dawk li jemmnu l-Kelma t’Alla għandha qawwa li tfejjaq.
Żjara oħra li għamel l-isqof Mario Grech kienet fis-Seminarju Maġġuri ta’ Maceiò, fejn jattendu seminaristi minn tliet djoċesijiet. Fr. Jimmy Xerri, li sa sentejn ilu kien Rettur ta’ dan is-Seminarju, issa huwa l-Prefett tal-Istudji filosofiċi u teoloġiċi. F’kelmtejn li għamel f’din l-okkażjoni, l-Isqof Grech appella lis-seminaristi biex, fid-dawl tal-Vanġelu u t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, jikkontribwixxu biex il-Knisja tkompli tkun qrib tan-nies. Flok ma jirtira fis-sagristija u jiltaqa’ man-nies biss waqt il-kult, illum is-saċerdot għandu jimxi fit-toroq tal-ħajja ordinarja fejn jista’ jiltaqa’ mal-bniedem, speċjalment ma’ dawk li huma minsija u emarġinati. Biex l-azzjoni tas-saċerdot ma tkunx waħda politika jew soċjali, fuq l-eżempju ta’ Dun Ġorġ Preċa, is-saċerdot għandu jkun ħabib tal-Evanġelju.