MAĦTUR IL-KAPPILLAN IL-ĠDID TAL-PARROĊĊA TAL-QALB TA’ ĠESÙ, FONTANA, GĦAWDEX

bajada-joseph1.jpg
Illum it-Tlieta, 8 ta’ Settembru 2009, Festa tat-Twelid tal-Madonna, Mons Isqof Mario Grech ħatar lil Dun Joseph Bajada, saċerdot mix-Xagħra, bħala l-Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, Fontana, Għawdex.

Dun Joseph Bajada twieled ix-Xagħra nhar it-30 ta’ Lulju 1970, l-iżgħar fost ħamest aħwa. Wara li ffrekwenta l-iskola primarja tax-Xagħra, huwa beda l-iskola sekondarja fil-Kumpless Ninu Cremona, ir-Rabat, Għawdex. Mill-Form 2 ’il quddiem Dun Joseph iffrekwenta s-Seminarju Minuri, fejn kompla anke s-Sixth Form.

Dun Joseph beda l-formazzjoni saċerdotali tiegħu fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù fl-1988. Huwa wettaq l-esperjenza tas-Sena Intermedjarja fi New Jersey, USA. Dun Joseph ġie ordnat djaknu fl-1994 u, wara esperjenza ta’ sena djakonat fil-Parroċċa tan-Natività f’Ruma, ġie ordnat saċerdot fil-21 ta’ Ġunju 1996.

Wara l-ordinazzjoni tiegħu Dun Joseph wettaq seba’ snin ta’ ħidma pastorali f’Ruma, l-Italja – erba’ snin fil-parroċċa tan-Natività u tliet snin fil-parroċċa ta’ San Ruman. Matul dan iż-żmien huwa ffrekwenta kors ta’ teoloġija sagramentarja u kiseb diploma fil-Liturġija u l-Arti Sagra fl-Università ta’ Sant’Anselmu, Ruma.

Lura Għawdex Dun Joseph ġie maħtur Viċi-Rettur fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn dam sitt snin. Dun Joseph huwa Direttur Spiritwali ta’ Gozo Aid for the Visually Impaired (GAVI) u huwa ċ-Chairperson tal-Kummissjoni Djoċesana għall-Persuni b’Diżabilità (KDPD) tad-Djoċesi ta’ Għawdex.