L-Isqof Mario Grech iniedi Sena Marjana fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Read Bishop Grech’s Pastoral Letter on the Marian Year in the Diocese of Gozo: 64-2018-pastoral-letter-marian-year.pdf

64/2018

Ittra Pastorali

tal-E.T. Mons. Mario Grech

 

 

il-madonna-ta-pinu-dettall-amadeo-perugino-1619.jpgSENA MARJANA FID-DJOĊESI

Wasalt fi tmiem iż-żjara pastorali tiegħi fost il-missjunarji tagħna fil-Perù. Kienu ġranet sbieħ li mlewni b’ħafna ferħ u tama. Hemmhekk xammejt ir-riħa tqila tal-miżerja soċjali, imma fl-istess waqt iltqajt ma’ Knisja mimlija ħajja, żagħżugħa u kollha entużjażmu. Il-parroċċi tagħhom ma għandhomx il-ġid li għandna aħna, fis-sens li huma nieqsa ħafna mhux biss mill-mezzi materjali imma fuq kollox mis-saċerdoti u r-reliġjużi; imma mbagħad huma mogħnija b’ħafna għana spiritwali. In-nies għandhom fidi sempliċi imma awtentika. Għandhom programmi interessanti ta’ katekeżi, kemm għat-tfal u kemm għall-kbar. Ilmaħt għadd ġmielu ta’ lajċi li għandhom diversi ministeri. Il-liturġija tagħhom ma għandha xejn minn tat-teatru, imma tara l-komunità kollha tipparteċipa bil-ferħ u l-passjoni. Fuq kollox, rajt Knisja li għandha għal qalbha l-foqra: hija Knisja li tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna, speċjalment ma’ dawk li jkunu tilfu kull tama.

Hemmhekk kelli esperjenza ta’ Knisja li rċeviet u għadha tirċievi ħafna mill-Knisja f’Għawdex. Farraġni qatigħ il-fatt li, waqt li kont fuq art tal-missjoni, kien hemm ħafna x’jikkonfermali li jien ragħaj ta’ Knisja missjunarja, fis-sens li l-Knisja f’Għawdex għandha ħafna għal qalbha l-missjoni! Biżżejjed insemmi lil Dun Raymond Portelli mill-Parroċċa tan-Nadur u lil Patri Giovanni Cefai u Patri Victor Zammit, it-tnejn mill-Parroċċa taż-Żebbuġ, u lil Patri Marċell Portelli mill-Parroċċa tal-Fontana – it-tlieta membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Dawn is-saċerdoti, li tassew jagħmlulna ġieħ, jgħiduli li l-missjoni tagħhom isserraħ fuq l-appoġġ spiritwali u materjali ta’ bosta Għawdxin u Maltin! Dan napprezzah ħafna.

Imma fl-istess waqt, il-Knisja fil-Perù għandha ħafna x’toffrilna; anzi, jien konvint li l-Knisja fil-missjoni tista’ tgħinna ninqalgħu minn ċerti raddi li ż-żmien waħħalna fihom u nerġgħu niskopru l-freskezza tal-fidi f’Ġesù Kristu u l-qawwa tremenda tal-Vanġelu tiegħu. Din il-Knisja relattivament żagħżugħa fil-Perù – il-parroċċa ta’ Dun Raymond għandha biss ħamsin sena u s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl qed tfakkar il-ħamsin anniversarju mill-preżenza tagħha f’Arequipa – hija tassew ħielsa minn ħafna toqol li writna aħna u għalhekk ma għandhiex ix-xkiel li nsibu aħna fl-impenn tagħna biex immorru għal dak li huwa essenzjali fil-fidi u nagħmlu l-għażliet pastorali meħtieġa! Il-Knisja fil-missjoni tista’ tgħinna npoġġu l-prijoritajiet pastorali tagħna f’posthom; tistimulana biex inkunu Knisja li tagħti spazju lil-lajċi u għalhekk inqas klerikali; tgħinna nsaffu r-reliġjożità popolari; tispirana biex nieħdu b’aktar impenn il-katekeżi tal-kbar; hija xempju għalina ta’ kemm għandna nkunu qrib dawk li qegħdin fit-trufijiet tas-soċjetà, u tant ħwejjeġ oħra.

Fi ftit kliem, il-Knisja fil-missjoni tgħinna npoġġu lil Ġesù Kristu fil-qalba ta’ kollox. Innutajt li f’ħafna ċentri pastorali hemm il-kappella tal-adorazzjoni u n-nies ifittxu lil Ġesù Ewkaristija. Darba ħaduni għand mara anzjana ta’ 84 sena li tgħix f’gorboġ: ma għandhiex għaxja ta’ lejla, imma għandha fidi qawwija f’Ġesù Kristu. Sammritni meta bid-dmugħ f’għajnejha qaltli li Ġesù Kristu huwa t-tama tagħha. Kemm huwa minnu li l-foqra għandhom ħafna x’jgħallmuna! Kemm hemm bżonn li nħalluhom jevanġelizzawna (ara Evangelii gaudium, 198)!

Osservajt li bħalna l-poplu tal-Perù għandu mħabba kbira lejn Marija, Omm Ġesù. Nemmen li Marija għandha sehem importanti fit-tiswir tal-Knisja. Għax “Marija hija intimament marbuta mal-Knisja… hija xbieha tal-Knisja fl-ordni tal-fidi, tal-karità u tal-għaqda perfetta ma’ Kristu” (Lumen gentium, 63). Tassew, kif jistqarr Missierna l-Papa Franġisku, “flimkien mal-Ispirtu s-Santu, qalb il-poplu hemm dejjem Marija” (Evangelii gaudium, 284).

Bl-għajnuna ta’ Alla s-sena li ġejja l-kwadru mirakoluż tal-Madonna Ta’ Pinu jagħlaq erba’ mitt sena minn meta tpitter minn Amadeo Perugino. Huwa fatt magħruf li din ix-xbieha hija ħafna għal qalb il-poplu tagħna: quddiemha ninxteħtu għarkupptejna nitolbu l-interċessjoni u l-ħarsien tagħha, speċjalment meta nkunu nixtiequ grazzja kbira.

F’din l-okkażjoni, fid-djoċesi tagħna ser niċċelebraw Sena Marjana li tiftaħ illum waqt il-Manifestazzjoni ta’ Kristu Re fis-Santwarju Ta’ Pinu u tagħlaq fil-Velja tal-Għid tal-Assunta li kull sena ssir fuq iz-zuntier tal-istess Santwarju.

Inħoss li lkoll bħala Knisja f’din il-gżira jeħtieġ inwieġbu b’entużjażmu mġedded għas-sejħa tal-Omm: “Ejja! Ejja! Ejja!”. Inħoss li llum ukoll minn dan il-kwadru Marija qed tgħidilna: “Ejja, ibni, ħalli tfaħħar il-kobor tal-Mulej preżenti u ħaj fl-istorja tiegħek u ta’ ħutek il-bnedmin! Ejja, binti, ħalli tfiq mit-toqol tad-dnub u tal-infedeltà u ssib il-faraġ u d-duwa tal-ħniena! Ejja ħalli ġġarrab f’qalbek l-id setgħana tas-Salvatur li jagħmel magħna ħwejjeġ kbar! Ejja ħalli timtela b’dak l-Ispirtu s-Santu li jħeġġek biex tħaffef lejn l-għoljiet tas-soċjetà ta’ żmienna fejn il-bniedem hu tant għatxan għall-ferħ ta’ Kristu! Ejja, komunità Nisranija, u ħalli warajk dak li hu tal-imgħoddi u li llum tilef it-togħma tajba tiegħu, waqt li tħares lejn Ibni Ġesù biex issib toroq ġodda ta’ evanġelizzazzjoni”.

Ħuti, ħalli matul din is-sena nħarsu lejn l-Omm għażiża tagħna, “għax kull darba li nħarsu lejn Marija nkunu qed nemmnu mill-ġdid fil-qawwa rivoluzzjonarja tal-ħlewwa u tal-imħabba” (Evangelii gaudium, 288). Hija xewqa tiegħi li matul din is-Sena nsiru nafu ftit aktar li din Ommna biex permezz tagħha nsiru aktar midħla ta’ Ġesù Kristu, niksbu għarfien aktar frisk dwar il-Knisja, u mmiddu l-passi ċkejknin tagħna f’dan il-proċess ta’ tiġdid tal-Knisja tagħna, fid-dawl ta’ dak li għidt aktar ’il fuq. Dan jawgura tajjeb biex is-saltna ta’ Kristu Sultan tkompli tinfirex fostna.

Din l-isfida pastorali li għandna quddiemna titlob grazzja speċjali minn Alla. Għalhekk nistieden lill-poplu ta’ Alla biex matul din is-Sena Marjana jitlob bit-talba sabiħa tar-Rużarju lill-Madonna Ta’ Pinu, biex taqlgħalna din il-grazzja li nfittxu toroq ġodda biex jasal għand kulħadd il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Madonna Ta’ Pinu, “iksbilna issa l-ħeġġa ġdida li jnissel il-Qawmien biex nistgħu nwasslu lil kulħadd il-Vanġelu tal-ħajja li jegħleb il-mewt. Agħtina l-kuraġġ qaddis li nfittxu toroq ġodda biex jasal għand kulħadd id-don tal-ġmiel li ma jintefiex” (Evangelii gaudium, 288). Ammen.

Mogħtija minn Lima, il-Perù, nhar l-Erbgħa 21 ta’ Novembru 2018, Tifkira liturġika tal-Preżentazzjoni tal-Imqaddsa Verġni Marija.


                                                                            + Mario Grech

                                                                                Isqof ta’ Għawdex