Archive for the '2011' Category

MESSAGG TAL-MILIED - ISQOF MARIO GRECH

MESSAGG TAL-MILIED - ISQOF MARIO GRECH from GOZOTV.COM on Vimeo.

L-Għid tal-Imwiet - Omelija tal-Isqof

Il-mewt u l-evanġelizzazzjoni

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
L-Għid tal-Imwiet
Katidral ta’ Għawdex – L-Erbgħa 2 ta’ Novembru 2011

Il-jum tat-2 ta’ Novembru jfakkarna f’realtà importanti fil-ħajja tagħna l-bnedmin: il-mewt. Illum, aħna ġustament niftakru u nissufragaw bit-talb lill-għeżież tagħna li ħallewna; imma llum niftakru wkoll f’dan l-appuntament aħħari li kull wieħed u waħda minna għandna fl-istorja tagħna: il-mewt. Filwaqt li huwa xieraq ħafna li nżommu ħajja l-memorja ta’ dawk li mietu, huwa importanti aktar li naraw kif ser ngħixu l-mewt tagħna. Huwa fatt li fil-kultura ta’ żminijietna li tipprova tnissi dan il-mument daqshekk ċert, aktar minn qatt qabel il-bniedem faċli “jintilef” meta jieqaf jaħseb fuq dan it-tmiem! Hemm tentattivi mqansħin biex il-bniedem mingħalih inaqqas il-kruha tal-mewt. Quddiem l-isfida imminenti tal-mewt, hemm min ħoloq ritwali biex jibbannalizza l-ġrajja tal-mewt! Isiru wkoll proposti maħsuba biex il-bniedem b’xi mod jassigura li jibqa’ mfakkar u għalhekk bħal speċi “jibqa’ ħaj” fl-istorja! Imma aħna nafu li dan kollu, għalkemm jista’ jtaffi id-daqqa iebsa tal-mewt, ma joffrix tweġiba sodisfaċenti.

Marta u Marija, meta miet ħuhom Lazzru, kellhom f’qalbhom u f’moħħhom domandi dwar il-mewt li fnewhom! Dawk l-istess mistoqsijiet itaqqlu lilna llum ukoll! Kull maħluq b’xi mod iħossu mxekkel b’domandi eżistenzjali li, sakemm ma jkollhomx tweġiba bis-sens, nibqgħu ma nħossuniex ħielsa għax skjavi ta’ dan id-destin! Continue reading >>

Messaġġ għal Jum Għawdex 2011
Lil Dr Joseph Ellis,President Circolo Gozitano.

MARIUS GRECH

EPISCOPUS GAUDISIENSIS

Messaġġ għal Jum Għawdex 2011

Lil Dr Joseph Ellis,
President Circolo Gozitano.

Il-fatt li qed nikteb dan il-messaġġ minn Melbourne, ma jnaqqasli xejn mill-ispirtu li qed iħeġġeġ lilkom li llum nġbartu biex tiċċelebraw Jum Għawdex! Għax jekk f’din l-okkazzjoni, kif huwa xieraq, iċ-Circolo Gozitano jgħati Ġieħ Għawdex lill-individwi Għawdxin li jkunu taw kontribut siewi lil gżiritna, f’dawn il-ftit ġimgħat li ilni l-Awstralja iltqajt ma għadd sabieħ ta emigranti Għawdxin u meta smajt l-istejjer tagħhom, skoprejt li fosthom hawn min tassew għamel isem mhux biss għalih innifsu imma ukoll għal Għawdex u għal pajjizna! Continue reading >>

Messaġġ fl-okkażjoni tal-Ewwel Ċentinarju mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali ta’ Kerċem

Format Word

MARIUS GRECH

EPISCOPUS GAUDISIENSIS

Messaġġ fl-okkażjoni tal-Ewwel Ċentinarju mill-Konsagrazzjoni
tal-Knisja Parrokkjali

Xtaqt ħafna nkun magħkom, il-komunità parrokkjali tiegħi, biex flimkien irroddu ħajr lil Alla f’dan l-ewwel ċentinarju mill-Konsagrazzjoni tal-knisja, imma minħabba d-dmir marbut mal-uffiċċju pastorali tiegħi, bħalissa ninsab fost ħutna l-emigranti fl-Awstralja. Eżattament f’dawn il-jiem qiegħed f’Melbourne, u lbieraħ kelli laqgħa sabiħa ħafna fejn kien hemm ġemgħa mdaqqsa ta’ emigranti Kerċmin!

Għalija din kienet grazzja doppja, għax filwaqt li reġgħu fakkruni f’għadd ta’ familji mir-raħal tagħna, ftakart ukoll li dawn kollha ħadu l-magħmudija fil-fonti tal-parroċċa, u għalhekk huma wkoll parti minna li llum qegħdin niċċelebraw dan l-ewwel ċentinarju. Bħalna, huma wkoll ġew imlaqqma fi Kristu f’din il-“binja” qaddisa; bħalna, huma wkoll laqgħu l-Kelma t’Alla, ħafna drabi bl-eżempji mill-ħajja ta’ San Ġirgor, f’dan it-tempju; bħalna, huma wkoll irċivew l-Ewwel Tqarbina u s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof fi ħdan din il-komunità; fuq kollox, f’qalbhom hemm tħeġġeġ l-imħabba lejn Ommna tas-Sokkors li lejHa bħalna jirrikorru fit-taħbit tal-ħajja!

Continue reading >>

Mons Isqof Mario Grech jiltaqa’ mal-istudenti fil-bidu tas-sena skolastika

Il-ħtieġa tal-logħob għat-tfal

Meta nhar it-Tnejn 26 ta’ Settembru 2011 l-Isqof Mario Grech iltaqa’ mal-istudenti li jattendu s-Seminarju Minuri u l-iskola sekondarja tal-Konservatorju, huwa wassal dan il-messaġġ:

Għalkemm għat-tfal tagħna ż-żmien tal-iskola huwa marbut mal-istudju, tajjeb inżommu quddiem għajnejna l-valur tal-logħob! Huwa minnu li hawn tfal li ħajjithom kollha jilagħbu; imma huwa fatt ukoll li llum rari naraw tfal jilagħbu fit-toroq tagħna! Il-profeta Żakkarija jgħid li wieħed mis-sinjali tal-preżenza t’Alla fostna huma t-tfal jilagħbu fil-pjazez u l-wesgħat tal-belt (8:1-8)! Kif tgħid l-idjoma Ingliża: “all work without play, makes Jack a dull boy” – għax tfal li ma japprezzawx il-logħob ħafna drabi jkunu maqtugħin għalihom, serji żżejjed, ċassi, nieqsa mill-vitalità! Il-logħob jgħin lit-tfal jissoċjalizzaw ma’ sħabhom – isiru aktar midħla ta’ xulxin, jirrelataw ma’ xulxin, jitgħallmu jitilfu u jirbħu, eċċ. Continue reading >>

Mons Isqof Mario Grech iżur il-Fundazzjoni OASI

It-traffikar tad-droga sar “taboo”

Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sala San Mikiel fiċ-Ċentru tal-Oasi, Għawdex, 25 ta’ Gunju 2011.

« Nistħajjel il-Fundazzjoni Oasi bħala “katidral żgħir” – għaliex kif iseħħ fil-“katidral”, hawnhekk ukoll tippresiedi l-imħabba! Mhux biss għaliex hija l-imħabba li timmotiva lil dawk li jagħtu sehemhom f’din il-Fundazzjoni f’ħidma b’risq dawk li huma dipendenti mid-droga u l-alkoħol; imma wkoll għaliex dak li huwa mistenni li toffri din il-Fundazzjoni lill-klijenti tagħha hija l-imħabba!

Huwa fatt ikkonfermat li ħafna drabi r-raġuni għaliex persuna tagħtiha għax-xorb jew taqa’ fin-nasba tad-droga hija għax din tkun nieqsa mill-imħabba vera! Il-frustrazzjoni li ġġib magħha n-nuqqas tal-imħabba hija tremenda! Sfortunatament illum diversi jħabbtu “bieb” biex isibu min jista’ jħobbhom sinċerament u jibqgħu delużi – jew għax il-bieb jibqa’ mbarrat, jew għax jiġri li min jiftħilhom ikun iħobb lilu nnifsu u għalhekk “jużahom” għall-iskopijiet tiegħu! F’dan il-kuntest, l-aqwa terapija li tista’ toffri hija l-imħabba li twassal biex taċċetta lil dak li jkun kif inhu u tgħinu jikseb fiduċja fih innifsu. Mingħajr ma tikkundannah jew taqlagħlu l-iskeletri tal-imgħoddi, l-attenzjoni kollha mħabba twassal biex il-bniedem jiskopri li hu ta’ min iħobbu.

Imma din it-terapija kollha mħabba li toffri l-Oasi tista’ tkun effettiva biss jekk ikun hemm għassa biex l-ambjent li qed ngħixu fih ikun “nadif”. Hemm barra hemm min, animat minn kull tip ta’ interess imma mhux mill-imħabba, qed ibiegħ il-qerda! Kulhadd jaf b’dan in-negozju, imma ħadd ma jitkellem dwaru. It-traffikar tad-droga sar “taboo”. Huwa ovvju li qed nitkellmu dwar prattika kriminali li warajha hemm poteri enormi. Allura s-soċjetà tagħna hija daqshekk falza li minn barra tagħti bixra li tgħożż il-prinċipju tal-legalità, li huwa s-sinsla tas-soċjetà, imbagħad għal motivi varji tittollera dawn l-atti barbari?

Bdejna l-istaġun tal-festi titulari u nħossni preokkupat meta nisma’ lil xi kappillani jgħiduli li saħansitra anke fil-marċi tal-festi jkun hemm tiġri d-droga! Dawn l-abbużi hemm bżonn li jiġu mrażżna sewwa. Il-protezzjoni hija dritt taċ-ċittadin onest biss.

Filwaqt li nawgura li l-Oasi tibqa’ toffri dan is-servizz tal-imħabba, jien kuntent li l-Knisja f’Għawdex għandha sehem minn din il-ħidma. »

ĦTIEĠA TA’ AZZJONI PASTORALI MAS-SEPARATI

Meta llejla [is-Sibt 22 ta’ Jannar 2011] indirizza l-laqgħa ġenerali li saret fl-iskola Santa Monika, Msida u li għaliha attendew koppji membri tal-Grufan fi ħdan il-Moviment ta’ Kana, l-Isqof Mario Grech tkellem dwar l-ispiritwalità tal-persuni separati.

Għalkemm min-natura tiegħu kull żwieġ huwa dejjiemi, l-esperjenza tixhed li hawn żwiġijiet li tħarbtu u l-miżżewġin kellhom jisseparaw. Ħafna drabi persuni separati jgħaddu minn esperjenza trawmatika mhux biss għax ifalli l-ikbar proġett ta’ ħajjithom, imma wkoll għax iġarrbu sens ta’ abbandun soċjali u spiritwali. Sfortunatament hemm nies separati li jaħsbu li huma minsijin minn Alla u mill-komunita ekkleżjali.

Ikun żball jekk fil-Knisja dawn il-persuni jkunu ttraskurati jew esklużi. Il-preżenza tagħhom titlob azzjoni pastorali ġdida u urġenti. Min ipoggi lil dawn il-persuni fil-periferija tal-ħajja tal-komunità ekleżjali, ikun qed jirriskja bil-kbir id-dehra tal-Knisja li rċeviet il-mandat li tkun bxara tajba anke quddiem realtà komplessa bħal din.

Jekk wieħed iħares lejn dawn il-persuni, separati jew li huma fit-tieni relazzjoni, mill-lenti etika biss, din tkun viżjoni dejqa ħafna. Għax barra l-aspett morali, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom ukoll id-dimensjoni umana u dik spiritwali.

Minkejja kollox, hemm bżonn nemmnu li dawn il-persuni jistgħu jimxu ’l quddiem fil-maturità tal-fidi u ekkleżjali. Il-qofol tal-ispiritwalita Nisranija huwa Kristu u l-laqgħa personali miegħu ma sseħħx biss fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, imma wkoll meta l-bniedem jiftaħ qalbu għall-Kelma t’Alla mxandra fil-komunità. Għalhekk il-proposta ta’ mixja ta’ fidi għal dawn il-persuni tirrikonoxxi l-primat tal-Kelma li tgħin lill-bniedem jidħol fi djalogu kemm ma’ Alla li hu mħabba żgura, kif ukoll mal-komunità ekkleżjali.