Messaġġ fl-okkażjoni tal-Ewwel Ċentinarju mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali ta’ Kerċem

Format Word

MARIUS GRECH

EPISCOPUS GAUDISIENSIS

Messaġġ fl-okkażjoni tal-Ewwel Ċentinarju mill-Konsagrazzjoni
tal-Knisja Parrokkjali

Xtaqt ħafna nkun magħkom, il-komunità parrokkjali tiegħi, biex flimkien irroddu ħajr lil Alla f’dan l-ewwel ċentinarju mill-Konsagrazzjoni tal-knisja, imma minħabba d-dmir marbut mal-uffiċċju pastorali tiegħi, bħalissa ninsab fost ħutna l-emigranti fl-Awstralja. Eżattament f’dawn il-jiem qiegħed f’Melbourne, u lbieraħ kelli laqgħa sabiħa ħafna fejn kien hemm ġemgħa mdaqqsa ta’ emigranti Kerċmin!

Għalija din kienet grazzja doppja, għax filwaqt li reġgħu fakkruni f’għadd ta’ familji mir-raħal tagħna, ftakart ukoll li dawn kollha ħadu l-magħmudija fil-fonti tal-parroċċa, u għalhekk huma wkoll parti minna li llum qegħdin niċċelebraw dan l-ewwel ċentinarju. Bħalna, huma wkoll ġew imlaqqma fi Kristu f’din il-“binja” qaddisa; bħalna, huma wkoll laqgħu l-Kelma t’Alla, ħafna drabi bl-eżempji mill-ħajja ta’ San Ġirgor, f’dan it-tempju; bħalna, huma wkoll irċivew l-Ewwel Tqarbina u s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof fi ħdan din il-komunità; fuq kollox, f’qalbhom hemm tħeġġeġ l-imħabba lejn Ommna tas-Sokkors li lejHa bħalna jirrikorru fit-taħbit tal-ħajja!

Fuq ġbin xi wħud minn dawn l-emigranti rajt dmugħ ta’ ferħ u nostalġija għal dak kollu li ġarrbu meta kienu f’Kerċem magħna. Ma nkunx nesaġera jekk ngħid li lil xi wħud qabżitilhom demgħa għax iħossu għall-Knisja tagħna – iħossu n-nuqqas tagħha! Nistqarr magħkom li d-demgħat tiegħi, frott il-ferħ li ħassejt, tħalltu ma’ tagħhom. Fraħt magħhom għax fihom rajt kemm matul is-snin minn din il-Knisja tagħna f’Kerċem tnissel ġid kbir. Is-sewwa mxandar minn Kristu u l-grazzja t’Alla bnew lilhom u lill-familji tagħhom! Dan il-ġid ikompli jitkattar fil-ġenerazzjonijiet futuri!

L-istess Knisja tagħna, li llum għandha mitt sena kkonsagrata, għad fadlilha missjoni x’taqdi. Hemm bżonn naħdmu aktar flimkien biex dak li sar matul is-snin l-imgħoddija jkompli jsir aħjar. Għalhekk inħeġġiġkom biex il-Knisja tibqa’ l-għożża tagħkom, u kif kien ilbieraħ, jibqa’ llum u għada, li l-Knisja tkun id-dar ta’ kulħadd, l-Omm li tħaddan lill-ulied kollha, kenn għal kulħadd partikularment għall-imbiegħdin.

Bl-interċessjoni tal-Madonna tas-Sokkors u ta’ San Ġirgor, nitlob il-barka t’Alla fuqek, għażiż kappillan, fuq ħutna s-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-familji kollha tagħna.

Melbourne, Victoria,  21 ta’ Ottubru 2011.

+Mario Grech
Isqof tagħkom