- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Għid tal-Imwiet - Omelija tal-Isqof

Posted By admin On November 3, 2011 @ 11:57 am In 2011 | Comments Disabled

Il-mewt u l-evanġelizzazzjoni

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
L-Għid tal-Imwiet
Katidral ta’ Għawdex – L-Erbgħa 2 ta’ Novembru 2011

Il-jum tat-2 ta’ Novembru jfakkarna f’realtà importanti fil-ħajja tagħna l-bnedmin: il-mewt. Illum, aħna ġustament niftakru u nissufragaw bit-talb lill-għeżież tagħna li ħallewna; imma llum niftakru wkoll f’dan l-appuntament aħħari li kull wieħed u waħda minna għandna fl-istorja tagħna: il-mewt. Filwaqt li huwa xieraq ħafna li nżommu ħajja l-memorja ta’ dawk li mietu, huwa importanti aktar li naraw kif ser ngħixu l-mewt tagħna. Huwa fatt li fil-kultura ta’ żminijietna li tipprova tnissi dan il-mument daqshekk ċert, aktar minn qatt qabel il-bniedem faċli “jintilef” meta jieqaf jaħseb fuq dan it-tmiem! Hemm tentattivi mqansħin biex il-bniedem mingħalih inaqqas il-kruha tal-mewt. Quddiem l-isfida imminenti tal-mewt, hemm min ħoloq ritwali biex jibbannalizza l-ġrajja tal-mewt! Isiru wkoll proposti maħsuba biex il-bniedem b’xi mod jassigura li jibqa’ mfakkar u għalhekk bħal speċi “jibqa’ ħaj” fl-istorja! Imma aħna nafu li dan kollu, għalkemm jista’ jtaffi id-daqqa iebsa tal-mewt, ma joffrix tweġiba sodisfaċenti.

Marta u Marija, meta miet ħuhom Lazzru, kellhom f’qalbhom u f’moħħhom domandi dwar il-mewt li fnewhom! Dawk l-istess mistoqsijiet itaqqlu lilna llum ukoll! Kull maħluq b’xi mod iħossu mxekkel b’domandi eżistenzjali li, sakemm ma jkollhomx tweġiba bis-sens, nibqgħu ma nħossuniex ħielsa għax skjavi ta’ dan id-destin!

Mgħobbija bit-toqol ta’ dawn id-dubji serji, Marta u Marija resqu għandu Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem, li kellu t-tweġiba: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fiha, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan ?” (Ġw 11,25). Ġesù mhux kliem sabiħ biss kellu; imma hu stess, wara li kien maqtul fuq is-salib u tqiegħed f’qabar ġdid, wara tlett ijiem qam mill-mewt! U lil dawk kollha li jemmnu fih tahom il-qawwa li jieħdu sehem minn din ir-rebħa fuq il-mewt. Lilna li nemmnu fi Kristu, din hija l-Bxara t-Tajba li ttemmilna l-biża’ u l-inċertezza li ċertament tqanqal fina l-esperjenza tal-mewt – kemm il-mewt tal-għeżież tagħna u aktar u aktar il-mewt tagħna stess.

Imma kemm hawn bnedmin illum li quddiem il-misteru tal-mewt ser jibqgħu fid-dlam għax għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu? Kemm għandna Nsara ħutna li minħabba l-għarfien limitat li għandhom ta’ Kristu u t-tagħlim tiegħu, fihom ħasra meta x’aktarx qed jgħixu biex imutu, u ser imutu biex jgħixu! Quddiem din ir-realtà, inħoss li din it-tifkira tal-mejtin kollha għandha tistimulana biex immiddu għonqna għal dik li l-Papa Benedittu XVI qiegħed kontinwament jisħaq fuqha: l-evanġelizzazzjoni ġdida! Inkunu nonqsu lejn Kristu u lejn il-bniedem jekk nitgħażżnu u ma nxandrux l-Evanġelju tal-ħajja lis-soċjetà ta’ żmienna. Dan ngħidu lilkom, għeżież saċerdoti miġburin miegħi f’numru sabiħ għal din l-Ewkaristija; imma ntennih lill-komunità Nisranija kollha kemm hi! F’idejna għandna l-Evanġelju li huwa ċ-ċavetta li biha l-bniedem jista jiftaħ għadd ta’ katnazzi li qed jissiġillaw il-bieb li jiftaħ fuq il-ħajja ta’ dejjem. Inħeġġiġkom biex tkomplu tniżżlu l-għeruq tagħkom fi Kristu ħalli mbagħad ikollkom il-qawwa li toffru lill-oħrajn dan id-dawl tal-fidi li jkeċċi d-dlamijiet tal-mewt.

Din il-Bxara t-Tajba neħtieġuha kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell kollettiv. Għax is-soċjetà kollha tista’ ssib ruħha kkundizjonata mill-waħx tal-mewt, u r-riħa tal-mewt tnitten l-arja ta’ madwarna! Għall-kuntrarju, meta s-soċjetà tilqa’ l-Bxara t-Tajba ta’ Kristu hija taf torganizza lilha nnifisha b’mod li kollox jiċċelebra l-ħajja!


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/11/03/l-ghid-tal-imwiet-omelija-tal-isqof/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.