Mons Isqof Mario Grech jiltaqa’ mal-istudenti fil-bidu tas-sena skolastika

Il-ħtieġa tal-logħob għat-tfal

Meta nhar it-Tnejn 26 ta’ Settembru 2011 l-Isqof Mario Grech iltaqa’ mal-istudenti li jattendu s-Seminarju Minuri u l-iskola sekondarja tal-Konservatorju, huwa wassal dan il-messaġġ:

Għalkemm għat-tfal tagħna ż-żmien tal-iskola huwa marbut mal-istudju, tajjeb inżommu quddiem għajnejna l-valur tal-logħob! Huwa minnu li hawn tfal li ħajjithom kollha jilagħbu; imma huwa fatt ukoll li llum rari naraw tfal jilagħbu fit-toroq tagħna! Il-profeta Żakkarija jgħid li wieħed mis-sinjali tal-preżenza t’Alla fostna huma t-tfal jilagħbu fil-pjazez u l-wesgħat tal-belt (8:1-8)! Kif tgħid l-idjoma Ingliża: “all work without play, makes Jack a dull boy” – għax tfal li ma japprezzawx il-logħob ħafna drabi jkunu maqtugħin għalihom, serji żżejjed, ċassi, nieqsa mill-vitalità! Il-logħob jgħin lit-tfal jissoċjalizzaw ma’ sħabhom – isiru aktar midħla ta’ xulxin, jirrelataw ma’ xulxin, jitgħallmu jitilfu u jirbħu, eċċ.

Però llum ħafna jilagħbu waħidhom quddiem il-kompjuter! Dan ix-xorta ta’ logħob pjuttost issaħħaħ sens qawwi ta’ individwaliżmu fit-tfal u dan b’detriment għall-formazzjoni tal-karattru tagħhom. Aktar ma jsiru individwalisti, it-tfal aktar jittraskuraw lil dawk ta’ madwarhom u jgħixu f’dinja għalihom.

Oħrajn ma jsibux ħin għar-rikreazzjoni għaliex ikunu mgħobbija bil-lezzjonijiet tal-privat. Wieħed jasal biex jara l-valur tal-privat għal dawk l-istudenti li jkunu xi ftit batuti f’xi suġġett; imma hija ħasra li ħafna studenti jibagħtuhom għall-privat sempliċement għax din hija t-trend! Aktar gravi u inġusta hija s-sistema li għalliem ma jagħmilx ħiltu fil-klassi, biex imbagħad jissuġġetta lill-istudenti għall-privat, xi drabi għandu stess!

Meta fil-Vanġelu Ġesù jgħid li min jilqa’ tifel żgħir minħabba f’ismu, ikun qed jilqa’ lilu stess (Lq 9:48), huwa juri kemm huma importanti t-tfal! Propju għaliex it-tfal għandhom ikunu l-oġġett tal-attenzjoni tagħna, aħna fid-dmir li ninvestu l-aħjar fihom. Hekk qed tagħmel il-Knisja f’pajjiżna, partikularment bis-servizzi li tagħti fl-iskejjel tagħha: ta’ kull sena l-Knisja tiddedika ħafna mir-riżorsi tagħha biex teduka lil ulied il-familji Maltin u Għawdxin. Għalkemm l-iskejjel tal-Knisja huma bla ħlas, wieħed tajjeb li jżomm quddiem għajnejh li l-Knisja f’pajjiżna tapplika kotra mill-fondi tagħħa għall-edukazzjoni offruta fl-iskejjel tagħha. Meta l-Knisja qed tħaddem din is-sistema hija qed tagħti kontribut kemm lill-familji li jibagħtu lil uliedhom fl-iskejjel tagħha kif ukoll lin-nazzjon, għax kieku m’hemmx l-iskejjel tal-Knisja l-pajjiż ikollu jerfa’ l-piż ekonomiku kollu!

L-investiment fl-edukazzjoni jirrendi meta l-istudenti jikkoperaw mad-direzzjoni u l-għalliema. Biex dan il-frott ikun kotran, jixraq li jkun hemm ħidma flimkien bejn l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri tagħhom. Għalhekk, filwaqt li nappella lill-istudenti biex jagħmlu ħilithom biex jistgħanew fit-tagħlim, inħeġġeġ lill-għalliema biex jibqgħu jistinkaw ħalli jgħollu l-livell tat-tagħlim li joffru, u nistieden lill-ġenituri biex jippreparaw u jakkumpanjaw lil uliedhom f’dan il-proċess formattiv.