- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Mons Isqof Mario Grech iżur il-Fundazzjoni OASI

Posted By admin On July 8, 2011 @ 11:24 am In 2011 | Comments Disabled

It-traffikar tad-droga sar “taboo”

Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sala San Mikiel fiċ-Ċentru tal-Oasi, Għawdex, 25 ta’ Gunju 2011.

« Nistħajjel il-Fundazzjoni Oasi bħala “katidral żgħir” – għaliex kif iseħħ fil-“katidral”, hawnhekk ukoll tippresiedi l-imħabba! Mhux biss għaliex hija l-imħabba li timmotiva lil dawk li jagħtu sehemhom f’din il-Fundazzjoni f’ħidma b’risq dawk li huma dipendenti mid-droga u l-alkoħol; imma wkoll għaliex dak li huwa mistenni li toffri din il-Fundazzjoni lill-klijenti tagħha hija l-imħabba!

Huwa fatt ikkonfermat li ħafna drabi r-raġuni għaliex persuna tagħtiha għax-xorb jew taqa’ fin-nasba tad-droga hija għax din tkun nieqsa mill-imħabba vera! Il-frustrazzjoni li ġġib magħha n-nuqqas tal-imħabba hija tremenda! Sfortunatament illum diversi jħabbtu “bieb” biex isibu min jista’ jħobbhom sinċerament u jibqgħu delużi – jew għax il-bieb jibqa’ mbarrat, jew għax jiġri li min jiftħilhom ikun iħobb lilu nnifsu u għalhekk “jużahom” għall-iskopijiet tiegħu! F’dan il-kuntest, l-aqwa terapija li tista’ toffri hija l-imħabba li twassal biex taċċetta lil dak li jkun kif inhu u tgħinu jikseb fiduċja fih innifsu. Mingħajr ma tikkundannah jew taqlagħlu l-iskeletri tal-imgħoddi, l-attenzjoni kollha mħabba twassal biex il-bniedem jiskopri li hu ta’ min iħobbu.

Imma din it-terapija kollha mħabba li toffri l-Oasi tista’ tkun effettiva biss jekk ikun hemm għassa biex l-ambjent li qed ngħixu fih ikun “nadif”. Hemm barra hemm min, animat minn kull tip ta’ interess imma mhux mill-imħabba, qed ibiegħ il-qerda! Kulhadd jaf b’dan in-negozju, imma ħadd ma jitkellem dwaru. It-traffikar tad-droga sar “taboo”. Huwa ovvju li qed nitkellmu dwar prattika kriminali li warajha hemm poteri enormi. Allura s-soċjetà tagħna hija daqshekk falza li minn barra tagħti bixra li tgħożż il-prinċipju tal-legalità, li huwa s-sinsla tas-soċjetà, imbagħad għal motivi varji tittollera dawn l-atti barbari?

Bdejna l-istaġun tal-festi titulari u nħossni preokkupat meta nisma’ lil xi kappillani jgħiduli li saħansitra anke fil-marċi tal-festi jkun hemm tiġri d-droga! Dawn l-abbużi hemm bżonn li jiġu mrażżna sewwa. Il-protezzjoni hija dritt taċ-ċittadin onest biss.

Filwaqt li nawgura li l-Oasi tibqa’ toffri dan is-servizz tal-imħabba, jien kuntent li l-Knisja f’Għawdex għandha sehem minn din il-ħidma. »


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/07/08/mons-isqof-mario-grech-izur-il-fundazzjoni-oasi/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.