Archive for the 'Bishop Mario Grech' Category

Il-Bibien Imqaddsa tal-Ġublew tal-Ħniena f’Għawdex

Ilbieraħ, 8 ta’ Diċembru 2015, Solennità tal-Kunċizzjoni, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ħareġ id-Digriet uffiċjali tal-Ftuħ tal-Ġublew tal-Ħniena u ħabbar it-tliet Bibien Imqaddsa fid-Djoċesi ta’ Għawdex.  Hu xandru personalment waqt id-dħul tal-Purċissjoni tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Belt Victoria.

 

dsc_6432.jpg

 

DIGRIET
LI JĦABBAR IL-BIBIEN IMQADDSA
LI SER JINFETĦU FID-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX
MATUL IL-ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA
Il-Ġublew tal-Ħniena mħabbar mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku huwa sena ta’ grazzja li l-Mulej qiegħed jagħti lill-Knisja tiegħu sabiex nikkontemplaw il-misteru tal-ħniena bla tarf ta’ Alla li jilma fil-Wiċċ ta’ Ibnu l-Għażiż, li “fih kollox jitkellem dwar il-ħniena” (Misericordiæ Vultus, 8).

Il-Knisja li hija f’Għawdex tilqa’ bi gratitudni lil Alla u b’responsabbiltà s-sejħa li qed jagħmlilha l-Vigarju ta’ Kristu fuq l-art sabiex “il-Ġublew ikun esperjenza ħajja ta’ kemm il-Missier hu qrib tagħna, hekk li bħal donnu jrid imissna b’idu ħelwa, biex isaħħaħ il-fidi ta’ kull min jemmen u hekk titqawwa dejjem iżjed ix-xhieda li jagħti” (FRANĠISKU, Ittra dwar l-Indulġenzi fil-Ġublew tal-Ħniena, 1 ta’ Settembru 2015). Continue reading >>

Jiftaħ il-proċess djoċesan fil-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Dun Mikiel Attard

MONS. MARIO GRECH
ISQOF TA’ GĦAWDEX

EDITT

Inquisitio dioecesana super vita, virtutibus heroicis et super sanctitatis signorumque fama
Servi Dei MICHAELIS ATTARD, Sacerdotis Diocesani (1933 - 2004).

MeMeta nqis l-għatx li l-bniedem ġenwin illum għandu għal Alla, nilqa’ bil-ferħ it-talba li saritli mill-Kleru tad-djoċesi tagħna biex nibda l-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla DUN MIKIEL ATTARD, saċerdot iben din il-Knisja lokali, għaliex din it-talba mhux biss tesprimi x-xewqa li l-Knisja tirrikonoxxi l-qdusija ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla, imma aktar minn hekk ninterpretaha bħala inizjattiva mmirata biex napprezzaw u nippruvaw nifhmu kif Alla l-Qaddis għadu jaħdem fil-bniedem li jiftaħ qalbu għalih.

Continue reading >>

Ittra tal-Isqof Mario Grech lis-Saċerdoti

Ad Clerum 16/2012

IL-QALB SAĊERDOTALI

Fl-ittra lill-Efesin San Pawl jgħid: “Meta konna mejta minħabba fi dnubietna, Alla tana ħajja ġdida fi Kristu” (Ef 2,5)! Fi kliem ieħor, meta konna qalbna marida, Alla fejjaqna permezz tal-Qalb ta’ Ġesù! Continue reading >>

Digiret tal-Isqof

DIGRIET
TAL-EĊĊ. TIEGĦU MONS MARIO GRECH
ISQOF TA’ GĦAWDEX

LILL-ARĊIPRIETI, KAPPILLANI, RETTURI U
RESPONSABBLI TAL-ENTIJIET EKKLEŻJASTIĊI

Fl-aħħar żewġ laqgħat tal-Kulleġġ tal-Kappillani kont għaraft lill-Kappillani li:
a) kull  min qed iħaddem lil xi ħadd, dan għandu jkun skont il-liġi tax-xogħol.
b) Min għandu xi ħaddiem/a misluf/a  miċ-Ċivil, dan għandu jara li dawn jirrapportaw għax-xogħol skont in-normi ċivili.

Bil-preżenti qed nikkomunika din id-dispożizzjoni lill-entijiet ekkleżjastiċi kollha biex kulħadd jieħu ħsieb li jkun konformi.

Nitlob li nkun infurmat bis-sitwazzjoni ta’ kull każ.

Maħruġ mill-Kurja tal-Isqof, fir-Rabat, Għawdex, illum 10 ta’ Jannar 2012.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċellier