- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Il-Bibien Imqaddsa tal-Ġublew tal-Ħniena f’Għawdex

Posted By admin On December 9, 2015 @ 9:47 pm In Bishop Mario Grech, Bishop Mario Grech | Comments Disabled

Ilbieraħ, 8 ta’ Diċembru 2015, Solennità tal-Kunċizzjoni, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ħareġ id-Digriet uffiċjali tal-Ftuħ tal-Ġublew tal-Ħniena u ħabbar it-tliet Bibien Imqaddsa fid-Djoċesi ta’ Għawdex.  Hu xandru personalment waqt id-dħul tal-Purċissjoni tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Belt Victoria.

 

[1] dsc_6432.jpg

 

DIGRIET
LI JĦABBAR IL-BIBIEN IMQADDSA
LI SER JINFETĦU FID-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX
MATUL IL-ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA
Il-Ġublew tal-Ħniena mħabbar mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku huwa sena ta’ grazzja li l-Mulej qiegħed jagħti lill-Knisja tiegħu sabiex nikkontemplaw il-misteru tal-ħniena bla tarf ta’ Alla li jilma fil-Wiċċ ta’ Ibnu l-Għażiż, li “fih kollox jitkellem dwar il-ħniena” (Misericordiæ Vultus, 8).

Il-Knisja li hija f’Għawdex tilqa’ bi gratitudni lil Alla u b’responsabbiltà s-sejħa li qed jagħmlilha l-Vigarju ta’ Kristu fuq l-art sabiex “il-Ġublew ikun esperjenza ħajja ta’ kemm il-Missier hu qrib tagħna, hekk li bħal donnu jrid imissna b’idu ħelwa, biex isaħħaħ il-fidi ta’ kull min jemmen u hekk titqawwa dejjem iżjed ix-xhieda li jagħti” (FRANĠISKU, Ittra dwar l-Indulġenzi fil-Ġublew tal-Ħniena, 1 ta’ Settembru 2015).

Għaldaqstant, f’rabta max-xewqa tal-Papa Franġisku li matul din is-Sena Mqaddsa f’kull Knisja partikulari jkun hemm il-Bieb tal-Ħniena biex hekk tkun tista’ tieħu sehem dirett u tgħix dan il-Ġublew bħala mument straordinarju ta’ grazzja u ta’ tiġdid spiritwali (ara Misericordiæ Vultus, 2);

Ikkunsidrata r-rabta li torbot lil dan il-Poplu mal-Imqaddsa Verġni Marija, l-Omm tal-Ħniena, li matul dan il-Ġublew isseħibna bil-ħlewwa ta’ ħarsitha “biex ilkoll kemm aħna nistgħu niskopru mill-ġdid il-ferħ tal-ħlewwa ta’ Alla” (Misericordiæ Vultus, 24);

Xprunat mix-xewqa ta’ Ragħaj li matul dan iż-żmien tiġi mħeġġa fost il-fidili Nsara l-esperjenza tal-pellegrinaġġ lejn il-Bieb tal-Ħniena biex ikun “stimolu lejn il-konverżjoni” fil-mixja tagħna lejn il-Missier “Għani fil-Ħniena” (Efes 2,4) (ara Misericordiæ Vultus, 14);

Inħabbar li matul dan il-Ġublew, fid-Djoċesi tagħna ser jinfetħu tliet Bibien tal-Ħniena:
-    il-Bieb tal-Knisja Katidrali ddedikata lil Ommna Marija Mtellgħa s-Sema, li ser jinfetaħ solennement nhar it-13 ta’ Diċembru 2015, it-Tielet Ħadd tal-Avvent;
-    il-Bieb tas-Santwarju għażiż tal-Madonna Ta’ Pinu, li ser jinfetaħ nhar is-27 ta’ Diċembru 2015, Festa tal-Familja Mqaddsa u l-Jum Ġubilari tal-Familja;
-    il-Bieb tas-Santwarju antik tal-Kunċizzjoni fil-Qala, li ser jinfetaħ nhar it-2 ta’ Frar 2016, Solennità tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju u l-Jum li fih tiġi fi tmiemha s-Sena speċjali ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata.

Nirrakkomanda lill-Arċipriet tal-Knisja Katidrali u lir-Retturi taż-żewġ Santwarji jieħdu ħsieb li fil-perjodu li fih ikunu miftuħa l-Bibien tal-Ħniena jkun hemm servizz kontinwu ta’ akkoljenza għall-pellegrini li jiġu jitolbu, konfessuri disponibbli għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, kif ukoll “jifirxu l-mejda tal-karità” għall-foqra.

Inħeġġeġ lill-parroċċi kollha tad-Djoċesi sabiex matul din is-Sena jorganizzaw pellegrinaġġi lejn dawn l-“għejun tal-ħniena” ħalli jgħinu lill-Insara jitħeġġu dejjem aktar fil-mixja tagħhom wara Sidna Ġesù Kristu, il-Feddej tal-Bnedmin.

Nafda f’idejn il-Verġni Marija, li matul din is-Sena ser tilqagħna f’dawn it-tliet Santwarji tagħha, sabiex tgħinna nidħlu fis-santwarju tal-ħniena divina permezz ta’ Binha li hu l-Bieb li jwassalna għall-mergħat tas-salvazzjoni (ara Ġw 10,9).

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, illum it-Tlieta 8 ta’ Diċembru 2015,
Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni u Jum il-Ftuħ tas-Sena Mqaddsa.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Ritratti: Ħajr George Scerri


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/12/09/il-bibien-imqaddsa-tal-gublew-tal-hniena-fghawdex/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/12/dsc_6432.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.