- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Jiftaħ il-proċess djoċesan fil-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Dun Mikiel Attard

Posted By admin On August 5, 2012 @ 5:59 pm In Bishop Mario Grech, Bishop Mario Grech | Comments Disabled

MONS. MARIO GRECH
ISQOF TA’ GĦAWDEX

EDITT

Inquisitio dioecesana super vita, virtutibus heroicis et super sanctitatis signorumque fama
Servi Dei MICHAELIS ATTARD, Sacerdotis Diocesani (1933 - 2004).

MeMeta nqis l-għatx li l-bniedem ġenwin illum għandu għal Alla, nilqa’ bil-ferħ it-talba li saritli mill-Kleru tad-djoċesi tagħna biex nibda l-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla DUN MIKIEL ATTARD, saċerdot iben din il-Knisja lokali, għaliex din it-talba mhux biss tesprimi x-xewqa li l-Knisja tirrikonoxxi l-qdusija ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla, imma aktar minn hekk ninterpretaha bħala inizjattiva mmirata biex napprezzaw u nippruvaw nifhmu kif Alla l-Qaddis għadu jaħdem fil-bniedem li jiftaħ qalbu għalih.

L-opportunità ta’ dan il-proċess naraha wkoll meta nikkunsidra li llum qed jiżdied l-għadd ta’ dawk li qed isiru għerja mill-ħajja tal-virtù u b’konsegwenza ta’ dan qed toktor id-diżordni morali. Peress li l-għan ta’ dan l-istħarriġ huwa wkoll li joħorġu għad-dawl il-virtuijiet erojċi ta’ dan is-saċerdot leali lejn Kristu, lejn il-Knisja u lejn il-bniedem, għandi tama qawwija li, f’din l-epoka partikulari li jinsabu fiha l-Knisja u s-soċjetà, il-figura kontemporanja ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla taf tgħin biex il-bniedem jixxennaq biex jerġa’ jilbes il-ġmiel tal-ħajja tal-virtù, li hija l-istess qdusija.

Dun Mikiel Attard kien bniedem tal-Ispirtu. Mhux biss hu nnifsu kien iġorr il-marki ta’ Kristu fil-persuna u l-ministeru tiegħu, imma għamel ħiltu kollha biex il-bniedem isir aktar bniedem billi jikber fix-xebh ma’ Kristu. Bħala predikatur xandar lil Kristu f’pajjiżna u fil-missjoni, u bħala direttur spiritwali għen għadd sabiħ ta’ saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi jimirħu skont it-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu. Nemmen li dak li l-Qaddej ta’ Alla wettaq f’ħajtu meta ħajjar lil oħrajn jikbru fil-virtù, għadu jista’ jkompli jispira lill-bniedem tal-lum fl-istess direzzjoni.

Għalhekk, wara li fl-14 ta’ Mejju li għadda rċivejt in-nulla osta mill-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin biex inkun nista’ nibda din il-Kawża; u wara li smajt il-parir favorevoli ta’ ħija fl-Episkopat l-E.T. Mons Pawlu Cremona O.P., Arċisqof ta’ Malta, bil-preżenti:

- nistieden lill-Insara kollha biex jgħaddulna t-tagħrif kollu li għandhom dwar il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard. Nirrikkmanda li tgħarrfuna b’kull informazzjoni li tista’ ssaħħaħ il-fama tal-qdusija tal-Qaddej ta’ Alla jew hija kuntrarja għal dan;

- min, għax huwa konvint mill-qdusija ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla, jemmen li jkun qala’ xi grazzja bl-interċessjoni ta’ dan is-saċerdot, inħeġġu biex jgħarrafna b’dan;

- barra minn hekk, nagħmel appell biex dawk kollha li għandhom xi kitbiet ta’ Dun Mikiel Attard, kemm dawk stampati kif ukoll dawk privati, bħalma huma manuskritti, djarji, ittri u kull xorta ta’ dokument ieħor, biex tinfurmawna bihom u tgħaddulna jew id-dokument oriġinali jew almenu kopja awtentikata.

Dan it-tagħrif u dawn id-dokumenti għandhom jitwasslu lill-Vigarju Ġenerali tiegħi, ir-Rev.du Mons. Giovanni Gauci, fil-Kurja tagħna.

Fit-termini tal-Istruzzjoni Sanctorum Mater tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin (artikli 40-43), nordna li dan l-Editt jinqara fil-knejjes kollha tad-Djoċesi u jkun ippubblikat fir-Rivista djoċesana.

Mogħti llum, 1 ta’ Awwissu 2012,  mill-Kurja tal-Isqof, Victoria, Għawdex.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċellier


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/08/05/jiftah-il-process-djocesan-fil-kawza-ghall-beatifikazzjoni-ta-dun-mikiel-attard/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.