- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ittra tal-Isqof Mario Grech lis-Saċerdoti

Posted By admin On June 19, 2012 @ 8:59 am In Bishop Mario Grech, Bishop Mario Grech | Comments Disabled

Ad Clerum 16/2012

IL-QALB SAĊERDOTALI

Fl-ittra lill-Efesin San Pawl jgħid: “Meta konna mejta minħabba fi dnubietna, Alla tana ħajja ġdida fi Kristu” (Ef 2,5)! Fi kliem ieħor, meta konna qalbna marida, Alla fejjaqna permezz tal-Qalb ta’ Ġesù!

Huwa fatt li l-mard tal-qalb kotor. Forsi minħabba t-tip ta’ dieta, minħabba l-istil ta’ ħajja u anke minħabba t-tniġġis li hawn madwarna. Dan mhux biss mill-aspett fiżiku, imma anke fil-ħajja spiritwali żdied il-mard tar-ruħ minħabba l-ikel intelletwali, minħabba l-kultura ta’ żminijietna u minħabba it-tniġġis morali li għandna madwarna! Aħna s-saċerdoti, kif aħna suġġetti li nsibu ruħna taħt idejn il-kardjologu minħabba l-mard tal-qalb, aħna suġġetti wkoll għal mard li jista’ jaħkem il-qalb saċerdotali. Għalhekk, f’din is-solennità, fid-dawl ta’ dak li San Pawl jgħid lill-Efesin u mnebbaħ mix-xbieha tal-Qalb ta’ Ġesù, nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar il-“qalb saċerdotali”. Fil-lingwa tagħna għandna l-espressjoni qawwija: “bniedem bla qalb”! Allaħares xi ħadd jasal biex ilissen din il-frażi fuq il-presbiteri: li aħna presbiteri bla qalb!

Qalb umana
Nara tliet dimensjonijiet tal-qalb saċerdotali. L-ewwel nett is-saċerdot irid ikollu qalb umana. Ma tistax tkun saċerdot u ma tkunx rawwamt qalb li verament tħoss għall-bniedem u mal-bniedem. Dan ifisser li nkunu nagħmlu żball oħxon meta nitbiegħdu jew nabbandunaw il-bniedem. Għalhekk huwa imperattiv għalina s-saċerdoti li nkunu esperti fil-pastorali tat-triq biex hekk nakkumpanjaw il-bniedem, anke jekk minħabba f’hekk nimtlew bl-għabra u t-tajn.

Is-saċerdot ma jistax ma jikkultivax dawk il-virtujiet li jagħtu wiċċ uman lill-ministeru tagħna bħalma huma l-ħlewwa, it-tjubija, il-ġenerożità, is-serenità, is-sabar, il-kalma, eċċ. Dwar dan għandna eżempji ta’ saċerdoti li kellhom qalb umana kbira, bħal ma kienu Dun Ġorġ Preca, li din is-sena jagħlaq 50 sena mejjet, u Dun Mikiel Attard.

Il-qalb umana trid tagħti każ tal-ħtiġijiet materjali li, minkejja li l-bniedem qed jgħix f’welfare society, xorta għadhom itaqqlu l-ħajja ta’ ħafna. Imma l-bniedem għandu wkoll bżonnijiet spiritwali! Iħassibni l-fatt li llum l-attenzjoni għall-bniedem hija waħda parzjali, għax qed ikun indirizzat l-aspett fiżiku u materjali tal-bniedem u qed tkun ittraskurata d-dimensjoni spiritwali tiegħu. Jeżistu qagħdiet fil-ħajja spiritwali li għandhom itaqqlu l-qlub tagħna s-saċerdoti. Niftakar f’dik il-kategorija li semma l-Papa Benedittu XVI ftit ilu f’Milan meta rrefera għal dawk ħutna li l-ewwel żwieġ tagħhom tkisser u qabdu triq oħra. Ma nistgħux inkunu indifferenti quddiem din it-tbatija u għandna ngħinuhom jerfgħu s-salib. Il-problema tqum xħin niġu biex ngħinuhom isibu soluzzjoni. Għax jeżisti l-periklu li, biex dawn ma jmorrux jaħbsu li l-Knisja hija “bla qalb”, ngħinuhom b’mod żbaljat! Biex il-qalb umana tkun tista’ tgħin verament, trid tħobb fil-verità u twassal il-verità bl-imħabba. Għajnuna pastorali li tassew trid tgħin lill-bniedem għandha tkun dejjem imsejsa fuq il-verità. Fl-aħħar mill-aħħar il-verità biss tista’ tkun pastorali. Hija l-verità li teħles lill-bniedem (ara Ġw 8,32).

Qalb Kristuċentrika
Hawnhekk ngħaddi għat-tieni dimensjoni: is-saċerdot irid ikollu qalb Kristuċentrika. Huwa minnu li xi ħadd jista’ jgħid li dan huwa l-ovvju għax mill-vokazzjoni tiegħu s-saċerdot huwa alter Christus. Imma xorta waħda nara l-ħtieġa li ntenni dan il-prinċipju, għax verament għandna bżonn insawru fina qalb Kristika b’tali mod li meta ngħinu lill-bniedem, b’fedelta għall-missjoni li ngħatatilna, inwasslulu dak li kien jagħmel jew jgħid Kristu li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja. Is-saċerdot irid ikun jixbah id-dixxiplu l-maħbub li fl-Aħħar Ċena kellu rasu tmiss ma’ sider Ġesù. Jiena ċert li hekk dan seta’ jisma’ t-taħbit tal-qalb ta’ Ġesù f’dak il-mument għażiż u intens. Aħna lkoll imsejħin biex nisimgħu l-qalb tħabbat ta’ Ġesù biex minnha nitgħallmu nissintonizzaw il-qalb tagħna ma’ tiegħu u hekk ir-ritmu li bih tħabbat qalbna jkun aktar jixbah ir-ritmu li bih tħabbat il-qalb ta’ Ġesù!

Biex ikollna qalb Kristuċentrika hemm bżonn nikbru aktar fix-xebh tagħna ma’ Ġesù Kristu billi nissaħħu fl-intimità tagħna mal-Kelma u mal-persuna tiegħu, partikularment fil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija. Tassew nixtieq li fina s-saċerdoti toktor id-devozzjoni lejn Ġesù Ewkaristija biex taħt il-ħarsa tiegħu l-qalb tagħna gradwalment tkompli tinbidel u ssir bħall-Qalb ta’ Kristu.

Marbuta mal-ħajja ewkaristika tas-saċerdot hemm il-ħajja tat-talb. Jien nifhem li minħabba l-impenji li għandna, it-tentazzjoni li nittraskuraw it-talb hija reali; imma mbagħad, jekk inpoġġu fil-ġenb it-talb, ma niskantax li jkollna qalb umana li tħobb ħażin. L-ewwel dmir tas-saċerdot mhux l-attività pastorali imma t-talb fejn nistgħu wkoll ninterċedu quddiem Alla għall-poplu tiegħu u għad-dinja.

Qalb ekkleżjali
Fl-aħħar nett aħna s-saċerdoti ma jistax ikollna qalb awtentikament umana u Kristuċentrika jekk ma tkunx ukoll qalb ekkleżjali. Jien nilmaħ isserrep fostna ċerta ekkleżjoloġija żbaljata. Dan ifisser li rridu nkunu aktar viġilanti biex il-qalb tagħna ma titlifx din id-dimensjoni ekkleżjali. Aħna s-saċerdoti m’aħniex freelancers, imma kemm is-saċerdozju kif ukoll il-ministeru episkopali tiegħi jagħmlu sens biss jekk ikunu f’komunjoni mal-Knisja. Hija din l-għaqda ġerarkika li tassigurani li jien f’komunjoni vera ma’ Ġesù Kristu.

Din il-komunjoni trid tkun l-ewwel nett fuq il-livell ta’ duttrina. Nista’ nkun għaref aktar minn San Tumas t’Akwinu, imma b’daqshekk ma jkolli ebda assigurazzjoni li qiegħed fis-sewwa jekk ma nkunx f’konformità mal-Knisja. Huwa minnu li bit-tqegħid tal-idejn ilkoll irċievejna l-Ispirtu t’Alla li jaħdem fina; imma biex ikollna garanzija li huwa l-Ispirtu t’Alla u mhux l-ispirtu tagħna li qiegħed ikellimna, hemm bżonn li nsibu postna fil-Knisja. Qalbna trid tkun doċli u ubbidjenti għall-Maġisteru tal-Knisja. Bħalma Kristu kellu qalb li toqgħod għar-rieda tal-Missier, hekk aħna ma jistax ikollna qalb li ma tkunx imżejna b’din id-doċilità lejn dak li l-Knisja tgħallem bħala “qaddejja tal-verità”.

Imbagħad il-komunjoni trid tidher fl-operat tagħna s-saċerdoti. Jekk m’aħniex freelancers fit-tagħlim, lanqas m’aħna ministri indipendenti fl-apostolat! Fl-essere saċerdotali tagħna hemm eżiġenza ta’ kordinament u koperazzjoni bejnietna. Dan mhux prinċipju maniġerjali biex l-azjenda timxi aħjar, imma huwa prinċipju tal-ekkleżjoloġija li huwa oġġett tal-fidi tagħna. Min-natura tagħha stess il-Knisja hija komunjoni. Għalhekk il-qalb tagħna trid tkun tħabbat mal-qalb tal-Knisja - sentire cum Ecclesia. Biex ikun hemm dan l-atteġġjament, irridu naħdmu aktar flimkien f’direzzjoni waħda. Nixtieq nara aktar disponibbiltà u aktar koperazzjoni bejnietna biex il-missjoni tal-Knisja lokali tkun aktar effikaċi.

Waqt li niftakar li b’fomm Eżekjel Alla jgħid: “inneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam” (Eżek 36,26), nitlob lill-Qalb ta’ Ġesù tgħin lilna s-saċerdoti f’dan il-proċess ta’ bidla kontinwa biex qalbna tkun dejjem aktar umana, Kristuċentrika u ekkleżjali. B’dan il-mod mhux biss nevitaw li jikber il-mysterium iniquitatis li jmarrad il-qlub, imma nkunu aktar effettivi biex ngħinu lill-poplu t’Alla jikber fil-qdusija.

+ Mario Grech

16 ta’ Ġunju 2012
Solennità Liturġika tal-Qalb ta’ Ġesù u Jum Dinji ta’ Talb għall-Qdusija tas-Saċerdoti.
_______
(*) Meditazzjoni ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt l-adorazzjoni għas-Saċerdoti, Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana, il-Ġimgħa 16 ta’ Ġunju 2012.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/06/19/ittra-tal-isqof-mario-grech-lis-sacerdoti/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.