Id-diskussjoni pubblika dwar id-droga: Il-Kontribut tal-Fondazzjoni OASI

ID-DISKUSSJONI DWAR ID-DROGA

“Insib interessanti ħafna u naqbel mal-fehmiet espressi hawn taħt minn Dun Manwel Cordina Direttur Ġenerali tal-OASI” (Mons. Isqof Mario Grech).

_________________

 Il-fehma tal-Fondazzjoni OASI

1. Bħala OASI, taqblu jew taraw lok li għandhom ikunu aġġornati l-liġijiet marbuta mal-pussess u traffikar tad-droga? X’tipproponu?

Il-ħajja hija f’moviment kontinwu ta’ bidla u ta’ żvilupp soċjali. Għaldaqastant huwa meħtieġ ukoll li l-liġijiet u l-ordni li tirregola l-ħajja soċjali ta’ pajjiż jkunu aġġornati minn żmien għal żmien.

F’soċjetà demokratika dan huwa x-xogħol, l-obbligu u r-responsabbiltà ta’ dawk eletti fil-Parlament. Il-Parlament huwa l-post fejn, fil-limiti tal-Kostituzzjoni tal-pajjiż, huma diskussi u approvati liġijiet ġodda u jkunu aġġornati l-liġijiet eżistenti. Konsegwentament u loġikamnet it-tweġiba tiegħi f’isem sħabi membri fil-Fondazzjoni OASI hija li aħna naqblu u neżiġu li l-liġijiet varji tal-pajjiż minn żmien għal żmien ikunu aġġornati skont l-iżviluppi tax-xjenzi mediċi, psikoloġiċi, soċjali u forensiċi.

Fil-kuntest tat-tħejjijiet lejn Riforma fil-Qasam tal-Qrati u Ġustizzja, il-Fondazzjoni OASI tawgura li l-materja tkun diskussa u trattata minghajr għaġġla imma b’urġenza u b’mod verament konsultattiv. Mhux il-kompitu tal-OASI li tipproponi xi emendi jew suġġerimenti qabel ikollha f’idejja d-dokument bażiku mħejji apposta mill-konsulenti maħtura apposta mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

2. Taqblu mad-dekriminalizazzjoni tal-Ħaxixa? Għaliex?

L-OASI l-kompitu tagħha huwa primarjamenti li tagħmel ħidma soċjali favur il-ħajja permezz ta’ programmi ta’ prevenzjoni, ta’ intervent immedjati f’każi ta’ kriżijiet soċjali personali ma’ dawk li jridu jibdlu l-istil konfuż jew żmarrit ta’ ħajjithom u billi toffri kura terapewtika speċjalizzata lil dawk li jitolbu l-għajnuna biex joħorġu mill-morsa tad-dipendenza tagħhom. L-OASI bħala Fondazzjoni din il-ħidma soċjali ila tagħmilha għal dawn l-aħħar 23 sena. Kien għal dan il-għan li dalgħodu f’lukanda fl-Imġarr Għawdex l-OASI tellgħet diskussjoni pubblika u mqanqla mhux ftit fuq is-suġġett: Id-Droga - Realtà Attwali… Dekriminalizzazzjoni, Legalizzazzjoni jew Depenalizzazzjoni?

Bħala organizzazzjoni, l-OASI temmen li l-ħabs ma jirrijabilitax nies li jkun żbaljaw imma pjuttost jikkastigahom u jieqaf hemm, jekk ma jgħarraqhomx aktar. Mhux ghax għandu jkun hekk imma jiddispjaċini ngħid li fir-realtà hekk hu, il-piena tal-ħabs hija azzjoni vedikattiva aktar milli riabilitattiva. Allura aħna ma naqblux li bniedem li waqa’ dipendenti fuq xi sustanza għandu jintbagħat il-ħabs, għas-sempliċi raġuni li bniedem f’qagħda bħal din aktar għandu bżonn kura terapewtika mill-iżolament, għax il-kura terapewtika timmira lejn il-fejqan tal-għeruq imħassra li huma l-kawża tad-diżordni fil-bniedem li jirrikorri għad-droga, alkoħol jew azzjonijiet oħra perikolużi għas-saħħa u antisoċjali.

L-OASI hija stess temmen, u tgħallem ukoll lil dawk kollha li jirrikorru għandha għall-għajnuna u kura, li l-ksur ta’ liġi naturali, kriminali jew soċjali huwa nuqqas ta’ responsabbiltà u jitlob ammissjoni tal-verità oġġettiva u għaldaqstant indiema u rieda ta’ bidla għas-sewwa. Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan li għidt hawn fuq, aħna ma nemmnux li azzjoni fiha nfisha ħażina xi darba tista’ tkun dekriminalizzata b’daqqa ta’ pinna ta’ xi bniedem. Allura aħna ma naqblux mal-linja tad-dekriminalizzazzjoni iżda, b’ruħna u ġisimna wara depenalizzazzjoni. Dan ifisser li taħt ċirkustanzi personali varji, li kawża tagħhom bniedem jabbuża minn sustanzi tossiċi, il-piena tista’ u għandha tinbidel sakemm il-persuna taċċetta u tieħu l-għajnuna, anke darba tnejn jew tlieta. L-importanti li l-bniedem li jiżloq u jfittex l-għajnuna jingħata l-possibbiltà li jinbidel.

Il-Qorti għandha taġixxi meta persuna tkun irriformat u xorta tingħata piena wara żmien twil, b’konsegwenza li tispiċċa l-ħabs?

Il-ħabs mhux risposta soċjali u umanitarja għal kull azzjoni umana li hija żmarrita, jiġifieri antisoċjali. Allura biex ir-Riforma tal-Ġustizzja mwiegħda tkun waħda verament rivoluzzjonarja għandha toffri mhux liġijiet li jmorru kontra d-dritt, u għaldaqstant kontra l-obbligu tal-ħarsien tal-ħajja personali, familjari, soċjali u l-ordni ċivili, imma jekk toffri strutturi serji, effettivi li jagħtu opportunità lil min irid verament ibiddel u jtejjeb ħajtu biex ikun jista’ jagħmel dan mingħajr biża’ jew diffikultà.